Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2024 minn Dmitry Arkadievich Mazepin mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) fit-8 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-282/22, Mazepin vs Il-Kunsill

(Kawża C-35/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Dmitry Arkadievich Mazepin (rappreżentanti: D. Rovetta, M. Campa, M. Moretto, V. Villante, avukati, u T. Marembert, A. Bass, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Latvja

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/397, tad-9 ta’ Marzu 2022, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 ;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/396, tad-9 ta’ Marzu 2022, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 , sa fejn jinkludu lill-appellant fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appellant kemm tal-ewwel istanza, kif ukoll ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka ħames aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, b’tali mod li wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti.

It-tieni aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju (g) fis-sens li l-espressjoni “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, tirreferi għall-oqsma ekonomiċi u mhux għan-negozjanti. Nuqqas ta’ motivazzjoni.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-ksur u l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK 1 , kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 2 kif ukoll tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 3 , kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill 2022/330 4 . Sussidjarjament, jinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità u inapplikabbiltà, skont l-Artikolu 277 TFUE, tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 u tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill 2022/330.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq ksur u interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “sors ta’ dħul” taħt l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329, kif ukoll taħt l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill 2022/330. Żnaturament tal-fatti u provi. Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja. Inverżjoni tal-oneru tal-prova.

Il-ħames aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret u interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni meta ddeċidiet li l-kriterju (g) ma huwiex diskriminatorju.

____________

1 ĠU 2022, L 80, p. 31, rettifika fil-ĠU 2022, L 117, p. 118 u fil-ĠU 2022, L 156, p. 160.

1 ĠU 2022, L 80, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 117, p. 117 u fil-ĠU 2022, L 154, p. 76.

1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/CFSP tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).

1 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1).

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal-25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022 L 51, p. 1).