Language of document : ECLI:EU:T:2007:252

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

12 ta’ Settembru 2007(*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli – Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Responsabbiltà in solidum”

Fil-kawża T‑196/02,

MTU Friedrichshafen GmbH, stabbilita fi Friedrichshafen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Montag u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz, V. Di Bucci u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament ta’ l-Artikolu 3(2) tad- Deċiżjoni 2002/898/KE tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ April 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH (ĠU L 314, p. 75),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka, V. Vadapalas, E. Moavero Milanesi u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-10 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 87 KE jiddisponi:

“1. Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni bli tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni.

[…]”

2        L-Artikolu 88 KE jistabbilixxi:

“[…]

2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

[…]”

3        Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1) :

“1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

3. Fejn, minkejja kif imfakkar skond l-Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘ordni ta’ informazzjoni’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tippreskrivi perjodu xieraq li fih għandha tingħata.”

4        L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi:

“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ ordni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”

5        L-Artikolu 14 ta’ l-istess Regolament jiddisponi:

“1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        B’ittra tad-9 ta’ April 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni diversi ħlasijiet ta’ għajnuna finanzjarja, mogħtija b’mod partikolari bl-intermedjazzjoni tal-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben (iktar’il quddiem il-“BvS”), favur SKL Motoren- und Systemtechnik GmbH (iktar’il quddiem “SKL-M”), fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tagħha. Peress li parti ta’ din l-għajnuna kienet diġa ngħatat, l-inkartament kien ġie rreġistrat bħala għajnuna mhux innotifikata, bir-referenza NN 56/98.

7        SKL-M, li qabel ir-ristrutturazzjoni tagħha, kienet tagħmel parti mill-grupp Lintra Beteiligungsholding GmbH, hija impriża attiva fil-qasam tal-bini ta’ muturi għal vapuri u dgħajjes.

8        Bl-intervent tal-BvS, ġiet stabbilita relazzjoni kuntrattwali matul is-sena 1997 bejn SKL-M u l-impriża MTU Friedrichshafen GmbH (iktar’il quddiem “MTU” jew ir-“rikorrenti”), attiva fil-qasam tal-produzzjoni ta’ muturi Dijżil ta’ qawwa kbira, fil-perspettiva tax-xiri minn MTU ta’ SKL-M.

9        Fil-5 ta’ Novembru 1997, żewġ ftehimiet ġew konklużi bejn MTU u SKL‑M. L-ewwel ftehim ta lil MTU għażla ta’ xiri ta’ partijiet ta’ SKL-M, bid-dritt li takkwista l-partijiet kollha bil-ħlas simboliku ta’ mark Ġermaniż sa l-1 ta’ Diċembru 1999, imbagħad għal “prezz raġonevoli” sal-31 ta’ Diċembru 2001. It-tieni ftehim (il-Wechselseitiger Lizenz- und Kooperationsvertag zwischen SKL-M und MTU, iktar’il quddiem il-“WLKV”), intiż għall-ħolqien ta’ impriża komuni, jistabbilixxi l-modi ta’ użu komuni tal-kapaċitajiet (know-how) taż-żewġ impriżi, kif ukoll l-istudju fuq, il-manifattura u l-bejgħ taż-żewġ tipi ta’ muturi, jiġifieri mutur bil-gass u mutur b’ċilindri f’linja (in-line). It-tielet ftehim kien konkluż l-istess ġurnata bejn BvS, il-Land ta’ Saxe-Anhalt u SKL-M li jirregola l-ħlas ta’ għajnuna għal ristrutturazzjoni.

10      Minkejja ċ-ċirkustanza li MTU fl-aħħar nett irrinunzjat għall-benefiċċju ta’ l-għażla prevista mill-ewwel ftehim iċċitat iktar’il fuq u għalhekk irrinunzjat għax-xiri ta’ SKL-M, minħabba l-inċertezza ġuridika dwar għajnuna mħallsa preċedentement mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil SKL-M, madankollu din ta’ l-aħħar u MTU komplew il-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-WLKV.

11      Fil-15 ta’ Ġunju 2000, MTU rrreferiet għall-Artikolu 5 tal-WLKV u, skond din id-dispożizzjoni, ġiet awtorizzata b’mod esklużiv li tuża’ fir-rigward ta’ terzi il-kapaċità intiża mill-WLKV, inklużi magħha d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew l-applikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, li kienu jeżistu għall-inqas f’dik id-data. Bħala korrispettiv ta’ dan id-dritt, SKL-M irċeviet kumpens fil-forma ta’ ħlas wieħed, intiż sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ żviluppi li saru, fil-kuntest tal-baġit miftiehem fl-Anness I tal-WLKV, jiġifieri DEM 4.31 miljun (mark Ġermaniż) għal muturi tal-gass u DEM 2.4 miljun għal muturi ta’ ċilindri wara xulxin (in-line), jiġifieri total ta’ DEM 6.71 miljun (EUR 3.43 miljun). SKL-M ibbenefikat, skond l-Artikolu 5 tal-WLKV, mill-possibbiltà li tuża l-kapaċità tagħha, inkluż dak trasferit lill-MTU, indipendentement mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ċċitati iktar’il fuq.

12      F’Lulju 2000, sar inventarju ta’ din il-kapaċità u tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ MTU, li din ħallset is-somma prevista mill-WLKV lil SKL-M.

13      Safejn, wara eżami preliminari ta’ l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kontenzjużi joħolqu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, il-Kummissjoni, b’ittra tat-8 ta’ Awwissu 2000, infurmat lill-awtoritajiet Germaniżi bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2001, C 27, p. 5) u l-Kummissjoni stiednet lill-persuni kkonċernati li jressqulha l-osservazzjonijiet tagħhom. Dakinhar, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet Germaniżi jekk MTU kinitx ibbenefikat mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M jew setgħatx tibbenefika minnha (paragrafu 103 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni).

14      F’din l-ittra u fil-ġabra fil-qosor mehmuża magħha, il-Kummissjoni spjegat b’mod partikolari li MTU qatt ma kienet is-sid legali ta’ SKL-M, li l-ewwel ftehim, iċċitat fil-punt 9 iktar’il fuq, kien ta biss għażla fejn, f’dak iż-żmien, fid-dawl ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġrmaniżi, ma kienx żgur li MTU kienet effettivament ħaditha. Il-Kummissjoni indikat ukoll, li, fix-xahar ta’ Ġunju 2000, MTU kienet temmet il-kooperazzjoni tagħha ma’ SKL-M fil-kuntest tal-WLKV. Il-Kummissjoni kkonstatat, madankollu, li SKL-M kienet sa minn Novembru 1997 taħt il-kontroll operazzjonali ta’ MTU. Hija tiddubita wkoll li MTU kienet magħżula abbażi ta’ proċedura li tixbah sejħa miftuħa għall-offerti. Il-Kummissjoni kkonkludiet għalhekk li MTU kienet setgħet jew ser tkun tista’ tibbenefika fil-futur minn għajnuna mill-Istat mogħtija lil SKL-M b’modi differenti: l-ewwel nett, direttament, jekk jidher li parti mill-għajnuna ser tiġi użata għal għanjiet li jservu l-interessi ta’ MTU iktar milli dawk ta’ SKL-M; it-tieni nett, permezz tal-WLKV, bis-saħħa ta’ l-għażla li biha MTU setgħet takkwista l-kapaċità kollha maħluqa minn SKL-M qabel il-kooperazzjoni jew fil-kuntest ta’ dan għal prezz stabbilit, jekk tiddeċiedi li tagħmel użu mill-għażla u jekk il-prezz ma jirriflettix il-valur tas-suq attwali jew previst tal-kapaċità.

15      Fl-1 ta’ Settembru 2000, proċedura ta’ falliment inbdiet kontra SKL-M.

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2000, is-6 ta’ April u s-17 ta’ Ottuubru 2001, ir-Repubblika Federali Ġermaniża ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Ebda terz interessat ma ssottometta direttament osservazzjonijiet lill-Kummissjoni.

17      B’ittra tad-19 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija lil SKL-M, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999. F’din l-ittra, il-Kummissjoni osservat b’mod partikolari li l-informazzjoni li hija kellha ma kinitx tippermettilha tiddetermina jekk parti mill-għajnuna mogħtjia lil SKL-M kinitx ġiet użata fl-interess ta’ MTU iktar milli f’dak ta’ SKL-M, lanqas li tistabbilixxi jekk MTU kinitx użat b’vantaġġ l-għażla li tippermettilha li takkwista l-kapaċità żviluppata minn SKL-M qabel u wara l-applikazzjoni tal-WLKV għal prezz stabbilit u jekk il-prezz imħallas jirriflettix il-valur tas-suq attwali jew previst. Il-Kummissjoni tfakkar li, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, hija ser tadotta deċiżjoni finali abbażi ta’ informazzjoni li għandha f’idejha. Hija tistieden lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jibagħtu l-ittra ta’ ordni lill-benefiċjarju potenzjali ta’ l-għajnuna.

18      Fid-9 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni fakkret lil dawn ta’ l-aħħar li jekk ma jikkonformawx ma’ l-ordni ta’ informazzjoni, id-deċiżjoni ser tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

19      B’ittri tat-23 ta’ Jannar, is-26 ta’ Frar u l-11 ta’ Marzu 2002, l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu għall-ordni ta’ informazzjoni.

20      B’ittra tal-5 ta’ Marzu 2002, huma wkoll bagħtu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet ta’ MTU dwar is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-użu tal-kapaċità u l-prezz imħallas minn MTU lil SKL-M, b’applikazzjoni tal-WLKV.

21      Fid-9 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 2002/898/KE dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur SKL-M (ĠU L 314, p. 75, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

22      Fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, taħt il-taqsima “Evalwazzjoni ta’ l-għajnuna”, il-Kummissjoni minn naħa kkonstatat li l-għajnuna għal ristrutturazzjoni imħallas lil SLK-M ma jissodisfax ir-rekwiżiti fil-linji gwida Komunitarji ta’ għajnuna mill-Istat sabiex isalvaw u jirristrutturaw impriżi f’diffikultà (ĠU 1994, C 368, p. 12) u, min-naħa l-oħra, tikkunsidra li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx tat informazzjoni biżżejjed sabiex tippermettilha li teskludi li MTU kienet gawdiet indirettament, permezz tal-WLKV, minn għajnuna li SKL-M kienet kisbet waqt il-fażi ta’ ristrutturazzjoni sabiex tagħmel tajjeb għat-telf. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li l-prezz tat-trasferiment tal-kapaċità mħallsa minn MTU lil SKL-M, ikkalkulat abbażi ta’ l-ispejjeż ta’ żvilupp stmati fl-1997, instabu li kienu anqas minn DEM 5.30 miljun mill-ispejjeż fil-fatt sostnuti minn SKL-M. Peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux taw informazzjoni oġġettiva fuq il-valur tas-suq reali jew previst tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuna għal ristrutturazzjoni favur SKL-M setgħet tista’ sservi sabiex tikkumpensa, in parti għall-inqas, għat-telf ikkawżat mill-iżvilupp tal-kapaċità li setgħat tiġi użata fl-interess ta’ MTU iktar milli f’dak ta’ SKL-M, li din, ikkontrollata mill-Istat, kellha ssostni riskju finanzjarju li ma kienx jaqbel mal-prinċipju ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq. Skond il-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trasferiment ta’ kapaċità seta` għalhekk ikun ekwivalenti għal trasferiment lil MTU ta’ riżorsi ta’ l-Istat għal ammont massimu ta’ DEM 5.30 miljun.

23      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża, fl-Artikolu 1, li l-għajnuna mill-Istat ta’ l-ammont ta’ DEM 67.017 miljun (EUR 34.26 miljun) mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil SKL-M hija inkompatibbli mas-suq komuni, meta, l-Artikolu 3(2), jispega li, fuq l-ammont totali tal-ħlas lura li għandu jiġi mitlub minn dawn ta’ l-aħħar, DEM 5.30 miljun (EUR 2.71 miljun) għandhom jiġu mħallsa lura minn SKL-M u minn MTU in solidum.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-28 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors skond l-Artikolu 230 KE.

25      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta ta’ l-10 ta’ Mejju 2007.

27      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, fejn din id-dispożizzjoni ordnat il-ħlas lura in solidum minnha ta’ ammont ta’ DEM 5.30 miljun (EUR 2.71 miljun);

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

29      In sostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka sostanzjalment żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ żbalji ta’ dritt dwar l-eżistenza tar-rekwiżiti ta’ għajnuna mill-Istat b’vantaġġ għaliha. It-tieni motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-ksur tal-garanzija proċedurali ta’ l-investigazzjoni korretta u imparzjali tal-fatti.

30      Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ motivi.

31      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-ksur tal-garanzija proċedurali ta’ l-investigazzjoni korretta u imparzjali tal-fatti.

 L-argumenti tal-partijiet

32      Ir-rikorrenti tosserva li, skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni finali abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ ordni ta’ informazzjoni. Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li huwa spjegat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha, meta ttieħdet din id-deċiżjoni, l-informazzjoni kollha meħtieġa. Għalhekk, hija tqis li bi żball il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq “informazzjoni disponibbli”, fis-sens ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u li b’mod partikolari tirreferi għall-ittra tad-9 ta’ Jannar 2002 ta’ l-istralċjarju ta’ SKL-M, dokument li ma ġiex ikkunsidrat favur tagħhom mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

33      Barra minn dan, ir-rikorrenti tqis, li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2001, Métropole télévision vs Il-Kummissjoni, T‑206/99, Ġabra p. II‑1057, punt 57), il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina b’attenzjoni u imparżjalità l-aspetti rilevanti kollha tal-kawża. Issa, skond hi, il-Kummissjoni warrbet l-aspetti ta’ informazzjoni hekk li ħadet in kunsiderazzjoni l-aspetti biss sfavorevoli għaliha. Ir-rikorrenti żżid li kieku l-Kummissjoni kellha dubji dwar dawn l-indikazzjonijiet tagħha, hija setgħet marret għand il-Gvern Federali jew għandha stess sabiex, bħala eżempju, titlob rapport ta’ espert.

34      Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ l-Istat ta’ dritt u l-amministrazzjoni tajba li l-Kummissjoni tobbliga impriża li tħallas lura ammont li ġie kkalkulat bi preċiżjoni mingħajr ma turi minn qabel li dak l-ammont li ġie mħallas bħala għajnuna mill-Istat ġie ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni. Hija tistaqsi wkoll dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din l-istituzzjoni ma tistax teżiġi l-ħlas lura ta’ għajnuna mill-benefiċjarja tagħha. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li r-Regolament Nru 659/1999 ma jagħarafx l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum, li din ma tistax, barra minn dan, tkun prevista fi proċedura amministrattiva suġġetta għall-prinċipju ta’ Stat ta’ dritt mingħajr bażi ġuridika espressa. Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni, dwar ir-responsabbilità in solidum fil-qasam tal-multi imposti lil impriżi li huma parti f’akkordju li jmur kontra l-kompetizzjoni, mhumiex rilevanti f’din il-kawża.

35      Il-Kummissjoni tqis li hija adottat id-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-provi ta’ l-inkartament u li hija ma kellhiex informazzjoni utli dwar il-vantaġġ li MTU kienet ser tibbenefika eventwalment jew fuq il-kwistjoni tal-valur kummerċjali tal-kapaċità in kwistjoni. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li MTU, bl-ossservazzjonijiet tagħha trażmessi mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-5 ta’ Marzu 2002, impliċitament ammettiet li l-ispejjeż ta’ żvilupp tal-kapaċità kienu ogħla mill-valur tas-suq tal-prototipi. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata kienet meħuda korrettement fid-dawl tal-provi ta’ l-inkartament biss.

36      Il-Kummissjoni żżid li, skond il-prinċipji li jirregolaw il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss, f’din il-kawża, għandha drittijiet sħaħ rikonoxxuti lill-partijiet. Huma għalhekk l-indikazzjonijiet ta’ dan l-Istat li huma determinanti għad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm il-benefiċjarju potenzjali jew effettiv jista’ jieħu sehem fil-proċedura ta’ eżami, skond hi, huwa m’għandu ebda dritt sabiex din l-istituzzjoni tagħtih il-possibbiltà li jivverifika l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru. Waqt li tirreferi għall-ġurisprduenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 84), il-Kumissjoni tikkunsidra li, peress li MTU m’għamlitx użu mill-possibbiltà li tressaq osservazzjonijiet waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ l-għajnuna kontenzjuża, ebda wieħed mid-drittijiet tagħha ma nkiser.

37      Barra minn dan, il-Kummissjoni tenfasizza li l-informazzjoni li hija kellha waqt it-teħid tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermettilha li tiddeċiedi kontra impriża waħda. Għalhekk, hija kellha tornda l-ħlas lura ta’ din l-għajnuna lil SKL-M u lil MTU in solidum.

38      Skond il-Kummissjoni, din ir-responsabbiltà in solidum ma tistax tagħti lok għal riżervi fid-dritt Komunitarju. Fil-fatt, din ir-responsabbiltà diġà hija aċċettata fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, ukoll fin-nuqqas ta’ test li jistabbilixxi dan espressament (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, T‑339/94 sa T‑342/94, Ġabra p. II‑1727, punti 42 et seq). Xejn ma jopponi għalhekk li metodu analogu jkun ukoll aċċettat fi proċedura dwar għajnuna mill-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

39      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 irriproduċa u stabbilixxa l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li biha l-Kummissjoni hija kompetenti li tieħu deċiżjoni abbażi ta’ informazzjoni disponibbli meta hija kkonfrontata minn Stat Membru li ma jaqdix id-dmir tiegħu ta’ kollaborazzjoni u li jonqos li jagħtiha l-informazzjoni mitluba minnha sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, “Boussac”, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 19 u 22, u tat-13 ta’ April 1994, Germanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni C‑324/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173, punt 26).

40      Madankollu, fir-rigward tan-natura iktar wiesgħa tad-dritt mogħti mill-Kummissjoni, din, qabel ma tieħu din id-deċiżjoni, għandha tirrispetta ċerti rekwiżiti proċedurali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T‑318/00, Ġabra p. II‑4179, punt 73). Dawn ir-rekwiżiti huma previsti mill-Artikolu 5(2) sa l-Artikolu 10(3) u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

41      B’mod partikolari, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi li, “Fejn, minkejja kif imfakkar skond l-Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn jipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provduta”. Barra minn dan, skond l-aħħar frażi ta’ din id-dispożizzjoni, din l-ordni li tagħti l-informazzjoni għandha tippreċiża “liema informazzjoni hi meħtieġa” kif ukoll tiffissa “perjodu xieraq li fih għandha tingħata”. Fl-aħħar nett, skond it-termini ta’ l-Artikolu 13(1) ta’ dan l-istess Regolament, huwa biss “jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma” ma’ din l-ordni li l-Kummissjoni tista’ ttemm il-proċedura u tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni “abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli”.

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk f’din il-kawża, il-Kummissjoni kellhiex dritt, fit-termini ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tieħu d-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari li timponi lil MTU obbligu ta’ ħlas lura in solidum ta’ parti mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M, abbażi ta’ l-informazzjoni li hija kellha.

43      L-ewwel nett, jirriżulta mill-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, imfakkra fil-punti 13 sa 20 iktar’il fuq, li l-Kummissjoni osservat ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti l-ewwel mill-ġurisprudenza u ffissati wara mill-Artikolu 10(3) u mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex tista’ tittieħed id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.

44      Fil-fatt, għall-inqas għal tliet darbiet, il-Kummissjoni stiednet lil-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jagħtuha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tivverifika l-kompatibbilità ta’ l-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni. Meta għamlet hekk, hija ma naqsitx li tindika li tippreċiża “liema informazzjoni hi meħtieġa” lanqas li tiffissa “perjodu xieraq li fih għandha tingħata”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni reġgħet fakkret lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jekk huma ma jikkonformawx ma’ l-ordni li tingħata informazzjoni fi żmien għaxart ijiem, id-deċiżjoni ser tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.

45      It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jippermetti lill-Kummissjoni li tagħlaq proċedura formali ta’ eżami, permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7 ta’ l-istess Regolament. B’mod partikolari, meta l-Istat Membru kkonċernat naqas li jagħti lill-Kummissjoni informazzjoni li hija talbet mingħandu, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna abbażi ta’ informazzjoni disponibbli u tordna, jekk ikun il-każ, lill-Istat Membru kkonċernat li jieħu lura l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji, skond l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.

46      Madankollu, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jippermettix lill-Kummissjoni li timponi, anki in solidum, fir-rigward ta’ impriża msemmija obbligu ta’ ħlas lura ta’ parti speċifika ta’ l-ammont ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli, meta t-trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat ta’ l-imsemmija impriża li kienet ibbenefikat jirriżulta minn ipoteżi.

47      Issa, minn naħa, kif jirriżulta wkoll mill-konklużjonijiet tad-deċiżjonijiet ikkontestati, stabbiliti b’mod partikolari fil-premessa 88, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tikkonstata li “l-informazzjoni disponibbli ma tħallix li jiġi eskluż” li MTU kienet ibbenefikat minn trasferiment ta’ riżorsi tal-parti ta’ l-impriża megħjuna minn SKL-M, meta kien hemm l-akkwist ta’ kapaċità b’kundizzjonijiet ikkunsidrati vantaġġjużi.

48      Isegwi li l-obbligu ta’ ħlas lura in solidum, li hemm fid-deċiżjoni kkontestata, huwa stabbilit abbażi ta’ ipoteżi li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni la setgħet tikkonferma u lanqas tiċħad dan.

49      Min-naħa l-oħra, peress li d-deċiżjoni kkontestata poġġiet fuq ir-rikorrenti l-obbligu ta’ ħlas lura in solidum ta’ parti ta’ l-għajnuna, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jirkupraw lura mingħandha jekk SKL-M ma tistax tassigura l-ħlas lura, mingħajr ma l-mertu ta’ dan l-obbligu in solidum jkun jista’ jiġi evalwat mill-awtoritajiet nazzjonali.

50      Issa, din is-sitwazzjoni mhija bl-ebda mod il-konsegwenza inevitabbli ta’ l-implementazzjoni tal-proċedura stabbilita mit-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li l-ħlas lura tagħha huwa ordnat huwa, fi kwalunkwe każ, marbut li jeżiġi l-ħlas lura mingħand il-benefiċjarji effettivi taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, mingħajr ma jkun indispensabbli li jissemma espressament dan fid-deċiżjoni ta’ ħlas lura u, a fortiori, li jkun ippreċiżat l-ammont tas-somom li l-ħlas lura huwa impost fuq kull benefiċjarju.

51      Isegwi, li fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni ma tistax validament tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex timponi fuq MTU, bid-deċiżjoni kkontestata, obbligu ta’ ħlas lura in solidum ta’ parti mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M.

52      Għalhekk, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il-motiv l-ieħor invokat mir-rikorrenti, l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn jordna l-ħlas lura in solidum mingħand din ta’ l-aħħar ta’ ammont ta’ EUR 2.71 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/898/KE, tad-9 ta’ April 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH, huwa annullat safejn jordna l-ħlas lura in solidum mingħand MTU Friedrichshafen GmbH ta’ ammont ta’ EUR 2.71 miljun.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn MTU Friedrichshafen kif ukoll l-ispejjeż tagħha.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Vadapalas

Moavero Milanesi

 

      Wahl

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 12 ta’ Settembru 2007.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.