Rikors ippreżentat fl-4 ta' Marzu 2013 - Alpiq RomIndustries u Alpiq RomEnergie vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-129/13)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Alpiq RomIndustries Srl (Bukarest, ir-Rumanija); u Alpiq RomEnergie Srl (Bukarest) (rappreżentanti: H. Wollmann u F. Urlesberger, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 2542 finali, tal-25 ta' April 2012 (SA.33451, 2012/C, ex 2012/NN) skont l-Artikolu 264 TFUE, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni. Fil-fehma tagħhom, l-allegata għajnuna mill-Istat ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ratione temporis tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Skont l-Anness V tal-Att ta' Adeżjoni tar-Rumanija, il-Kummissjoni għandha biss il-kompetenza li tistħarreġ l-għajnuna mill-Istat implementata qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fil-każ fejn tali miżuri kienu għadhom fis-seħħ wara l-adeżjoni. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, b'mod partikolari, li l-obbligi ta' Hidroelectrica fil-konfront tal-allegati benefiċjarji kienu diġà previsti fil-kuntratti ta' provvista ta' elettriku konklużi qabel l-adeżjoni b'mod tant ċar li kellha tiġi eskluża estensjoni sussegwenti tal-obbligu ta' forniment ta' Hidroelectrica, li kienet timplika vantaġġ addizzjonali.
____________