Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2024 minn Michael Heßler mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-369/22, Michael Heßler vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-137/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Michael Heßler (rappreżentant: I. Steuer-Lutz, Rechtsanwältin)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-369/22;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Marzu 2022 li tiċħad l-ilment tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea terġa’ tibda tagħti, b’mod retroattiv sa mill-1 ta’ Awwissu 2021, it-tnaqqis mit-taxxa previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 1 , kif stabbilit fil-Konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni Nru 222/04 2 , kemm-il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa;

tapplika l-interessi, skont ir-Regolament Finanzjarju, fuq il-pagamenti dovuti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka dawn l-aggravji:

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “att li jikkawża preġudizzju” għall-finijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 1 .

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellant għal amministrazzjoni tajba, li huwa previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn la kkonstatat ksur mill-Kummissjoni Ewropea tal-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha, u lanqas ma kkonstatat ksur mill-Kummissjoni Ewropea tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju.

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellant li jirċievi r-remunerazzjoni dovuta lilu sa fejn:

ikkonstatat li kien hemm, meta ma hemmx, rabta aċċessorja bejn l-għoti ta’ allowance għat-tfal u l-għoti ta’ tnaqqis mit-taxxa għal wild dipendenti,

interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “wild dipendenti”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68, sa fejn iddeċidiet li l-kwalità ta’ wild dipendenti tiddependi mill-età tal-wild u mhux mill-bżonnijiet tiegħu,

ma rrikonoxxietx lill-appellant id-dritt għat-tnaqqis mit-taxxa mitlub abbażi tad-dritt konswetudinarju u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

ma rrikonoxxietx in-natura legali tat-tnaqqis mit-taxxa mitlub, u

ma rrikonoxxietx li l-Konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni Nru 222/04 u d-Direttivi interni tal-Kummissjoni Ewropea li jimplimentaw dawn il-konklużjonijiet huma vinkolanti għall-Kummissjoni Ewropea.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33).

1     Konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni Nru 222/04 (SEC (2004) 411) tas-7 ta’ April 2004.

1     Regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali u Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, L 45, p. 1385).