Language of document : ECLI:EU:T:2019:234

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

10 ta’ April 2019 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili li joriġinaw mill-Indja – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 – Regolament (KE) Nru 1225/2009 (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036) – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur – Prezz ta’ esportazzjoni affidabbli – Kostruzzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Marġni raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u għal spejjeż ġenerali oħra – Marġni raġonevoli għall-profitt – Dannu lill-industrija tal-Unjoni – Kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni ta’ dannu – Rabta kawżali – Aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali tal-investigazzjoni antidumping – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑301/16,

Jindal Saw Ltd, stabbilita fi New Delhi (l-Indja),

Jindal Saw Italia SpA, stabbilita fi Trieste (l-Italja),

irrappreżentati minn R. Antonini u E. Monard, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland u G. Luengo, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Saint-Gobain Pam, stabbilita f’Pont-à-Mousson (Franza), irrappreżentata minn O. Prost, A. Coelho Dias u C. Bouvarel, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU 2016, L 73, p. 53), sa fejn dan ir-regolament jikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Jindal Saw Ltd, kumpannija privata rregolata mid-dritt Indjan, u Jindal Saw Italia SpA, kumpannija Taljana li tappartjeni lil Jindal Saw, huma attivi fil-produzzjoni u fil-bejgħ, b’mod partikolari, ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili intiżi għas-suq Indjan u għall-esportazzjoni. Matul il-perijodu rilevanti f’dan il-każ, tliet kumpanniji relatati kkummerċjalizzaw il-prodotti ta’ Jindal Saw fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri, minbarra Jindal Saw Italia, Jindal Saw España SL u Jindal Saw Pipeline Solutions, UK (imsejħa Jindal Saw UK) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw”).

2        Fl-10 ta’ Novembru 2014, konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, rettifika fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, rettifika fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 18, p. 1) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament bażiku”) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)), Saint-Gobain Pam, Saint-Gobain Pam Deutschland GmbH u Saint-Gobain Pam España S.A. ressqu lment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1225/2009, sabiex hija tibda investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili li joriġinaw mill-Indja.

3        Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, C 461, p. 35), il-Kummissjoni fetħet proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedura antidumping”).

4        B’mod parallel, fis-26 ta’ Jannar 2015, konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 188, p. 93, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91, rettifika fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku antisussidji”) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55)), Saint-Gobain Pam, Saint-Gobain Pam Deutschland u Saint-Gobain Pam España ressqu lment quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku, sabiex hija tibda investigazzjoni antisussidji, li wkoll tikkonċerna l-importazzjonijiet inkwistjoni.

5        Permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fil-11 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 83, p. 4), il-Kummissjoni fetħet proċedura antisussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedura antisussidji”).

6        Fl-24 ta’ Ġunju 2015, Jindal Saw ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tal-analiżi tad-dumping, tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u tal-interess tal-Unjoni. Dawn l-osservazzjonijiet kienu jkopru kemm il-proċedura antidumping kif ukoll il-proċedura antisussidji.

7        Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1559 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala “grafit ta’ ħadid fondut sferojdali”), li joriġina mill-Indja (ĠU 2015, L 244, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”). Il-prodott ikkonċernat kien iddefinit f’dan ir-regolament bħala tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala “grafit ta’ ħadid fondut sferojdali”) li joriġinaw mill-Indja.

8        Fit-23 ta’ Ottubru 2015, Jindal Saw ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni provviżorja fil-proċedura antidumping, filwaqt li fl-istess ħin talbet li tiġi organizzata seduta mill-Kummissjoni.

9        Fl-20 ta’ Novembru 2015, ġiet organizzata laqgħa. Fl-24 ta’ Novembru 2015, Jindal Saw bagħtet posta elettronika lill-Kummissjoni li fiha kkonfermat ċerti elementi diskussi matul din il-laqgħa, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, u fis-27 ta’ Novembru 2015, hija ssottomettiet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha sussegwenti għall-imsemmija laqgħa fil-kuntest tal-proċedura antidumping. Fid-9 ta’ Diċembru 2015, hija kkomunikat ċerti osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura antidumping u fil-kuntest tal-proċedura antisussidji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-natura ta’ sussidju tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid, it-tieni nett, id-dannu, it-tielet nett, it-tweġibiet għall-kwestjonarji magħmula mill-utenti tal-prodott ikkonċernat u, ir-raba’ nett, l-esklużjoni mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ta’ tubi li la għandhom kisi minn ġewwa u lanqas kisi minn barra.

10      Fit-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni informat lil Jindal Saw bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien previst li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-imsemmi prodott (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni finali”) kif ukoll bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien previst li jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv fuq l-istess importazzjonijiet. Qabel ma ssottomettiet il-kummenti tagħha, Jindal Saw talbet informazzjoni addizzjonali dwar erba’ punti speċifiċi permezz ta’ posta elettronika tat-12 ta’ Jannar 2016.

11      Fl-20 ta’ Jannar 2016, Jindal Saw ippreżentat il-kummenti tagħha dwar l-informazzjoni finali fil-kuntest tal-proċedura antidumping u fil-kuntest tal-proċedura antisussidji.

12      Fis-26 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni bagħtet lil Jindal Saw komunikazzjoni ta’ informazzjoni finali supplimentari dwar korrezzjonijiet magħmula għal ċerti elementi involuti fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping fil-kuntest tal-proċedura antidumping. L-iskadenza tat-terminu sabiex jiġu ppreżentati kummenti kienet iffissata għat-28 ta’ Jannar 2016.

13      Fit-28 ta’ Jannar 2016, Jindal Saw attendiet laqgħa organizzata mill-Kummissjoni. Din il-laqgħa kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-konklużjonijiet dwar is-sussidju li tikkostitwixxi t-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid u l-iskema ta’ tarifikazzjoni doppja tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fir-rigward tal-mineral tal-ħadid, il-kalkoli relatati mal-miżuri ta’ sussidju kollha, id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u d-dumping. Fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Jindal Saw li biha informatha b’ċerti korrezzjonijiet magħmula għall-kalkoli tal-indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura antidumping u fil-kuntest tal-proċedura antisussidji. L-iskadenza tat-terminu sabiex jiġu ppreżentati kummenti kienet iffissata għall-1 ta’ Frar 2016.

14      Fl-1 ta’ Frar 2016, Jindal Saw bagħtet żewġ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika lill-Kummissjoni, li fihom esponiet il-kummenti tagħha dwar, minn naħa, il-korrezzjonijiet magħmula għal ċerti indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2016. Dawn il-komunikazzjonijiet bil-posta elettronika kienu jinkludu wkoll diversi talbiet għal informazzjoni.

15      Fi tmiem il-proċedura antidumping u l-proċedura antisussidju, il-Kummissjoni adottat, rispettivament, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU 2016, L 73, p. 53, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/387 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU 2016, L 73, p. 1), li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament fil-kawża Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑300/16).

16      Fir-Regolament ikkontestat, il-prodott ikkonċernat ġie definittivament iddefinit bħala “tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali) […], bl-esklużjoni tal-pajpijiet duttili mingħajr kisi minn ġewwa u minn barra […] li joriġinaw mill-Indja, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90” (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fis-27 ta’ Settembru u fil-21 ta’ Novembru 2016 u fis-26 ta’ Jannar 2017.

18      Wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lil Imħallef Relatur ġdid fi ħdan l-Ewwel Awla.

19      Fil-11 u fil-21 ta’ Novembru 2016 u fl-14 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ressqu talbiet għal kunfidenzjalità li jirrigwardaw ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors, fir-replika u fil-kontroreplika.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2016, Saint-Gobain Pam talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Jannar 2017, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

21      Fis-6 ta’ Marzu 2017, l-intervenjenti ppreżentat nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota fl-24 ta’ Marzu u fid-19 ta’ April 2017.

22      Fl-20 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103(1) ta’ dawn ir-regoli, tipproduċi l-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja sabiex tiġi vverifikata l-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna msemmi fil-premessa 72 tar-Regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem l-“iżball tal-pinna”).

23      Fl-10 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni pproduċiet, f’forma diġitali, l-informazzjoni li għaliha tirreferi l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali.

24      Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata lill-partijiet fl-14 ta’ Settembru 2017, l-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrenti ġew mistiedna, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jikkonsultaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-imsemmija informazzjoni fil-bini tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Din il-konsultazzjoni seħħet fis-26 u fis-27 ta’ Settembru 2017.

25      Fit-18 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet wara l-konsultazzjoni mill-avukati tagħhom tal-informazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017”). F’din l-istess data, huma ressqu talba għal trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-intervenjenti, f’dak li jirrigwarda ċerti elementi mill-imsemmija informazzjoni.

26      Fl-14 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ressqet talba għal trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-intervenjenti, f’dak li jirrigwarda ċerta informazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017.

27      Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017.

28      Fil-15 ta’ Diċembru 2017, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 u dwar l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

29      Fis-27 ta’ April 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet prinċipali jwieġbu, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għal diversi mistoqsijiet u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini imposti. Huma kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet rispettivi tagħhom, ħaġa li saret, ukoll fit-termini imposti.

30      Fil-25 ta’ Ġunju 2018, wara t-tweġibiet tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali stiednet lil din tal-aħħar tippreżenta kalkolu kkorreġut tal-marġni ta’ dumping, fid-dawl ta’ żball ammess minnha, fil-kuntest ta’ miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

31      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna lilhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat-3 ta’ Lulju 2018.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017

34      L-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest espost iktar ’il quddiem.

35      Fil-fażi finali tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni informat lill-partijiet ikkonċernati bl-eżistenza tal-iżball tal-pinna. Dan l-iżball, li jirrigwarda ċerti indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, kien jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċertu bejgħ għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bħala bejgħ imwettaq fl-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkorreġiet l-informazzjoni dwar il-bejgħ fl-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni u rrevediet informazzjoni dwar indikaturi oħra li kienu ġew influwenzati, b’riperkussjoni, mill-iżball tal-pinna.

36      Fir-rikors, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet ir-reviżjonijiet kollha li kienet tinvolvi l-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna.

37      Fir-risposta, il-Kummissjoni esponiet b’mod dettaljat li l-iżball tal-pinna kien seħħ fit-traskrizzjoni ta’ ċerti ċifri, li jinsabu fi spreadsheet ikkompjuterizzata, imħejjija permezz ta’ programm tal-ispreadsheets, annessa mat-tweġibiet għall-kwestjonarju ta’ produttur tal-Unjoni, fi spreadsheet ikkompjuterizzata speċifika u li dan l-iżball ma kellu ebda effett fuq l-indikaturi l-oħra minbarra dawk li kienu ġew ikkorreġuti, billi l-indikaturi l-oħra kienu tħejjew fi spreadsheets ikkompjuterizzati distinti.

38      Skont il-Kummissjoni, l-uniċi indikaturi ta’ dannu li kienu ġew influwenzati, u li ġew irreveduti, kienu dawk li għalihom kienu nħolqu links awtomatiċi, fil-formoli ta’ kalkolu inklużi f’din l-ispreadsheet speċifika, bl-informazzjoni li kienet is-suġġett tal-iżball tal-pinna.

39      Il-Kummissjoni pproponiet li tqiegħed l-informazzjoni kkonċernata, li hija kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tippermetti lir-rikorrenti jivverifikaw il-fondatezza tal-ispjegazzjonijiet esposti fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq.

40      Wara l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stikka tal-USB li tinkludi l-informazzjoni li kienet intalbet il-produzzjoni tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fl-14 ta’ Settembru 2017, moqrija flimkien mal-imsemmija miżura istruttorja, l-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrenti ġew mistiedna, bil-kundizzjoni li jiffirmaw impenn ta’ kunfidenzjalità, jikkonsultaw id-dokumenti inklużi f’din l-istikka tal-USB fil-bini tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, esklużivament sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw il-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna.

41      Fl-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017, ippreżentati wara din il-konsultazzjoni, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-veraċità tal-imsemmija spjegazzjonijiet, iżda jallegaw li fl-imsemmija dokumenti skoprew ħames żbalji ġodda, li jissostanzjaw uħud mill-ilmenti tagħhom.

42      Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 huma inammissibbli, peress li jirrigwardaw kwistjonijiet estranji għas-suġġett tal-miżura istruttorja u tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali. Sussidjarjament, hija ssostni li r-rettifika tal-iżbalji identifikati mir-rikorrenti ma biddlitx l-analiżi li hija għamlet fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat.

43      L-intervenjenti, li minnha toriġina l-parti l-kbira tal-informazzjoni kunfidenzjali inkwistjoni, issostni essenzjalment li r-Regolament bażiku ma jawtorizzax l-iżvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali mibgħuta minn impriża lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura antidumping mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ din l-impriża. Sussidjarjament, l-intervenjenti titlob li tikseb aċċess iktar sħiħ minn dak li diġà ngħatalha għall-informazzjoni kkonċernata.

44      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames żbalji li jsemmu r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 ma humiex marbuta mal-iżball tal-pinna li wassal għall-miżura istruttorja u għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti Ġenerali u, għalhekk, mas-suġġett ta’ dawn il-miżuri.

45      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Regolament bażiku jirregola b’mod dettaljat l-aċċess tal-partijiet ikkonċernati għall-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping. Huwa jipprevedi sistema sħiħa ta’ garanziji proċedurali maħsuba, minn naħa, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod effettiv u, min-naħa l-oħra, sabiex, meta dan ikun neċessarju, tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni użata matul din l-investigazzjoni u jinkludi regoli li jippermettu li jiġu rrikonċiljati dawn iż-żewġ rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 96).

46      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju li kwalunkwe informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali għandha tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet, meta din in-natura tkun iġġustifikata b’raġunijiet validi. L-Artikolu 19(5) tar-Regolament bażiku jipprojbixxi, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni milli tiżvela kwalunkwe informazzjoni li tkun waslitilha skont l-imsemmi regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku minn dan tal-aħħar, u, ħlief fuq eċċezzjoni espressament prevista, milli tiżvela, b’mod partikolari, id-dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni.

47      Ir-Regolament bażiku jinkludi wkoll ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li r-rekwiżiti marbuta mad-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati li jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod effettiv jiġu rrikonċiljati ma’ dawk marbuta man-neċessità li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. Minn naħa, l-aċċess tal-partijiet ikkonċernati għall-informazzjoni disponibbli skont l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku huwa limitat min-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19(2) sa (4) tar-Regolament bażiku jipprevedi ċertu numru ta’ aġġustamenti tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sabiex jiġu ppreżervati l-imsemmija drittijiet tal-partijiet ikkonċernati.

48      F’dan il-każ, id-dokumenti li l-avukati tar-rikorrenti ġew awtorizzati jikkonsultaw jinkludu esklużivament informazzjoni kummerċjali ta’ tnejn mit-tliet kumpanniji li, f’dan il-każ, jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni. Din hija informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.

49      Għalhekk dawn huma dokumenti li l-iżvelar tagħhom ma setax jintalab mir-rikorrenti skont ir-Regolament bażiku. Aċċess għal dawn id-dokumenti ngħata biss lill-avukati tagħhom, u dan biss sabiex ikunu jistgħu jiġu vverifikati l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna mwettaq mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tillimita strettament dan l-aċċess, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-miżura istruttorja u mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali.

50      Fil-fatt, minn naħa, il-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali kienet ifformulata b’mod preċiż. Il-Kummissjoni kellha tipproduċi biss l-informazzjoni li kienet strettament neċessarja sabiex tiġi vverifikata l-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna.

51      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni nnotifikata lill-partijiet fl-14 ta’ Settembru 2017 kienet tipprevedi, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni biss sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fir-rigward tal-imsemmija spjegazzjonijiet, u mhux sabiex ir-rikorrenti jiġu pprovduti b’informazzjoni li tmur lil hinn mill-garanziji previsti mir-Regolament bażiku favur il-partijiet ikkonċernati, ħaġa li tmur kontra l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-imsemmija informazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, id-drittijiet tar-rikorrenti ġew iggarantiti mill-Artikolu 6(7) u mill-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament bażiku.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-każ ma jistax jiġi assimilat ma’ sitwazzjoni li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura u wara t-twettiq tal-ibbilanċjar imsemmi fl-Artikolu 103(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tikkomunika b’mod ġenerali lil parti prinċipali informazzjoni jew annessi kunfidenzjali prodotti mill-parti prinċipali l-oħra. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tat lill-avukati tar-rikorrenti aċċess speċifiku għall-ispreadsheets ikkompjuterizzati użati mill-Kummissjoni għat-tħejjija tal-indikaturi kontenzjużi bl-uniku għan li tippermettilhom jivverifikaw il-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-links maħluqa f’dawn l-ispreadsheets. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jasserixxu li kellhom aċċess ġenerali għal informazzjoni li l-għarfien tagħha jippermettilhom isostnu motivi jew ilmenti ġodda li għandhom jitqiesu li huma ammissibbli skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti stess ma talbux lill-Qorti Ġenerali tippermettilhom aċċess għad-dokumenti inkwistjoni sabiex ikunu jistgħu jużawhom b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, fir-replika, ir-rikorrenti talbu espliċitament li dan l-aċċess jingħatalhom għall-uniku għan li jivverifikaw il-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna.

54      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

55      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba sussidjarja tal-intervenjenti intiża li jinkiseb aċċess iktar sħiħ għall-informazzjoni kkonċernata.

 Fuq il-mertu

56      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jressqu, essenzjalment, erba’ motivi bbażati fuq diversi każijiet ta’ ksur tar-Regolament bażiku, jiġifieri:

–        l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(8) u (9), u, konsegwentement, tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u (3), u, konsegwentement, tal-Artikolu 3(6) u tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5) sa (8), tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku;

–        ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża.

57      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

58      Ir-raba’ motiv jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet.

59      Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku u d-dritt għal smigħ ta’ Jindal Saw billi ma bagħtitx lil din tal-aħħar ċertu numru ta’ dokumenti li din tal-aħħar kienet talbet mingħandha f’żewġ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika tal-1 ta’ Frar 2016.

60      Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ir-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun iktar u iktar fundamentali u li fost dawn id-drittijiet hemm id-dritt għal smigħ effettiv. Issa, ma jistax jiġi kompletament eskluż li, kieku Jindal Saw kellha l-possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet dwar l-informazzjoni li hija kienet talbet f’dak li jirrigwarda l-indikaturi ta’ dannu influwenzati mill-iżball tal-pinna u l-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni, inklużi l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BAĠ”) tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-grupp Saint-Gobain Pam, il-proċedura amministrattiva setgħet wasslet għal riżultat differenti u iktar favorevoli għaliha, peress li, preċedentement, il-Kummissjoni kienet diġà rrevediet l-opinjoni tagħha wara li kienu ntbagħtulha osservazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati.

61      Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku u d-dritt għal smigħ ta’ Jindal Saw billi ma tatx lil din tal-aħħar żmien suffiċjenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha wara l-komunikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu emendati. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li ma jistax jiġi kompletament eskluż li, kieku Jindal Saw kellha terminu konformi ma’ dak li tipprevedi l-imsemmija dispożizzjoni wara l-komunikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu emendati, hija kienet tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet iktar żviluppati li setgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tibdel l-opinjoni tagħha.

62      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

63      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, meta l-partijiet ikkonċernati f’investigazzjoni antidumping, b’mod partikolari il-produtturi esportaturi kkonċernati, jixtiequ li jkollhom aċċess għal informazzjoni li tirrigwarda fatti u kunsiderazzjonijiet li jistgħu jifformaw il-bażi ta’ miżuri antidumping bil-għan li jiddefendu l-interessi tagħhom, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva ċerti prinċipji u garanziji proċedurali.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, minn naħa, l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi ċerti modalitajiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ tal-partijiet ikkonċernati, liema dritt jikkostitwixxi dritt fundamentali rrikonoxxut mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-artikolu jipprevedi d-dritt li jiġu informati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huwa previst li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping definittivi. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jistabbilixxi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, meta l-Kummissjoni tipprevedi li tieħu deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk li jkunu ġew ikkomunikati preċedentement, hija għandha tikkomunikahom kemm jista’ jkun malajr u, fil-paragrafu 5 tiegħu, li l-partijiet ikkonċernati għandu jkollhom, bħala prinċipju, terminu minimu ta’ għaxart ijiem sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, liema terminu jista’ jkun iqsar fil-każ ta’ informazzjoni finali addizzjonali.

65      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża japplikaw mhux biss fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, iżda wkoll fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi kkonċernati b’mod dirett u individwali, u jwasslu għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom jimplika li dawn l-impriżi għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul din il-proċedura, li jesprimu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalkemm huwa minnu li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjoni antidumping (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-eżistenza ta’ irregolarità f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dawn id-drittijiet tista’ twassal għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazju antidumping biss sa fejn ikun hemm possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-parti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 107).

67      Madankollu, għandu jitfakkar li ma jistax jiġi impost fuq din il-parti li turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex kompletament eskluża, peress li l-imsemmija parti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali li dwarha sar ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Min-naħa l-oħra, hija l-parti kkonċernata li għandha tistabbilixxi b’mod konkret kif hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar fl-assenza tal-imsemmija irregolarità proċedurali, mingħajr ma tista’ tillimita ruħha li tinvoka l-impossibbiltà li tipprovdi osservazzjonijiet dwar sitwazzjonijiet ipotetiċi (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fl-informazzjoni finali, il-Kummissjoni kkomunikat lill-partijiet ikkonċernati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet kollha li hija qieset li kienu essenzjali u li abbażi tagħhom hija kienet qiegħda tipprevedi li timponi dazju antidumping definittiv, inklużi ċ-ċifri li jirrigwardaw l-indikaturi ta’ dannu u l-analiżi tat-tendenzi li wrew dawn l-indikaturi. Konkretament, minn naħa, il-Kummissjoni kienet irrilevat li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien naqas b’iktar minn 6 % u li din l-industrija kienet tilfet madwar 2.5 % ta’ ishma mis-suq f’suq li kien sejjer lura. Min-naħa l-oħra, dejjem fir-rigward ta’ din l-industrija, hija kienet indikat li profittabbiltà meqjusa li kienet dgħajfa flimkien ma’ tnaqqis fil-bejgħ u fl-ishma mis-suq fl-Unjoni kienu qiegħdu lil din tal-aħħar f’sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja diffiċli, u kkonkludiet, abbażi ta’ analiżi globali tal-indikaturi ta’ dannu kollha li hija qieset li kienu rilevanti u minħabba din is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja li tqieset li kienet diffiċli, li l-imsemmija industrija kienet ġarrbet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

70      L-ewwel ilment jirrigwarda ksur, minn naħa, tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, li għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet tad-difiża minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni mitluba fiż-żewġ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika ta’ Jindal Saw tal-1 ta’ Frar 2016 dwar, l-ewwel nett, il-komunikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu emendati wara l-iskoperta tal-iżball tal-pinna u, it-tieni nett, diversi spejjeż tal-industrija tal-Unjoni.

71      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni mitluba minn Jindal Saw dwar il-korrezzjonijiet magħmula lill-indikaturi ta’ dannu lill-Unjoni, għandu jiġi osservat li, qabelxejn, fil-komunikazzjoni bil-miktub tat-28 ta’ Jannar 2016, li informat lil Jindal Saw b’ċerti korrezzjonijiet magħmula lill-indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni semmiet espressament liema indikaturi ta’ dannu kienu ġew emendati wara l-iskoperta tal-iżball tal-pinna, jiġifieri dawk li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-konsum globali fl-Unjoni, it-tieni nett, is-sehem mis-suq tal-produtturi esportaturi, it-tielet nett, is-sehem mis-suq tal-imsemmija industrija u, ir-raba’ nett, il-prezz tal-bejgħ ta’ din l-industrija. Barra minn hekk, anness mehmuż ma’ din il-komunikazzjoni bil-miktub irriproduċa ċ-ċifri kkonċernati, ippreżentati fil-forma ta’ firxiet bħal fl-informazzjoni finali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat espressament fl-imsemmija komunikazzjoni bil-miktub li dawn l-emendi la kienu wasslu għal bidla fil-konklużjonijiet dwar it-tendenzi u lanqas għal bidla fil-konklużjonijiet finali li kienu ġew ikkomunikati preċedentement lill-partijiet ikkonċernati.

72      Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-emendi magħmula mill-Kummissjoni wara l-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna ma kinux jikkostitwixxu, fihom infushom, fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, għaliex dawn l-emendi ma għamlu ebda bidla fit-tendenzi li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tad-dannu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata mir-Regolament bażiku, b’mod partikolari mill-Artikolu 20(4) tal-imsemmi regolament, li tinforma lil Jindal Saw bl-imsemmija emendi u lanqas, a fortiori, ma kienet kostretta tagħti segwitu għat-talba ta’ din tal-aħħar intiża sabiex tikseb informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, hija ma kisritx l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament bażiku.

73      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ, għandu jitqies li, permezz tal-komunikazzjoni bil-miktub tagħha tat-28 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni kienet bagħtet l-elementi neċessarji kollha sabiex Jindal Saw tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-emendi magħmula wara l-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna, ħaġa li, barra minn hekk, Jindal Saw għamlet fl-ewwel posta elettronika tagħha tal-1 ta’ Frar 2016. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda osservazzjoni ġdida meta mqabbla ma’ dawk li kienu diġà ġew ippreżentati lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 2016. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat wara li Jindal Saw setgħet issostni kwalunkwe osservazzjoni utli u li r-rikorrenti ma pprovawx fil-kuntest ta’ din il-proċedura li Jindal Saw setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

74      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar ċerti spejjeż tal-industrija tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li kienet tkun turija ta’ amministrazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni li twieġeb għal din it-talba, anki jekk biss sabiex tgħarraf li din kienet informazzjoni kunfidenzjali li għaliha ma setgħetx tagħti aċċess lil Jindal Saw. Madankollu, l-assenza ta’ tweġiba speċifika għal din it-talba għal informazzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, moqri fid-dawl tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, għaliex l-informazzjoni supplimentari mitluba minn Jindal Saw ma kinitx tikkostitwixxi fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali ġodda.

75      Fil-fatt, mir-Regolament provviżorju, adottat fit-18 ta’ Settembru 2015, diġà kien jirriżulta li, għall-kalkolu tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż BAĠ tal-entitajiet ta’ produzzjoni ta’ din l-industrija, iżda wkoll l-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-imsemmija industrija. F’dan ir-rigward, il-premessa 92 tar-Regolament provviżorju kienet tiddikjara li “[i]l-Kummissjoni [kienet] stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni ngħata bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ” u li “[i]l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-prodott [simili] fl-UE [kien] sar permezz [tal-entitajiet] tal-bejgħ tal-produtturi tal-UE li kkooperaw u ġew ikkunsidrati l-kostijiet u l-profittabbiltà tiegħu”.

76      Il-fatt li Jindal Saw ma rrilevatx jew ma fehmitx korrettament il-portata ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-kuntest tar-Regolament provviżorju u rrepetuti fl-informazzjoni finali, li skontha l-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-profittabbiltà ta’ din l-industrija, ma jfissirx li l-kjarifiki magħmula f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2016 kienu jikkostitwixxu fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali ġodda. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament bażiku f’dan ir-rigward.

77      Mill-fatt li l-informazzjoni kkonċernata, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-profittabbiltà ta’ din l-industrija, kienet fil-pussess ta’ Jindal Saw mid-19 ta’ Settembru 2015, id-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju fil-Ġurnal Uffiċjali, jirriżulta wkoll li Jindal Saw kellha l-informazzjoni neċessarja sabiex issostni b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ dan il-kalkolu.

78      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

79      F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, dwar ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, sa fejn Jindal Saw ma kellhiex terminu ta’ għaxart ijiem, jew tal-inqas terminu suffiċjenti, sabiex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar l-emendi magħmula għal ċerti indikaturi ta’ dannu, għandu jiġi rrilevat li minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti terminu lill-partijiet ikkonċernati sabiex jifformulaw kummenti dwar kull emenda li hija twettaq b’riżultat tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali. Tali obbligu kien ikun jeżisti biss li kieku l-komunikazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2016 kienet inkludiet fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, li ma kienx il-każ.

80      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma ressqux argumenti oħra relatati mal-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna minbarra dawk li Jindal Saw kienet diġà ressqet fl-ewwel posta elettronika tagħha tal-1 ta’ Frar 2016.

81      Konsegwentement, xejn ma jippermetti li jitqies li l-proċedura antidumping setgħet wasslet għal riżultat differenti li kieku Jindal Saw kellha terminu itwal sabiex tippreżenta l-kummenti tagħha f’dan ir-rigward.

82      Barra minn hekk, jista’ jiġi enfasizzat li, anki wara li kkonsultaw dokumenti li jinkludu l-informazzjoni li potenzjalment ġiet influwenzata mill-iżball tal-pinna, fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma ressqu ebda argument ġdid b’rabta ma’ dan l-iżball, b’mod li aċċettaw li l-korrezzjoni tal-imsemmi żball ma kien jeħtieġ ebda rettifika oħra minbarra dawk li kienu saru mill-Kummissjoni u li ġew ikkomunikati lil Jindal Saw fit-28 ta’ Jannar 2016.

83      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, tal-Artikolu 9(4) tal-istess regolament

84      L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku

85      Min-naħa tagħha, l-ewwel parti tinkludi żewġ ilmenti.

86      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku billi ma użatx il-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali pprattikati minn Jindal Saw għall-bejgħ tagħha lill-entitajiet ta’ bejgħ tagħha u billi, minflok, użat il-kostruzzjoni ta’ prezz ta’ esportazzjoni. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali jistgħu jiġu esklużi mhux għas-sempliċi raġuni li jkun hemm assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur, iżda biss jekk ikun jidher li dawn il-prezzijiet ma humiex affidabbli minħabba din l-assoċjazzjoni, ħaġa li l-Kummissjoni ma pprovatx.

87      Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jinvokaw, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li l-fatt li ġie emendat wara l-ħolqien, fl-1 ta’ Jannar 1995, tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) juri bidla fl-approċċ impost minn din id-dispożizzjoni. Skonthom, għalkemm il-qrati tal-Unjoni għadhom ma tawx deċiżjoni dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-punt 59 tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Giant (China) vs Il‑Kunsill (T‑425/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:896), isostni l-interpretazzjoni tagħhom ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, huma jagħmlu riferiment għal regolament speċifiku li jimponi dazji antidumping, li minnu jirriżulta li l-Kummissjoni nnifisha interpretatha f’dan is-sens.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, dwar l-istabbiliment tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż esportatur, li minnha jirriżulta li assoċjazzjoni bejn il-partijiet f’bejgħ hija suffiċjenti sabiex jiġu esklużi l-prezzijiet ipprattikati bejn dawn iż-żewġ partijiet. Id-differenza fil-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ paragrafi tal-istess artikolu turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa distinzjoni sostanzjali bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

89      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

90      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, bħala prinċipju, il-“prezz ta’ l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Unjoni”. Huwa biss “[f’]każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza” li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jippermetti li l-prezz ta’ esportazzjoni jiġi kkostruwit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati nbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti.

91      Għalhekk, mill-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tqis li l-prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli f’żewġ każijiet, jiġifieri meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur jew terz jew minħabba arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew terz. Barra minn dawn il-każijiet, meta jkun hemm prezz ta’ esportazzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tibbaża ruħha fuq dan il-prezz għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, T‑88/98, EU:T:2002:280, punt 49, u tal-25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, T‑190/08, EU:T:2011:618, punt 26).

92      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-emendi suċċessivi għall-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi osservat li l-frażi “fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni […] bejn l-esportatur u l-importatur”, ikkonċernata minn dan l-ilment, hija fformulata f’termini kważi identiċi fil-frażi korrispondenti li inizjalment kienet tinsab fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 459/68 tal‑5 ta’ April 1968 dwar il-protezzjoni kontra l-prattiċi ta’ dumping, primjums jew sussidji min-naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1968, L 93, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping tal-1968”). Il-formulazzjoni użata f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet “[…] fejn jidher li l-prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli minħabba assoċjazzjoni […] bejn l-esportatur u l-importatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-formulazzjoni kienet tirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(e) tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), iffirmat f’Genève fit-30 ta’ Ġunju 1967, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1968.

93      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża NTN Toyo Bearing et vs Il‑Kunsill (113/77, EU:C:1979:39, Ġabra p. 1212[1253]), l-Avukat Ġenerali Warner, wara li rrileva dan ix-xebh, osserva li l-Artikolu 2(e) tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT kien interpretattiv tal-Artikolu VI tal-GATT u li t-termini tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament antidumping tal-1968 ma setgħux jiġu interpretati fis-sens li l-esklużjoni tal-prezzijiet reali kienet awtorizzata biss bil-kundizzjoni li kien ġie kkonstatat li kienu jeżistu motivi speċifiċi sabiex wieħed jaħseb li, b’riżultat ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur, dawn il-prezzijiet ma kinux affidabbli. Minn dan l-Avukat Ġenerali Warner ikkonkluda li l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur kienet suffiċjenti sabiex jitqies li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni ma kinux affidabbli.

94      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament antidumping tal-1968 ġie ssostitwit bl-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3017/79 tal‑20 ta’ Diċembru 1979 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ “dumping” jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1979, L 339, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping tal-1979”), u din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet ifformulata kif ġej:

“F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ esportazzjoni jew fejn jidher li hemm assoċjazzjoni […] bejn l-esportatur u l-importatur jew terz, jew fejn, għal raġunijiet oħra, il-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn [l-Unjoni] ma jistax iservi ta’ riferiment […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

95      Madankollu, ma jistax jitqies li din l-emenda tal-formulazzjoni kienet intiża li tibdel ir-regola dwar l-oneru tal-prova fir-rigward tal-affidabbiltà jew tal-assenza ta’ affidabbiltà tal-prezzijiet fil-każ ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur. Min-naħa l-oħra, hija kellha l-effett li testendi l-firxa tas-sitwazzjonijiet li fihom il-prezz realment imħallas għall-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni ma setax iservi ta’ riferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑156/87, EU:C:1990:116, punt 30). Dan jirriżulta miż-żieda tal-kliem “għal raġunijiet oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali], termini li ma kinux jinsabu fit-test tal-ftehim il-ġdid dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT. L-emenda magħmula għall-istruttura tas-sentenza, meta mqabbla ma’ dik tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament antidumping tal-1968, kienet neċessarja sabiex tiġi inkluża din iż-żieda. Għaldaqstant, is-sustanza tar-regola f’dak li jirrigwarda l-affidabbiltà tal-prezz ta’ esportazzjoni pprattikat bejn partijiet relatati baqgħet ma nbidlitx.

96      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament antidumping tal-1979 nżammet fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-leġiżlazzjonijiet li ssuċċedew lil dan tal-aħħar sakemm, min-naħa tagħha, din il-formulazzjoni ġiet issostitwita b’dik tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94 tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1994, L 349, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping tal-1994”), li tirreferi għall-ipoteżi ta’ assoċjazzjoni permezz tat-termini “fejn jidher li l-prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli minħabba assoċjazzjoni […] bejn l-esportatur u l-importatur jew terz” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-formulazzjoni hija paragunabbli mal-formulazzjoni oriġinali, kif kienet tidher fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament antidumping tal-1968, u mal-formulazzjoni tal-Artikolu 2.3 tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping WTO tal-1994”).

97      Mit-tielet u mill-ħames premessi tar-Regolament antidumping tal-1994 jirriżulta li l-emenda tar-regoli Komunitarji kienet tirriżulta mill-Ftehim antidumping WTO tal-1994, li kellha tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti tiegħu billi jiġu trasposti t-termini tiegħu fid-dritt Komunitarju sa fejn kien possibbli.

98      Għalhekk huwa ċar li l-leġiżlatur Komunitarju fittex, kemm jista’ jkun, li jallinja l-formulazzjoni tar-Regolament antidumping tal-1994 ma’ dik tal-Ftehim antidumping WTO tal-1994. Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ kummenti dwar l-emendi magħmula għall-formulazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata kemm fil-premessi u fix-xogħol preparatorju tar-Regolament antidumping tal-1979, li fih din il-formulazzjoni ġiet emendata għall-ewwel darba, kif ukoll f’dawk tar-Regolament antidumping tal-1994, li fih l-imsemmija formulazzjoni ġiet allinjata mill-ġdid mal-formulazzjoni użata fil-Ftehim antidumping WTO tal-1994, għandu jitqies li dawn l-emendi ma kinux intiżi li jwettqu bidla f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

99      Din l-analiżi ma hijiex invalidata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

100    L-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għall-punt 59 tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Giant (China) vs Il‑Kunsill (T‑425/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:896), għandu jiġi rrilevat li dan il-punt ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni barra mill-kuntest tiegħu. Issa, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar l-oneru tal-prova fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, iżda tat deċiżjoni biss dwar kwistjoni speċifika differenti.

101    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda r-riferiment magħmul mir-rikorrenti għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2003 tas‑26 ta’ Mejju 2003 li jagħlaq il-proċeduri antidumping u antisussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija tal-Atlantiku li joriġina min-Norveġja u l-proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija tal-Atlantiku li joriġina miċ-Ċilì u mill-Gżejjer Faeroe (ĠU 2003, L 133, p. 1), dawn tal-aħħar jinvokaw dikjarazzjoni, li tinsab fil-premessa 84 ta’ dan ir-regolament, li wkoll inħarġet mill-kuntest speċifiku tagħha, kif jirriżulta mill-premessi 82 sa 84 tal-imsemmi regolament.

102    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument li r-rikorrenti jibbażaw fuq id-differenza fil-formulazzjoni li teżisti bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, it-tieni waħda ma toriġinax mill-Ftehim antidumping WTO tal-1994, b’mod li ebda argument a contrario ma jista’ jiġi effettivament ibbażat fuq id-differenza fil-formulazzjoni bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet. Fil-fatt, peress li ma huwiex kostrett josserva l-formulazzjoni ta’ test adottat fil-kuntest tal-WTO, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jesprimi, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, l-istess idea bħal fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, iżda b’mod iktar espliċitu.

103    Għalhekk l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

104    Permezz tat-tieni lment, ippreżentat sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li, fi kwalunkwe każ, matul il-proċedura amministrattiva, Jindal Saw ipprovat li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni li hija kienet ipprattikat fil-konfront tal-entitajiet ta’ bejgħ tagħha kienu affidabbli, l-ewwel nett, b’riferiment għall-prezzijiet ipprattikati fil-konfront ta’ importaturi indipendenti fl-Unjoni, it-tieni nett, b’riferiment għall-prezzijiet ipprattikati fil-konfront ta’ importaturi indipendenti f’pajjiżi terzi u, it-tielet nett, fid-dawl tal-aċċettazzjoni, mill-awtoritajiet doganali, tal-imsemmija prezzijiet ta’ esportazzjoni.

105    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprovduti minn Jindal Saw fir-rigward tal-bejgħ dirett lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx, minn naħa, tirrifjuta li tuża dawn il-prezzijiet reali għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni ffatturati lill-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw, għar-raġuni li l-kwantitajiet mibjugħa direttament lil xerrejja indipendenti kienu żgħar wisq, u, min-naħa l-oħra, tuża l-imsemmija prezzijiet reali fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni.

106    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet ipprattikati fil-kuntest tal-bejgħ lil xerrejja indipendenti f’pajjiżi terzi, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludihom għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati fil-konfront tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw għar-raġuni li l-imsemmija bejgħ ma kienx jirrifletti b’mod suffiċjenti l-pożizzjoni ekonomika u l-aġir ta’ Jindal Saw fis-suq tal-Unjoni. Fil-fatt, skonthom, peress li r-Regolament bażiku stess jipprevedi, fl-Artikolu 2(3) tiegħu, l-użu tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għall-kostruzzjoni tal-valur normali, dawn il-prezzijiet għandhom ukoll jitqiesu li huma suffiċjentement affidabbli sabiex jitwettaq paragun li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet iffatturati lil importaturi relatati fl-Unjoni humiex affidabbli huma stess. L-argument imressaq f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju, li skontu Jindal Saw “ma biegħx [biegħet] lill-Unjoni fi kwantitajiet kbar permezz ta’ negozjanti relatati matul l-istess perjodu”, ma huwiex rilevanti. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet diġà użaw il-prezzijiet iffatturati fis-swieq ta’ pajjiżi terzi sabiex jivverifikaw l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni.

107    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni, mill-awtoritajiet doganali ta’ ċerti Stati Membri, tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati minn Jindal Saw fil-konfront tal-entitajiet ta’ bejgħ tagħha, il-Kummissjoni ma tistax targumenta validament li dawn l-awtoritajiet ma kinux qegħdin iwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod xieraq għas-sempliċi raġuni li r-rata tad-dazji fuq l-importazzjoni kienet ta’ 0 %, b’mod partikolari għaliex it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija kkalkolata fuq il-valur għal skopijiet doganali, fattur li kien jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex l-imsemmija awtoritajiet jivverifikaw il-prezz ta’ esportazzjoni.

108    Skont ir-rikorrenti, anki jekk jitqies li dawn l-elementi, meħuda b’mod iżolat, ma humiex suffiċjenti sabiex jipprovaw li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni ffatturati minn Jindal Saw lill-entitajiet ta’ bejgħ tagħha kienu affidabbli, dawn l-elementi, meħuda flimkien u fl-assenza ta’ prova kuntrarja, jistabbilixxu dan il-fatt.

109    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

110    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, il-Kummissjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li hija jkollha teżamina (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq dawn l-evalwazzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, EuroChem MCC vs Il‑Kunsill, T‑84/07, EU:T:2013:64, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkomunikati minn esportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, T‑88/98, EU:T:2002:280, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel ilment, mill-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, fil-każ ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur, ikun hemm preżunzjoni li l-prezzijiet ipprattikati bejniethom ma humiex affidabbli, b’mod li l-Kummissjoni tista’, bħala prinċipju, tikkostruwixxi l-prezz ta’ esportazzjoni. Madankollu, kif tammetti l-Kummissjoni, din hija preżunzjoni konfutabbli, li l-impriżi involuti jistgħu jikkonfutaw billi jipproduċu provi li jipprovaw li l-prezzijiet tagħhom huma affidabbli.

112    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, huma pproduċew provi xierqa sabiex jipprovaw li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati minn Jindal Saw fil-konfront tal-entitajiet ta’ bejgħ tagħhom kienu affidabbli.

113    Mill-premessa 35 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni qieset a priori li, f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet magħmula minn importaturi relatati, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni kellhom jiġu kkostruwiti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, fil-premessa 45 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni qieset li la l-bejgħ ta’ Jindal Saw lil partijiet indipendenti fl-Unjoni u lanqas il-bejgħ tagħha f’pajjiżi terzi ma setgħu jintużaw sabiex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali pprattikati minn Jindal Saw fil-konfront tal-entitajiet ta’ bejgħ tagħha.

114    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li huma pprovaw l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati minn Jindal Saw fil-konfront tal-entitajiet ta’ bejgħ tagħhom ma jistgħux jirnexxu.

115    Fl-ewwel lok, il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 45 tar-Regolament provviżorju, li l-bejgħ ta’ Jindal Saw lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni, li kien jirrappreżenta 1 % tal-bejgħ kollu ta’ Jindal Saw fl-Unjoni, ma kienx suffiċjenti, fil-volum u fil-valur, sabiex ikun rappreżentattiv u jservi ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati fil-kuntest tal-bejgħ lill-entitajiet ta’ bejgħ tagħha huwa indipendenti mill-kwistjoni jekk il-prezzijiet ta’ dan il-bejgħ lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni kinux jikkostitwixxu, meħuda b’mod iżolat, prezzijiet affidabbli għat-tranżazzjonijiet individwali inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma sostnietx li l-prezzijiet ipprattikati minn Jindal Saw fil-konfront tax-xerrejja indipendenti fl-Unjoni ma kinux affidabbli fihom infushom, iżda sostniet, permezz ta’ evalwazzjoni li ma hijiex ivvizzjata bi żball manifest, li dan il-bejgħ ma kienx suffiċjenti, fil-volum u fil-valur, sabiex ikun rappreżentattiv u, għalhekk, sabiex iservi ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-prezzijiet ipprattikati fir-rigward tar-rimanenti 99 % tal-esportazzjonijiet ta’ Jindal Saw lejn l-Unjoni, li kienu jikkorrispondu għal bejgħ bejn partijiet relatati.

116    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tuża l-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati minn Jindal Saw fil-kuntest tal-bejgħ tagħha f’pajjiżi terzi bħala riferiment sabiex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lill-entitajiet ta’ bejgħ tagħha, għandu jitqies li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata, ukoll mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li s-swieq ta’ pajjiżi terzi li fihom Jindal Saw kienet tbigħ il-prodotti tagħha kienu swieq pjuttost differenti minn dak tal-Unjoni u tqis, essenzjalment, li ma ġiex stabbilit li l-istrateġija fir-rigward ta’ prezzijiet f’dawn is-swieq kienet identika għal dik adottata fis-suq tal-Unjoni.

117    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li r-Regolament bażiku stess jipprevedi l-użu tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għall-kostruzzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat huwa irrilevanti. Fil-fatt, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-kalkolu tal-valur normali u l-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni huma operazzjonijiet distinti, li huma bbażati fuq metodi ta’ kalkolu differenti, previsti fl-Artikolu 2(3) sa (7) tar-Regolament bażiku u fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku, rispettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Canon et vs Il‑Kunsill, 277/85 u 300/85, EU:C:1988:467, punt 37). Għaldaqstant, ma jistax isir raġunament abbażi ta’ paralleliżmu bejn il-metodi ta’ determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni u tal-valur normali.

118    Barra minn hekk, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, l-użu tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni għall-kalkolu tal-valur normali huwa permess “sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi”. Issa, ir-rikorrenti la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali ma pprovaw li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi pprattikati minn Jindal Saw kienu rappreżentattivi.

119    Fl-aħħar nett, ladarba jkun ġie stabbilit li l-valur normali għandu effettivament jiġi kkostruwit, il-Kummissjoni twettaq din il-kostruzzjoni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-użu tal-prezz ta’ esportazzjoni fi swieq ta’ pajjiż terz huwa previst wara li jkun ġie deċiż li l-valur normali jiġi kkostruwit, u mhux sabiex jiġi deċiż jekk dan għandux jiġi kkostruwit jew le. Għaldaqstant, anki jekk jiġi aċċettat li l-proċeduri għad-determinazzjoni tal-valur normali u għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni huma paragunabbli, quod non, ma jistax jiġi stabbilit parallel bejn il-possibbiltà li jintużaw il-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għall-kostruzzjoni tal-valur normali, li hija prevista fi stadju sussegwenti tal-proċedura, u l-kwistjoni jekk prezz ta’ esportazzjoni għandux jiġi kkostruwit jew le skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

120    Barra minn hekk, indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma tal-mezz inizjalment magħżul minn istituzzjoni meta din ikollha marġni ta’ diskrezzjoni għall-għażla tal-mezzi neċessarji għat-twettiq tal-politika tagħha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals/Conseil, T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-eżempju li huma jipprovdu insostenn tal-argument tagħhom, li skontu l-istituzzjonijiet diġà użaw prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi sabiex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 905/2011 tal‑1 ta’ Settembru 2011 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate (PET) li joriġina fl-Indja (ĠU 2011, L 232, p. 14), li jinvokaw ir-rikorrenti, kien jirrigwarda sitwazzjoni fejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni ma setgħux jintużaw jew għaliex ma kien hemm ebda esportazzjoni lejn l-Unjoni matul ċerti xhur jew għaliex kien hemm impenn ta’ prezz li skontu l-impriża inkwistjoni kienet kostretta tbigħ il-prodotti tagħha fis-suq tal-Unjoni bi prezz ogħla minn prezz ta’ importazzjoni minimu ffissat kull xahar skont impenn minn qabel.

121    Fit-tielet u fl-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni messha aċċettat il-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali ffatturati minn Jindal Saw lill-entitajiet ta’ bejgħ tagħha, għaliex dawn il-prezzijiet kienu ġew aċċettati mill-awtoritajiet doganali u fiskali ta’ ċerti Stati Membri, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “valur doganali” fis-sens, attwalment, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, rettifika fil-ĠU 2016, L 267, p. 2) u l-kunċett ta’ “prezz ta’ l-esportazzjoni” fis-sens, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tar-Regolament bażiku, ma jistgħux jiġu assimilati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1995, Descom Scales vs Il‑Kunsill, T‑171/94, EU:T:1995:164, punt 39).

122    L-argument addizzjonali tar-rikorrenti, dwar l-użu tal-valur għal skopijiet doganali bħala bażi għall-kalkolu tal-VAT għandu wkoll jiġi miċħud għall-istess motivi.

123    F’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-rikorrenti li, anki jekk, meħuda b’mod iżolat, l-elementi eżaminati fil-punti 115 sa 122 iktar ’il fuq ma humiex suffiċjenti sabiex jipprovaw li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati minn Jindal Saw fil-konfront tal-entitajiet ta’ bejgħ tagħha kienu affidabbli, dawn l-elementi, meħuda flimkien, għandhom jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex jipprovaw din l-affidabbiltà, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija elementi għandhom biss valur ta’ indizju. Issa, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni sabiex twettaq l-evalwazzjonijiet li hija obbligata twettaq fir-rigward tan-natura affidabbli jew le tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati bejn esportatur u importatur assoċjati, il-fatt li l-Kummissjoni qieset li dawn l-indizji, sa fejn setgħu jiġu ammessi fid-dawl tal-oġġezzjonijiet li hija kienet qajmet, ma kinux suffiċjenti sabiex jipprovaw l-affidabbiltà tal-prezzijiet iffatturati minn Jindal Saw lill-entitajiet ta’ bejgħ tagħha, ma jistax jitqies li jikkostitwixxi żball manifest.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, tal-Artikolu 9(4) tal-istess regolament

125    It-tieni parti tal-ewwel motiv ukoll jinqasam f’żewġ ilmenti.

126    Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, filwaqt li jibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq il-punti 6.99 u 6.100 tar-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fl-1 ta’ Frar 2001 fit-tilwima intitolata “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping fuq pjanċi tal-azzar inossidabbli f’rombli u folji u strixxi tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Korea” (WT/DS 179/R, iktar ’il quddiem it-“tilwima L-Istati Uniti – Azzar inossidabbli (Il-Korea)” u r-“rapport tal-grupp speċjali fit-tilwima L-Istati Uniti – Azzar inossidabbli (Il-Korea)”, rispettivament), ir-rikorrenti jsostnu li l-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni hija intiża li tistabbilixxi l-prezzijiet li kienu jitħallsu mill-importatur relatat li kieku l-bejgħ kien sar taħt kundizzjonijiet kummerċjali normali. Issa, il-prezz ta’ esportazzjoni kkostruwit mill-Kummissjoni ma huwiex “affidabbli”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

127    L-assenza ta’ affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti mill-Kummissjoni hija ssostanzjata mill-fatt li dawn il-prezzijiet, bħala medja, jirrappreżentaw biss frazzjoni, kultant saħansitra inqas minn nofs, tal-prezzijiet reali ffatturati mill-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni u frazzjoni simili tal-prezzijiet iffatturati minn Jindal Saw lil xerrejja indipendenti fi swieq ta’ pajjiżi terzi, ħaġa li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni. F’xi każijiet, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti huma saħansitra żero jew negattivi.

128    Barra minn hekk, ir-rikorrenti argumentaw fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, kif speċifikati waqt is-seduta, li n-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti f’dan il-każ huwa pprovat ukoll mill-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tinkludi parti mill-bejgħ ta’ Jindal Saw lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni fil-kalkolu ta’ dawn il-prezzijiet. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-kontestazzjoni li huma kienu fformulaw dwar dan il-punt.

129    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

130    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, meta l-prezz ta’ esportazzjoni jiġi kkostruwit fuq il-bażi tal-prezz tal-ewwel xerrej indipendenti jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, “l-aġġustament għall-ispejjeż kollha […] sofferti bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti li jseħħu, għandhom isiru sabiex jiġi stabbilit prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ min joqgħod fuqu, fil-livell tal-fruntiera [tal-Unjoni]”. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-ispejjeż li għalihom għandu jsir aġġustament għandhom jinkludu, b’mod partikolari, “l-marġini raġjonevoli għall-ispejjeż [BAĠ] u l-profitt”.

131    Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix metodu ta’ kalkolu jew ta’ determinazzjoni tal-marġni għall-ispejjeż BAĠ u għall-profitt, iżda jillimita ruħu li jirreferi għan-natura raġonevoli tal-imsemmi marġni. Lanqas il-Ftehim antidumping WTO tal-1994 ma jistabbilixxi metodu f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 6.91 tar-rapport tal-grupp speċjali fit-tilwima L-Istati Uniti – Azzar inossidabbli (Il-Korea).

132    Barra minn hekk, id-determinazzjoni ta’ marġnijiet raġonevoli għall-ispejjeż BAĠ u għall-profitt ma hijiex eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq, li skontha l-Kummissjoni, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżerċita biss stħarriġ limitat. Fil-fatt, din id-determinazzjoni tinvolvi neċessarjament evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il‑Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur, hija l-parti kkonċernata li għandha l-intenzjoni tikkontesta l-portata tal-aġġustamenti magħmula abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, sa fejn il-marġnijiet iddeterminati fir-rigward tal-ispejjeż BAĠ u tal-profitt ikunu eċċessivi, li għandha tipproduċi provi u kalkoli konkreti li jiġġustifikaw l-allegazzjonijiet tagħha u, b’mod partikolari, ir-rata alternattiva li hija tipproponi jekk ikun il-każ (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il‑Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-ewwel ilment, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, meta l-prezz ta’ esportazzjoni jiġi kkostruwit, l-għan ikun li jiġi stabbilit prezz ta’ esportazzjoni affidabbli fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, kif jispeċifika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Dan jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Korpi ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO, speċjalment mill-punt 6.99 tar-rapport tal-grupp speċjali fit-tilwima L-Istati Uniti – Azzar inossidabbli (Il-Korea).

135    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti li l-assenza ta’ affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti mill-Kummissjoni hija pprovata mill-fatt li dawn jirrappreżentaw biss frazzjoni tal-prezzijiet ipprattikati mill-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw lil xerrejja indipendenti, mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-prezz imħallas mill-ewwel xerrej indipendenti huwa punt ta’ tluq għall-kostruzzjoni ta’ prezz ta’ esportazzjoni. Għaldaqstant, il-prezz ta’ esportazzjoni kkostruwit ser jikkorrispondi neċessarjament għal perċentwali tal-prezz iffatturat lill-ewwel xerrej indipendenti, fid-dawl tad-diversi aġġustamenti li din id-dispożizzjoni teżiġi li jsiru.

136    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-bejgħ ta’ Jindal Saw lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni, kif diġà ġie indikat fil-premessi 33 u 39 tar-Regolament provviżorju, dan il-bejgħ kien jikkostitwixxi bejn wieħed u ieħor 1 % tal-bejgħ kollu ta’ Jindal Saw fl-Unjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 115 iktar ’il fuq, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball manifest, li volum daqshekk żgħir ta’ bejgħ ma setax jitqies li kien rappreżentattiv u, għalhekk, li l-prezzijiet ipprattikati minn Jindal Saw fil-konfront tax-xerrejja indipendenti fl-Unjoni ma setgħux, waħedhom, iservu ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni pprattikati għal bejgħ bejn partijiet relatati. Għall-istess raġuni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma evalwatx l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti bit-teħid ta’ dan il-bejgħ bħala punt ta’ riferiment.

137    Għaldaqstant, peress li ż-żewġ provi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel ilment ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu minnhom infushom li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti mill-Kummissjoni ma humiex affidabbli fis-sens tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

138    Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura “raġjonevoli”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, tal-marġni ta’ spejjeż BAĠ u tal-marġni ta’ profitt adottati mill-Kummissjoni għall-aġġustamenti magħmula fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ lill-ewwel xerrejja indipendenti.

139    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ispejjeż BAĠ li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni bbażat il-kalkoli tagħha fuq l-ispejjeż reali tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw, ir-rikorrenti jikkritikawha, l-ewwel nett, talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, bil-għan li teskludihom mill-aġġustamenti li għandhom isiru għall-ispejjeż BAĠ, l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa minn tnejn minn dawn l-entitajiet ta’ bejgħ, jiġifieri Jindal Saw Italia u Jindal Saw UK, ħaġa li hija setgħet tagħmel billi tuża għal dawn iż-żewġ entitajiet il-marġni ta’ spejjeż BAĠ adottat għat-tielet entità ta’ bejgħ, Jindal Saw España, li ma kinitx twettaq attivitajiet ta’ pproċessar, jew, tal-inqas, billi tapplika għal Jindal Saw UK l-istess marġni ta’ spejjeż BAĠ bħal dak applikat għal Jindal Saw Italia.

140    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma aġġustatx l-ispejjeż BAĠ reali tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw b’mod li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett, fuq dawn l-ispejjeż, tal-fatt li l-bejgħ fl-Unjoni ta’ dawn l-entitajiet ma kienx għadu laħaq livell normali.

141    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li l-Kummissjoni użat informazzjoni reali dwar l-ispejjeż BAĠ tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw għall-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni ma jfissirx li din l-informazzjoni tikkorrispondi, mid-definizzjoni tagħha stess, għall-kunċett ta’ marġni ta’ spejjeż BAĠ raġonevoli fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

142    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, qabelxejn, li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jimponi fuq il-Kummissjoni mhux li tuża metodu raġonevoli għall-kalkolu tal-ispejjeż BAĠ, iżda li tuża spejjeż BAĠ raġonevoli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrilevaw li din id-dispożizzjoni ma ssemmix li għandha tintuża informazzjoni reali għall-ispejjeż BAĠ, kuntrarjament għal dak li jispeċifika l-leġiżlatur tal-Unjoni, pereżempju, fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk hemm differenza bejn ir-rekwiżit li tintuża informazzjoni reali għall-ispejjeż BAĠ u r-rekwiżit li jintuża marġni raġonevoli għall-istess spejjeż. Fl-aħħar nett, anki li kieku l-ispejjeż reali kellhom jitqiesu li huma raġonevoli, din ma tkunx preżunzjoni inkonfutabbli. Issa, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex l-elementi msemmija mir-rikorrenti u l-livell għoli ħafna tal-ispejjeż BAĠ tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw, bħala tali, ma rrendewx irraġonevoli l-marġni ta’ spejjeż BAĠ adottat f’dan il-każ.

143    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-marġni ta’ profitt teoretiku meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli użat marġni ta’ profitt li huwa irrazzjonali għal importatur li għalih, fl-istess ħin, jiġi applikat marġni għoli ħafna ta’ spejjeż BAĠ. Skonthom, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tapplika marġni ta’ profitt teoretiku, hija għandha wkoll tuża marġni ta’ spejjeż BAĠ teoretiku raġonevoli li jippermetti li jintlaħaq dan il-livell ta’ profitt, għaliex in-natura raġonevoli tal-marġni ta’ spejjeż BAĠ u dik tal-marġni ta’ profitt jiġu evalwati wkoll billi dawn il-marġnijiet jiġu eżaminati billi wieħed jitqabbel mal-ieħor.

144    Fit-tielet u fl-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-marġni ta’ spejjeż BAĠ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta stabbilixxiet dan il-marġni għall-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw fil-forma ta’ perċentwali li tesprimi r-relazzjoni bejn l-ispejjeż BAĠ reali tagħhom u d-dħul mill-bejgħ reali tagħhom, li kien jikkorrispondi għal telf. Fil-fatt, skonthom, il-Kummissjoni messha stabbilixxiet dan il-marġni billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ reali miżjud bil-marġni ta’ profitt teoretiku li hija ħadet ukoll inkunsiderazzjoni.

145    Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-irregolaritajiet li jinfluwenzaw l-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti, il-marġni ta’ dumping adottat mill-Kummissjoni ġie stmat b’mod eċċessiv, b’mod li d-dazju antidumping impost, stabbilit abbażi ta’ dan il-marġni, jeċċedi l-marġni ta’ dumping kif messu ġie ddeterminat, bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

146    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

147    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma użatx marġni ta’ spejjeż BAĠ raġonevoli sabiex tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ esportazzjoni sa fejn użat l-ispejjeż reali tal-entitajiet ta’ Jindal Saw sabiex tistabbilixxi dan il-marġni, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż reali tal-importatur li l-prezzijiet tiegħu ffatturati lill-ewwel xerrejja indipendenti jservu għall-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti ma jistax jitqies li huwa żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li dawn l-ispejjeż reali jikkostitwixxu a priori l-iktar informazzjoni affidabbli sabiex jiġu stabbiliti l-aġġustamenti previsti f’dan ir-rigward fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix espliċitament il-possibbiltà li l-marġni ta’ spejjeż BAĠ jiġi stabbilit abbażi ta’ informazzjoni reali ma jistax ifisser li l-użu tal-ispejjeż reali huwa irraġonevoli.

148    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ Jindal Saw Italia u ta’ Jindal Saw UK għall-istabbiliment tal-ispejjeż BAĠ reali ta’ dawn iż-żewġ entitajiet, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni esponiet essenzjalment, fil-premessi 45 sa 47 tar-Regolament ikkontestat, minn naħa, li estrapolazzjoni abbażi tal-ispejjeż BAĠ ta’ Jindal Saw España, li ma kellha ebda attività ta’ pproċessar, ma kinitx kompatibbli mal-metodu li hija kienet adottat u li qieset li kien xieraq, li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-ispejjeż BAĠ abbażi tal-ispejjeż reali mġarrba minn kull waħda mill-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw, u, min-naħa l-oħra, li hija ma setgħetx twettaq adattament tal-ispejjeż BAĠ ta’ Jindal Saw UK peress li ma kienet ġiet ikkomunikata lilha ebda informazzjoni dwar it-tqassim ta’ dawn l-ispejjeż wara l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju.

149    Peress li, kif jirriżulta mill-punt 147 iktar ’il fuq, l-għażla tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż reali tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw ma tistax tiġi kkritikata fiha nnifisha, hija ma tistax tiġi validament ikkritikata talli rrifjutat li twettaq estrapolazzjoni mill-ispejjeż BAĠ ta’ Jindal Saw España sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta’ pproċessar taż-żewġ entitajiet ta’ bejgħ l-oħra ta’ Jindal Saw, jew mill-ispejjeż BAĠ ta’ Jindal Saw Italia sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ Jindal Saw UK.

150    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 133 iktar ’il fuq, huma l-partijiet ikkonċernati, sa fejn ikollhom l-intenzjoni li jikkontestaw parti mill-aġġustamenti mħabbra, li għandhom jipproduċu ċifri insostenn tal-kontestazzjoni tagħhom, bħalma huma kalkoli konkreti li jiġġustifikaw din il-kontestazzjoni.

151    F’dan il-każ, mill-premessa 47 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li tali ċifri ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ Jindal Saw Italia u li l-Kummissjoni wettqet adattament tal-ispejjeż BAĠ ta’ din l-entità ta’ bejgħ abbażi ta’ dawn iċ-ċifri, mingħajr ma ssemmew, quddiem il-Qorti Ġenerali, entrati ta’ spejjeż preċiżi li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni meta twettaq dan l-adattament. Min-naħa l-oħra, tali informazzjoni ma ġietx ikkomunikata f’dak li jirrigwarda lil Jindal Saw UK, mingħajr ma r-rikorrenti pprovdew spjegazzjoni preċiża f’dan ir-rigward.

152    Fl-aħħar nett, jekk jitqies li t-talba li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ Jindal Saw Italia u ta’ Jindal Saw UK billi jiġi estrapolat il-marġni ta’ spejjeż BAĠ ta’ Jindal Saw España tista’ tiġi kkunsidrata li hija kontestazzjoni espressa f’ċifri, fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq ġie rrilevat li din it-talba kienet ġiet validament miċħuda mill-Kummissjoni.

153    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effett fuq l-ispejjeż BAĠ reali tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw tal-fatt li l-bejgħ fl-Unjoni ta’ dawn l-entitajiet ma kienx għadu laħaq livell li jitqies li huwa normali, għandu jiġi osservat li dan l-argument ma jistax jirnexxi, għaliex lanqas dan l-argument ma ġie ssostanzjat b’ċifri li jirrigwardaw l-aġġustamenti tal-marġni ta’ spejjeż BAĠ li r-rikorrenti kienu jqisu li kienu meħtieġa għal dan il-motiv.

154    Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li impriża tipprova li hija tinsab f’fażi tal-bidu f’suq ġdid u li, għal din ir-raġuni, il-bejgħ tagħha ma jkunx għadu laħaq il-livell li hija tista’ tistenna li tilħaq fl-imsemmi suq u tipproduċi ċifri fir-rigward tal-effett ta’ din is-sitwazzjoni. F’każ bħal dan, ir-rekwiżit li jiġi adottat marġni ta’ spejjeż BAĠ raġonevoli jimponi fuq il-Kummissjoni, bħala prinċipju, li tevalwa dawn il-provi u li tagħmel l-aġġustamenti neċessarji skont dawn il-provi. Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma pproduċew tali provi f’dan il-każ.

155    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-użu mill-Kummissjoni ta’ marġni ta’ profitt teoretiku ta’ 3.7 %, din tal-aħħar esponiet essenzjalment, fil-premessa 50 tar-Regolament ikkontestat, li, minħabba li l-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw kienu qegħdin jagħmlu telf, kien impossibbli li jsir riferiment għal informazzjoni reali sabiex jiġi stabbilit il-marġni ta’ profitt ta’ dawn l-entitajiet, b’mod li, fl-assenza ta’ kwalunkwe parametru ta’ riferiment raġonevoli ieħor, kien ġie adottat profitt medju.

156    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li għandu jsir aġġustament għall-marġni ta’ profitt, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix metodu ta’ determinazzjoni tal-imsemmi marġni, li madankollu għandu jkun raġonevoli.

157    Skont il-ġurisprudenza, tali marġni ta’ profitt raġonevoli jista’, meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn produttur u importatur fl-Unjoni, jiġi kkalkolat abbażi tal-informazzjoni li toriġina minn importatur indipendenti minflok abbażi tal-informazzjoni li toriġina mill-importatur assoċjat, li tista’ tkun influwenzata minn din l-assoċjazzjoni (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, T‑190/08, EU:T:2011:618, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    F’dan il-każ, l-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw kienu qegħdin jagħmlu telf u l-Kummissjoni ssostni li għaldaqstant ma kienx possibbli għaliha li tuża l-marġni ta’ profitt reali ta’ dawn l-entitajiet.

159    F’dak li jirrigwarda l-kritika fundamentali żviluppata impliċitament mir-rikorrenti, li skontha, meta jkun hemm livell ta’ spejjeż li jinvolvi defiċit, ebda marġni ta’ profitt ma jista’ jitqies li huwa raġonevoli fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, għandu qabelxejn jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix aġġustament għal marġni “ta’ telf”, iżda biss għal marġni ta’ profitt. Għaldaqstant, bħala prinċipju, ma huwiex possibbli li jsiru aġġustamenti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni telf jekk, bħalma huwa l-każ inkwistjoni, impriża tkun qiegħda tagħmel telf. Barra minn hekk, kif enfasizzat fil-punt 6.99 tar-rapport tal-grupp speċjali fit-tilwima L-Istati Uniti – Azzar inossidabbli (Il-Korea), jista’, bħala prinċipju, jiġi mistenni minn importatur relatat li huwa jistabbilixxi prezz ibbażat fuq l-ispejjeż flimkien mal-profitti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 157 iktar ’il fuq, l-informazzjoni ta’ importatur relatat fir-rigward tas-sitwazzjoni tiegħu, kemm jekk ikun qiegħed jagħmel profitt kif ukoll jekk ikun qiegħed jagħmel telf, tista’ tkun influwenzata mill-fatt innifsu tal-assoċjazzjoni tiegħu ma’ esportatur.

160    Madankollu, din il-kwistjoni għandha rabta mas-sitwazzjoni partikolari ta’ impriżi f’fażi tal-bidu, liema fażi tista’ tikkorrispondi għal perijodu ta’ telf. Madankollu, kif ġie espost fil-punt 154 iktar ’il fuq, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali sitwazzjoni fl-aġġustamenti li għandhom isiru fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni għandu jseħħ fuq il-livell tal-ispejjeż BAĠ u mhux abbażi ta’ provi u ta’ ċifri li ma humiex disponibbli f’dan il-każ.

161    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest meta, f’dan il-każ, għamlet aġġustamenti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni marġni ta’ profitt fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni.

162    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li skontu, peress li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li, fl-istess ħin, tistabbilixxi l-marġni ta’ spejjeż BAĠ abbażi tal-ispejjeż reali tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw u tadotta marġni ta’ profitt teoretiku meta dawn l-entitajiet kienu qegħdin jagħmlu telf, hija messha stabbilixxiet il-marġni ta’ spejjeż BAĠ abbażi tal-perċentwali li tesprimi r-relazzjoni bejn l-ispejjeż BAĠ reali u dħul mill-bejgħ teoretiku li jikkorrispondi għad-dħul mill-bejgħ reali flimkien mal-imsemmi marġni ta’ profitt teoretiku, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li anki din it-talba għandha rabta mal-livell għoli tal-ispejjeż BAĠ tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw minħabba l-fażi tal-bidu li fiha kienu jinsabu dawn l-entitajiet, li kienet tikkorrispondi għal fażi ta’ telf, u mat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ marġni ta’ profitt teoretiku. Għaldaqstant, kif ġie indikat fil-punt 160 iktar ’il fuq, din il-kwistjoni tirrigwarda aġġustamenti li għandhom isiru għall-ispejjeż BAĠ u abbażi ta’ provi u ta’ ċifri li madankollu ma ġewx prodotti f’dan il-każ.

163    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-asserzjoni tar-rikorrenti li skontha, jekk jitqies li kull waħda mill-provi li huma pproduċew sabiex jipprovaw in-natura mhux raġonevoli tal-marġnijiet ta’ spejjeż BAĠ u ta’ profitt adottati għall-kostruzzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġi pprovata din l-allegazzjoni, dawn il-provi, meħuda flimkien, jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji li, min-naħa tagħha, hija xierqa sabiex tiġi stabbilita l-imsemmija allegazzjoni, din l-asserzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija provi huma infondati, peress li, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-marġni ta’ spejjeż BAĠ, it-talbiet għall-esklużjoni ta’ spejjeż ta’ pproċessar supplimentari u għat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura eċċezzjonalment għolja tal-ispejjeż BAĠ minħabba l-fażi tal-bidu li fiha kienu jinsabu l-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw ma humiex ibbażati fuq provi u ċifri, u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-marġni ta’ profitt, il-kontestazzjoni, fi kwalunkwe każ, hija bbażata fuq informazzjoni li tirriżulta mill-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw dwar is-sitwazzjoni ta’ profitt jew ta’ telf tagħhom, li, skont il-ġurisprudenza, għandha titqies li hija dubjuża. Għaldaqstant, ebda waħda minn dawn il-provi ma tista’ tittieħed bħala indizju tan-natura mhux raġonevoli tal-marġnijiet ta’ spejjeż BAĠ u ta’ profitt li ġew iddeterminati, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni.

164    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, din il-parti u dan il-motiv fit-totalità tagħhom għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, tal-Artikolu 3(6) u tal-Artikolu 9(4) tal-istess regolament

165    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma bbażatx id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni fuq provi pożittivi u eżami oġġettiv. Huma jsostnu li, għall-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodott simili ta’ din l-industrija, u b’mod iktar partikolari għad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat meta mqabbel mal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni la wettqet il-paragun tal-prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali u lanqas fi stadju kummerċjali adegwat, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

166    Skont ir-rikorrenti, il-konklużjonijiet li nsiltu mill-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat intużaw mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni u għall-konstatazzjoni tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott u dan id-dannu kif ukoll għall-kalkolu tal-marġni ta’ dannu. Għaldaqstant, l-iżbalji mwettqa fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz għandhom effett fuq dawn l-elementi l-oħra tar-Regolament ikkontestat. B’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dannu f’livell eċċessiv għandha l-konsegwenza li d-dazju antidumping kif iffissat minn dan ir-regolament jeċċedi d-dazju li huwa suffiċjenti sabiex jiġi eliminat id-dannu kkawżat lill-imsemmija industrija, bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

167    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv. Hija ssostni li l-argument tar-rikorrenti huwa nieqes mill-preċiżjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, it-twaqqigħ tal-prezz ġie tabilħaqq ikkalkolat abbażi ta’ paragun tal-prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali u fi stadju adegwat.

168    Il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament bażiku ma jiddefinixxix il-mod li bih it-twaqqigħ tal-prezz għandu jiġi kkalkolat u li lanqas il-ġurisprudenza ma tistabbilixxi metodoloġija partikolari għall-kalkolu tiegħu.

169    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-informazzjoni kollha użata għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet ġiet ipprovduta mill-partijiet ikkonċernati.

170    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li mir-Regolament bażiku kif interpretat mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz għandu jkun ibbażat fuq prezzijiet reali b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni reali fis-suq u l-perspettiva tal-klijent, kif isostnu r-rikorrenti.

171    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, it-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni huwa biss wieħed mill-indikaturi tal-eżistenza ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, li l-konstatazzjonijiet dwar it-twaqqigħ tal-prezz f’dak li jirrigwarda l-produttur esportatur Indjan l-ieħor li kkoopera fl-investigazzjoni ma ġewx ikkontestati u li l-analiżi tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet inkwistjoni u d-dannu lill-imsemmija industrija hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw mhux biss il-prezzijiet, iżda wkoll il-volumi, liema volumi nfushom jistgħu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali.

172    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu b’mod preċiż li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u jaffettwaw il-validità tar-Regolament ikkontestat.

173    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-imsemmija industrija.

174    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-effett fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprevedi l-obbligu li jiġi eżaminat jekk tabilħaqq kienx hemm, fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni jew jekk dawn l-importazzjonijiet għandhomx, b’xi mod ieħor, l-effett li jwaqqgħu l-prezzijiet b’mod sinjifikattiv jew li jostakolaw b’mod sinjifikattiv żidiet fil-prezzijiet li altrimenti kienu jseħħu.

175    Ir-Regolament bażiku ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ twaqqigħ tal-prezz u ma jipprevedix metodu għall-kalkolu ta’ dan tal-aħħar.

176    Il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni jitwettaq, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba dawn l-importazzjonijiet u jintuża, b’mod iktar wiesa’, bil-għan li jiġi evalwat dan id-dannu u li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu, jiġifieri l-livell ta’ eliminazzjoni tal-imsemmi dannu. L-obbligu li jitwettaq eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 3(2), jeżiġi li jitwettaq paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-imsemmija industrija meta dawn jinbiegħu fit-territorju tal-Unjoni. Sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa ta’ dan il-paragun, il-prezzijiet għandhom jiġu pparagunati fl-istess stadju kummerċjali. Fil-fatt, paragun imwettaq bejn prezzijiet miksuba fi stadji kummerċjali differenti, jiġifieri mingħajr ma jiġu inklużi l-ispejjeż kollha marbuta mal-istadju kummerċjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, ser jagħti neċessarjament lok għal riżultati artifiċjali li ma jippermettux li ssir evalwazzjoni korretta tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Tali paragun ekwu jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tad-dannu lil din l-industrija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punti 79 u 85).

177    Skont il-premessa 84 tar-Regolament ikkontestat, il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ġie kkalkolat, f’dan il-każ, kif ġej:

“Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni fuq il-bażi tad-dejta ppreżentata mill-produtturi esportaturi u l-industrija tal-Unjoni billi qabblet:

(a)      il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni debitati lill-konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, u aġġustati għal-livell tal-prezz mill-fabbrika; kif ukoll

(b)      il-prezzijiet medji ponderati li kkorrispondew għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjoni mill-prodotturi li kkooperaw Indjani lill-ewwel konsumatur indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbilit fuq il-bażi ta’ Kost, Assigurazzjoni, Ġarr (CIF), b’aġġustamenti xierqa għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.”

178    Barra minn hekk, fil-premessa 93 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għall-prodott ikkonċernat prodott minn Jindal Saw u mibjugħ fl-Unjoni, kien hemm twaqqigħ tal-prezz ta’ 30.9 % abbażi tal-medja ponderata, jiġifieri li l-prezzijiet li bihom dan il-prodott kien mibjugħ fl-Unjoni minn Jindal Saw kienu 30.9 % iktar baxxi mill-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni.

179    Għaldaqstant, il-premessa 84 tar-Regolament ikkontestat turi li l-paragun tal-prezzijiet sar fl-istess stadju kummerċjali, jiġifieri billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet fuq il-livell tal-prezz mill-fabbrika għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet CIF għall-bejgħ ta’ Jindal Saw. Madankollu, wara mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni esponiet li, fir-realtà, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-paragun, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija industrija, jew il-prezzijiet fuq il-livell tal-prezz mill-fabbrika tal-entitajiet ta’ produzzjoni, meta dawn tal-aħħar kienu jbigħu direttament lil xerrejja indipendenti, jew il-prezzijiet fuq il-livell tal-prezz mill-fabbrika tal-entitajiet ta’ bejgħ u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda lil Jindal Saw, il-prezzijiet CIF, li jikkorrispondu għall-prezz ta’ esportazzjoni kif ikkostruwit fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel motiv, dawn il-prezzijiet CIF huma bbażati fuq prezzijiet ta’ esportazzjoni kkostruwiti billi ttieħdu inkunsiderazzjoni diversi aġġustamenti b’mod partikolari intiżi sabiex jiġi rifless il-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat qabel kwalunkwe involviment tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw.

180    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-bejgħ magħmul mill-entitajiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kellu jitqies li huwa bejgħ “ekwivalenti għall-prezz mill-fabbrika”, b’mod li dan il-bejgħ kien ittieħed korrettament inkunsiderazzjoni bħala bejgħ bil-“prezz mill-fabbrika” tal-prodott simili tal-imsemmija industrija għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Għaldaqstant, il-paragun tal-prezzijiet tabilħaqq twettaq bejn il-prezzijiet li jikkorrispondu għall-istess stadju kummerċjali.

181    Dan l-argument ma jistax jiġi approvat.

182    Għalkemm fil-premessa 84 tar-Regolament ikkontestat u waqt is-seduta l-Kummissjoni esponiet li hija ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-paragun, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fl-istadju “tal-prezz mill-fabbrika”, fir-realtà, hija pparagunat il-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel xerrejja indipendenti tal-imsemmija industrija mal-prezzijiet CIF ta’ Jindal Saw.

183    Issa, peress li l-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel xerrejja indipendenti għall-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, ir-rekwiżit li l-prezzijiet jiġu pparagunati fl-istess stadju kummerċjali kien jimponi fuqha li tipparagunahom ukoll, f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ Jindal Saw, mal-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel xerrejja indipendenti.

184    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma ssirx direttament mill-produttur, iżda li ssir permezz ta’ entitajiet ta’ bejgħ, timplika l-eżistenza ta’ spejjeż u ta’ marġni ta’ profitt speċifiċi għal dawn l-entitajiet, b’mod li l-prezzijiet ipprattikati minn dawn tal-aħħar fil-konfront tax-xerrejja indipendenti huma ġeneralment ogħla mill-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi fil-bejgħ dirett tagħhom lil tali xerrejja u għalhekk ma jistgħux jiġu assimilati ma’ dawn il-prezzijiet tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, mill-premessi 7 u 92 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, f’dan il-każ, il-parti l-kbira tal-bejgħ fl-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni twettaq mill-entitajiet ta’ bejgħ taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw fl-investigazzjoni, li jirrappreżentaw madwar 96 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

185    Għaldaqstant, meta, għall-paragun tal-prezzijiet magħmul fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni wettqet l-assimilazzjoni, li għaliha jirreferi l-punt 180 iktar ’il fuq, bejn il-prezzijiet ipprattikati mill-entitajiet ta’ bejgħ fil-konfront tax-xerrejja indipendenti u l-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi fil-bejgħ dirett tagħhom lil tali xerrejja, unikament f’dak li jirrigwarda l-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni għal dan il-prodott prezz miżjud u, konsegwentement, sfavorevoli għal Jindal Saw, li kienet twettaq il-parti l-kbira tal-bejgħ tagħha fl-Unjoni permezz ta’ entitajiet ta’ bejgħ u li s-sitwazzjoni tagħha kienet distinta f’dan ir-rigward minn dik tal-produttur esportatur l-ieħor li kkoopera fl-investigazzjoni.

186    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mis-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704), ma jirriżultax li, f’dak li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat, hija kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet fuq il-livell tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, li kienu jikkorrispondu, f’dan il-każ, għall-prezz CIF għall-prodotti tal-produtturi esportaturi Indjani.

187    Fil-fatt, mill-punti 62 u 63 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li, f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali qieset li l-prezzijiet użati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kellhom ikunu prezzijiet innegozjati max-xerrejja indipendenti, jiġifieri prezzijiet li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dawn tal-aħħar sabiex jiddeċiedu jekk jixtrux il-prodotti tal-industrija tal-Unjoni jew il-prodotti tal-produtturi esportaturi inkwistjoni, u mhux il-prezzijiet fi stadju intermedju.

188    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ magħmul mill-entitajiet ta’ bejgħ relatati mal-produttur prinċipali tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni filwaqt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw sabiex tiddetermina l-prezz tal-prodott ikkonċernat prodott minn din tal-aħħar, ma jistax jitqies li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz sar billi ġew ipparagunati prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali.

189    Issa, kif jirriżulta mill-punt 176 iktar ’il fuq, il-paragun ta’ prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kif imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat għandu jitqies li jmur kontra l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

190    Konsegwentement, il-kontestazzjoni, mir-rikorrenti, tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ Jindal Saw hija fondata.

191    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ Jindal Saw kellu l-effett li ttieħed inkunsiderazzjoni twaqqigħ tal-imsemmi prezz li l-importanza jew saħansitra l-eżistenza tiegħu ma ġewx stabbiliti b’mod regolari.

192    Issa, fil-premessa 124 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li hija tat lill-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz. Fil-premessi 125 u 126 ta’ dan ir-regolament, hija qieset li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat bi prezzijiet sostanzjalment iktar baxxi minn dawk applikati mill-industrija tal-Unjoni, fid-dawl ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ iktar minn 30 %, kien jispjega, minn naħa, żieda fil-volumi ta’ bejgħ u fl-ishma mis-suq tal-imsemmi prodott u, min-naħa l-oħra, l-impossibbiltà għall-imsemmija industrija li żżid il-volumi ta’ bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni għal livell li jista’ jiżgura profitt sostenibbli. Barra minn hekk, fl-imsemmija premessa 126, hija kkonstatat li l-importazzjonijiet bi prezzijiet sostanzjalment iktar baxxi mill-prezzijiet ta’ din l-industrija kienu baxxew b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u, minħabba f’hekk, ipprekludew iż-żidiet fil-prezzijiet li kienu jseħħu fl-assenza ta’ dawn l-importazzjonijiet u kkonkludiet li kien hemm koinċidenza fiż-żmien bejn l-imsemmija importazzjonijiet bi prezzijiet sostanzjalment iktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u d-dannu mġarrab minn din l-industrija.

193    Mill-premessi tar-Regolament ikkontestat imsemmija fil-punt 192 iktar ’il fuq jirriżulta li t-twaqqigħ tal-prezz kif ikkalkolat f’dan ir-regolament huwa l-bażi għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat huma l-kawża tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Issa, skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni hija kundizzjoni neċessarja għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping.

194    Barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet ilment ta’ din il-parti, ma jistax jiġi eskluż li, kieku t-twaqqigħ tal-prezz kien ġie kkalkolat korrettament, il-marġni ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni kien jiġi stabbilit f’livell iktar baxx minn dak tal-marġni ta’ dumping. Issa, f’każ bħal dan, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazju antidumping għandu jitnaqqas għal rata li tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmi dannu jiġi eliminat.

195    Għaldaqstant, peress li l-iżball ikkonstatat fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz jista’ jqiegħed fid-dubju l-legalità tar-Regolament ikkontestat, billi jinvalida l-analiżi kollha tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rabta kawżali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 119 u l-ġurisprudenza stabbilita), dan ir-regolament għandu jiġi annullat sa fejn jikkonċerna lil Jindal Saw, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tielet motiv.

 Fuq l-ispejjeż

196    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

197    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 138(1) u (2), għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil Jindal Saw Ltd.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn Jindal Saw u Jindal Saw Italia SpA.

3)      Saint-Gobain Pam għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.