Language of document : ECLI:EU:T:2017:830

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Novembru 2017 (*)

“Drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti – proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Varjetà ta’ pitravi għaz-zokkor M 02205 – Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94 – Karattru distint tal-varjetà kandidata – Eżami tekniku – Proċedura quddiem il-Bord tal-Appell – Obbligu li jiġu evalwati b’kura u b’imparzjalità l-provi rilevanti kollha tal-każ ineżami – Setgħa diskrezzjonali ta’ riforma”

Fil-Kawża T-140/15,

Aurora Srl, stabbilita f’Finale Emilia (l-Italja), inizjalment irrappreżentata minn L.-B. Buchman, avukat, sussegwentement minn L.-B. Buchman, R. Crespi u M. Razou, avukati,

rikorrenti,

vs

Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), inizjalment irrappreżentat minn F. Mattina, sussegwentement minn F. Mattina u M. Ekvad u finalment minn F. Mattina u M. Ekvad u A. Weitz, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

SESVanderhave NV, stabbilita f’Tirlemont (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn K. Neefs u P. de Jong, sussegwentement minn de P. Jong, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO, tas-26 ta’ Novembru 2014 (Każ A 010/2013), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Aurora u SESVanderhave.

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich u P. G. Xuereb (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2015,

wara li rat ir-risposta tas-CPVO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2015,

wara li rat l-intervent tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2015,

wara li rat ir-replika ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2015,

wara li rat il-kontroreplika tas-CPVO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2015,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2015,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet tal-20 ta’ Diċembru 2016, u r-risposti tagħhom għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2017,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet tat-22 ta’ Marzu 2017, u r-risposti tagħhom għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2017,

wara li rat l-osservazzjonijiet tas-CPVO u tal-intervenjenti fuq id-dokument ippreżentat waqt is-seduta mir-rikorrenti, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2017,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet tal-14 ta’ Ġunju 2017, u r-risposti tagħhom għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 2017,

wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

 Proċedura ta’ għoti tad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti

1        Fid-29 ta’ Novembru 2002, l-intervenjenti, SESVanderhave NV, ippreżentat applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390). Il-varjetà ta’ pjanti li għaliha saret l-applikazzjoni għal dritt hija l-varjetà ta’ pjanti M 02205, varjetà ta’ pitravi għaz-zokkor li tappartjeni lill-ispeċi Beta vulgaris L. ssp. Vulgaris var. altissima Döll.

2        Is-CPVO inkariga lill-iStatens utsädeskontroll (Uffiċċju ta’ kontroll u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, l-Isvezja, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju ta’ kontroll”) sabiex jagħmel l-eżami tekniku tal-varjetà kandidata, konformement mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 2100/94. B’mod partikolari, dan ġie inkarigat biex jeżamina jekk il-varjetà kandidata kinitx distinta mill-iktar varjetajiet li jixxiebhu li l-eżistenza tagħhom kienet magħrufa fid-data li fiha saret l-applikazzjoni għal drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti (iktar ’il quddiem il-“varjetajiet ta’ referenza”), fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2100/94. Għal dan il-għan, il-varjetajiet tal-pitravi Dieck 3903 u KW 043 tqiesu bħala l-iktar varjetajiet li jixbhu lill-varjetà kandidata.

3        Fl-10 ta’ Diċembru 2004, l-uffiċċju ta’ kontroll bagħat lis-CPVO ir-rapport tekniku finali, flimkien mad-deskrizzjoni tal-varjetà u ma’ dokument intitolat “Informazzjoni dwar id-distinzjoni” (iktar ’il quddiem ir-“rapport li jipparaguna d-differenzi”). Dan l-aħħar dokument kien jinkludi l-elementi segwenti:

Denominazzjoni tal-varjetà ta’ referenza

Karatteristiċi li bihom il-varjetà ta’ referenza hija differenti

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà ta’ referenza

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà kandidata

Dieck 3903

Petala: tmewwiġ tat-tarf

6

4


Petala: minfuħa

6

5

KW 043

Petala: kulur aħdar (iktar ’il quddiem “kulur tal-petala”)

4

5


Raħs: % ta’ żerriegħa ta’ raħs wieħed

2

2

4        Abbażi ta’ dan ir-rapport, fit-18 ta’ April 2005, is-CPVO ta lill-intervenjenti d-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti li saret applikazzjoni għalihom, irreġistrati bir-referenza UE 15118, għall-varjetà M 02205. Ma’ din id-deċiżjoni ġew annessi d-dokumenti pprovduti mill-uffiċċju ta’ kontroll, li jinkludu d-deskrizzjoni varjetali u r-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni.

5        Fl-20 ta’ April 2012, ir-rikorrenti, Aurora Srl, informat lis-CPVO, minn naħa, li kien hemm proċedura ġudizzjarja pendenti quddiem il-qrati Taljani – proċedura ta’ ksur mibdija kontriha mill-intervenjenti – u, min-naħa l-oħra, li kienet ġiet żvelata kontradizzjoni fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-varjetà M 02205, jiġifieri li l-livelli ta’ espressjoni relattivi għall-karatteristiċi “kulur tal-petala” u “Petala: tmewwiġ tat-tarf”, kif inseriti fid-deskrizzjoni varjetali, ma kinux jikkorrispondu għall-livelli ta’ espressjoni ppreċiżati fir-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni (rispettivament 4 minflok 5 u 5 minflok 4).

6        Wara talba għal kjarifiki magħmula mis-CPVO fit-23 ta’ April 2012, l-uffiċċju ta’ kontroll ikkonferma li effettivament kien sar żball fir-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni. Madankollu, skont l-uffiċċju ta’ kontroll, l-iżball imsemmi ma kienx ipoġġi indiskussjoni l-konklużjoni dwar il-karattru distint tal-varjetà kandidata, iktar u iktar peress li l-informazzjoni pprovduta fid-deskrizzjoni varjetali kienet eżatta.

7        Fl-4 ta’ Mejju 2012, verżjoni korretta tar-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni ntbagħat mis-CPVO lir-rikorrenti, fejn ġie indikat lilha li, fir-realtà, kien hemm żball fit-traskrizzjoni tal-informazzjoni meħuda abbażi tad-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà msemmija.

8        Sussegwentement, ir-rikorrenti informat lis-CPVO li kienu nstabu żbalji oħrajn fil-verżjoni korretta tar-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni, jiġifieri li fil-verżjoni emendata tad-dokument imsemmi, in-nota korrispondenti fil-karatteristika “kulur tal-petala” ma kinitx ġiet ikkoreġuta. F’dan ir-rigward, is-CPVO kkonferma, fil-11 ta’ Mejju 2012, li l-livell ta’ espressjoni tal-varjetà M 02205, relattiv għall-karatteristika msemmija, kien 4 u mhux 5. Peress li, wara din l-aħħar korrezzjoni, il-karatteristika “kulur tal-petala” ma kienx iktar rilevanti biex tiġi distinta l-varjetà kandidata mill-varjetà KW 043, għaliex il-livelli ta’ espressjoni tagħhom kienu saru identiċi, din il-karatteristika tneħħiet mir-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni.

9        Matul il-komunikazzjonijiet li seħħew, f’din l-okkażjoni, bejn l-uffiċċju ta’ kontroll u s-CPVO, dan tal-aħħar qajjem ukoll kwistjonijiet relatati mal-livell ta’ espressjoni identika taż-żewġ varjetajiet M 02205 u KW 043 f’dak li jikkonċerna l-karatteristika “raħs”.

10      Meta ntbagħtet lis-CPVO, fis-27 ta’ April 2012, il-verżjoni korretta tar-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni, l-uffiċċju ta’ kontroll żamm ir-referenza għall-karatteristika “raħs”, filwaqt li żied mal-livell ta’ espressjoni tagħha varjazzjoni fil-perċentwali, jiġifieri 29 % għall-varjetà kandidata, kontra 94 % għall-varjetà ta’ referenza KW 043.

11      Wara dawn il-korrezzjonijiet suċċessivi, ir-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni kien jgħid is-segwenti:

Denominazzjoni tal-varjetà ta’ referenza

Karatteristiċi li bihom il-varjetà ta’ referenza hija differenti

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà ta’ referenza

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà kandidata

Dieck 3903

Petala: tmewwiġ tat-tarf

6

5


Petala: minfuħa

6

5

KW 043

Raħs: % ta’ żerriegħa ta’ raħs wieħed

2 (94 %)

2 (29 %)

 Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem is-CPVO fl-ewwel istanza

12      Fit-28 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti lill-intervenjenti, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2100/94, minħabba li l-korrezzjonijiet suċċessivi magħmula fir-rapport ta’ paragun ta’ distinzjoni juru li l-varjetà M 02205 ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ “distinzjoni”, skont l-Artikolu 7(1) tar-regolament imsemmi. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti kkontestat, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet li jesponu l-motivi tar-rikors li din ippreżentat quddiem is-CPVO, il-fatt li, wara l-korrezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-unika distinzjoni bejn il-varjetajiet M 02205 u KW 043 kienet tinsab fil-varjazzjoni ta’ perċentwali tal-livell ta’ espressjoni tal-karatteristika “raħs”, jiġifieri 29 % għall-varjetà M 02205, kontra 94 % għall-varjetà ta’ referenza KW 043. Issa, din iċ-ċirkustanza wasslet biex l-għażla ta’ din il-karatteristika ma tkunx xierqa għall-finijiet tal-konklużjoni li tikkonċerna l-karattru distintiv tal-varjetà kandidata, peress li, konformement mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti fl-Anness 1 tal-protokoll adottat mis-CPVO fil-15 ta’ Novembru 2001 għall-ispeċi Beta vulgaris L. ssp. Vulgaris var. altissima Döll (iktar ’il quddiem il-“protokoll tal-15 ta’ Novembru 2001”), applikabbli f’dan il-każ, il-karattru distintiv ta’ varjetà kandidata seta’ biss jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-karatteristika “raħs” kieku kien hemm differenza ta’ 2 punti bejn il-punteġġ tagħha u l-punteġġ tal-varjetà ta’ referenza – liema ħaġa ma huwiex ikkontestat li ma kinitx il-każ f’din il-kawża.

13      Fit-13 ta’ Mejju 2013 – peress li rriżulta li, b’riżultat tal-korrezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, id-distinzjoni bejn il-varjetajiet M 02205 u KW 043 kienet tinsab, effettivament, biss fid-differenza relattiva għall-perċentwali tal-karatteristika “raħs” –, is-CPVO kkuntattja lill-uffiċċju ta’ kontroll, billi talbu jivverifika jekk il-karatteristika “raħs” kinitx tikkostitwixxi l-unika karatteristika li tistabbilixxi d-distinzjoni bejn il-varjetajiet imsemmija, jew jekk kinux ġew osservati wkoll karatteristiċi oħra ta’ dan it-tip matul it-twettiq tal-eżami tekniku.

14      Fl-14 ta’ Mejju 2013, l-uffiċċju ta’ kontroll ħareġ verżjoni aġġornata tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, li kien fih karatteristiċi ġodda li l-uffiċċju msemmi kien inqis bħala adatti biex jiġġustifikaw id-distinzjoni bejn il-varjetajiet ikkonċernati. Il-verżjoni inkwistjoni hija s-segwenti:

Denominazzjoni tal-varjetà ta’ referenza

Karatteristiċi li bihom il-varjetà ta’ referenza hija differenti

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà ta’ referenza

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà kandidata

Dieck 3903

Petala: tmewwiġ tat-tarf

6

5


Petala: minfuħa

6

5

KW 043

Raħs: % ta’ żerriegħa ta’ raħs wieħed

2 (94 %)

2 (29 %)


Għerq: tul

6

3


Petala: tmewwiġ tat-tarf

4

5


Petala: brillantezza

4

5


Petala: minfuħa

4

5

15      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fis-16 ta’ Mejju 2013, is-CPVO kkonferma lill-partijiet fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li l-varjetà M 02205 kienet distinta mill-varjetajiet kollha magħrufa, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li l-bidla fil-karatteristiċi li kienet saret kienet dovuta għall-fatt li l-prattiki tad-diversi uffiċċji ta’ evalwazzjoni kienu jvarjaw kemm f’dak li jikkonċerna l-mod li bih dawn kienu jfasslu r-rapporti ta’ distinzjoni, kif ukoll fir-rigward tal-għażla tal-karatteristiċi li kienu jqisu rilevanti biex jiġġustifikaw il-karattru distintiv ta’ varjetà kandidata. Barra minn hekk, kien proprju abbażi ta’ din il-varjazzjoni fil-prattiki tad-diversi uffiċċji ta’ evalwazzjoni li s-CPVO kien iġġustifika l-għażla tal-karatteristika “raħs”. Madankollu, peress li rriżulta li din il-karatteristika ma kinitx adatta biex tiġġustifika l-konklużjoni dwar id-distinzjoni, din ġiet finalment irtirata mil-lista tal-karatteristiċi li jidhru fil-verżjoni definittiva tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, kif stabbilita fid-9 ta’ Settembru 2013. Din il-verżjoni kienet tgħid is-segwenti:

Denominazzjoni tal-varjetà ta’ referenza

Karatteristiċi li bihom il-varjetà ta’ referenza hija differenti

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà ta’ referenza

Livell ta’ espressjoni tal-varjetà kandidata

Dieck 3903

Petala: tmewwiġ tat-tarf

6

5


Petala: minfuħa

6

5

KW 043

Għerq: tul

6

3


Petala: tmewwiġ tat-tarf

4

5


Petala: brillantezza

4

5


Petala: minfuħa

4

5

16      Minħabba diversi tibdiliet magħmula lir-rapport li jipparaguna d-differenzi, ir-rikorrenti – fil-kuntest tal-osservazzjonijiet orali tagħha ppreżentati matul is-seduta li seħħet quddiem is-CPVO – ippreżentat argumenti supplimentari, bil-għan li tistabbilixxi li, fil-mument tal-għoti tad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti inkwistjoni, il-varjetà M 02205 ma kinitx distinta mill-varjetà ta’ referenza KW 043.

17      B’mod partikolari din allegat li l-aħħar verżjoni u dik qabel tal-aħħar tar-rapport li jipparaguna d-differenzi kienu jindikaw li l-punti ta’ espressjoni msemmija fihom, f’dak li jikkonċerna l-varjetajiet ta’ referenza KW 043 u Dieck 3903, ma kinux jipprovjenu mir-riżultati tat-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati li saru fl-2003 u fl-2004, iżda li dawn kienu ttieħdu mid-deskrizzjonijiet uffiċjali tal-varjetajiet imsemmija, kif stabbiliti fil-mument tal-għoti lil dawn tal-aħħar tad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti. Skont ir-rikorrenti, tali prattika mhux biss hija inaċċettabbli, iżda wkoll illegali, għaliex tmur kontra r-regoli kollha applikabbli fil-qasam – li abbażi tagħhom, il-karattru distintiv ta’ varjetà kandidata għandu jkun ibbażat biss fuq informazzjoni miġbura minn testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati, imwettqa matul żewġ ċikli ta’ veġetazzjoni konsekuttivi, li jsegwu l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ varjetà kandidata. Fil-fehma tagħha, kienet teżisti spjegazzjoni possibbli waħda biss li tista’ tiġġustifika d-deċiżjoni tas-CPVO li bbaża d-deċiżjoni dwar il-karattru distint tal-varjetà M 02205 abbażi tad-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetajiet ta’ referenza KW 043 u Dieck 3903. Din l-ispjegazzjoni hija li, wara t-tneħħija tal-karatteristiċi “kulur tal-petala” u “raħs” mir-rapport li jipparaguna d-differenzi, ebda informazzjoni oħra li tirriżulta mir-riżultati miksuba mit-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati tal-2003 u tal-2004 ma kienet kapaċi li tibbaża l-karattru distintiv tal-varjetà kandidata.

18      Bil-għan li jitneħħa kull dubju f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti talbet, fit-23 ta’ Mejju 2013, lis-CPVO, biex jipprovdilha d-dokumenti kollha provenjenti mill-uffiċċju ta’ kontroll li jikkonċernaw il-fajl tal-varjetà M 02205. B’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2013, is-CPVO rrisponda għat-talba tar-rikorrenti, iżda biss parzjalment, billi pprovdilha biss lista tal-varjetajiet li kienu ġew eżaminati waqt l-eżami tekniku mwettaq fl-2003 u fl-2004, hekk kif kienu ġew ippreżentati lilu mill-uffiċċju ta’ kontroll.

19      Saru diversi talbiet għal informazzjoni oħra mir-rikorrenti, quddiem is-CPVO, bil-għan li jinkisbu r-riżultati tal-imsemmija testijiet fuq pjanti kultivati. Madankollu, dawn it-testijiet ma kellhomx suċċess matul il-proċedura amministrattiva quddiem is-CPVO, minħabba li tali data kellha tinżamm mill-uffiċċju ta’ kontroll. Kien biss fit-2 ta’ Marzu 2015 li s-CPVO bagħat lir-rikorrenti r-riżultati tal-imsemmija testijiet fuq pjanti kultivati.

20      Bid-deċiżjoni NN 010, tat-23 ta’ Settembru 2013, is-CPVO ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, għar-raġuni li l-varjetà M 02205 kienet kjarament distinta mill-varjetajiet ta’ referenza, fosthom il-KW 043. Dan spjega li, fil-mument tal-ħruġ tar-rapport finali, l-uffiċċju ta’ kontroll kien jaf bil-punti ta’ espressjoni, korretti, f’dak li kien jikkonċerna l-karatteristiċi kollha relattivi għall-varjetà kandidata u li, għalhekk, l-iżbalji ta’ traskrizzjoni fir-rapport li jipparaguna d-differenzi ma kellhomx effett fuq il-konklużjoni relatata mal-karattru distintiv ta’ din il-varjetà; barra minn hekk, dan il-fatt ġie kkonfermat mill-uffiċċju ta’ kontroll.

21      Skont is-CPVO, il-varjetà kandidata kienet kjarament distinta mill-varjetajiet l-oħra kollha magħrufa tal-pitravi għaz-zokkor, u dan minħabba diversi karatteristiċi. F’dan ir-rigward, qabel kollox, is-CPVO fakkar li l-verżjoni aġġornata tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, bid-data tal-14 ta’ Mejju 2013, kien jikkonferma l-konklużjoni relattiva għad-distinzjoni tal-varjetà M 02205 mill-varjetà ta’ referenza KW 043 minħabba erba’ karatteristiċi oħra. Sussegwentement, dan osserva li l-fatt li l-karatteristika “raħs” issemmiet inizjalment fir-rapport li jipparaguna d-differenzi, minkejja n-nuqqas ta’ rilevanza tagħha biex tibbaża l-karattru distintiv tal-varjetà kandidata, għalkemm ta’ dispjaċir, ma kellhiex effett fuq il-konklużjoni finali. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rapport li jipparaguna d-differenzi huwa ppreżentat b’mod fakultattiv mill-uffiċċji ta’ eżami, għal finijiet ta’ informazzjoni biss. Finalment, is-CPVO ippreċiża li, fil-mument li induna li l-karatteristika “raħs” ma kinitx tikkostitwixxi karatteristika rilevanti li għandha tissemma’ fir-rapport, dan talab lill-uffiċċju ta’ kontroll, mhux karatteristiċi “addizzjonali” jew “ġodda”, hekk kif ġie allegat mir-rikorrenti, iżda li tintgħażel karatteristika oħra li kienet ġiet osservata matul it-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati u li kienet tippermetti li jintwera b’mod rilevanti l-karattru distint tal-varjetà kandidata.

22      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-CPVO rrifjuta li jiddikjara bħala nulli u mingħajr effett id-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti kkontestati.

 Proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO

23      Fl-4 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO, skont l-Artikoli 67 sa 72 tar-Regolament Nru 2100/94, kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha.

24      Fl-osservazzjoni li tesponi l-aggravji tal-appell, ir-rikorrenti b’mod partikolari semmiet id-dubji tagħha dwar l-oriġini tad-data relattiva għall-varjetà ta’ referenza KW 043, hekk kif kienet ġiet inserita fl-aħħar verżjoni u fil-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar tar-rapport li jipparaguna d-differenzi.

25      L-istess bħal quddiem is-CPVO fl-ewwel istanza, din irrepetiet l-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-karattru distintiv tal-varjetà M 02205 kien ġie stabbilit fir-rigward tal-varjetajiet ta’ referenza KW 043 u Dieck 3903, mhux abbażi tad-data miġbura wara evalwazzjoni ta’ paragun fuq pjanti kultivati, iżda, iktar probabbilment, abbażi tal-punti li jidhru fuq iċ-ċertifikati tal-varjetajiet ta’ referenza, miksuba wara evalwazzjonijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa f’perijodi differenti, jiġifieri fl-2001 u fl-2002 għall-varjetà KW 043, u fl-2002 u fl-2003 għall-varjetà Dieck 3903. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-punti ta’ espressjoni mogħtija lill-varjetà KW 043 fir-rapport li jipparaguna d-differenzi kienu identiċi għal dawk imsemmija fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà msemmija. Issa, fost l-istituzzjonijiet ta’ evalwazzjoni huwa stabbilit li, minħabba l-fatt li l-punti ta’ espressjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-pitravi huma estremament influwenzati minn fatturi esterni, il-probabbiltà li jinkisbu l-istess punti ta’ espressjoni wara evalwazzjonijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati magħmula matul snin differenti hija estremament dgħajfa.

 Deċiżjoni kkontestata

26      Bid-deċiżjoni A 010/2013, tas-26 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti bħala infondat, billi qies, b’mod partikolari, li din kienet sopravalutat l-importanza tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, filwaqt li din kienet ikkwalifikat bħala “bażi fundamentali” tad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti, filwaqt li, fir-realtà, dan id-dokument kien fih biss informazzjoni addizzjonali li tirriżulta mill-evalwazzjonijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati. Għalhekk, il-fatt li dan id-dokument ġie kkoreġut tliet darbiet ma kienx tali li jwassal għan-nullità tad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti inkwistjoni.

27      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tat-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti kienet tillimita ruħha biex issostni li ma kien sar ebda paragun dirett tal-varjetà kandidata u tal-varjetajiet ta’ referenza. Wara li kkwalifika tali paragun dirett tal-varjetajiet bħala “regola ta’ bażi” fil-kuntest ta’ tali evalwazzjonijiet, il-Bord tal-Appell qies li dan kien sar, f’dan il-każ, kif is-Sur C., l-espert tal-uffiċċju ta’ kontroll, kien ikkonferma waqt is-seduta quddiemu.

28      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ippreċiża li l-informazzjoni mdaħħla fir-rapport li jipparaguna d-differenzi setgħet biss tipprovjeni mir-riżultati miksuba wara testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati magħmula fuq il-varjetà kandidata u fuq dawk meqjusa li huma l-iktar simili għaliha. F’dan ir-rigward, qabel kollox, dan spjega li, minħabba l-influwenzi ambjentali fuq l-espressjoni tal-karatteristiċi, il-varjetajiet kandidati ma setgħux jiġu pparagunati ma’ riżultati dokumentati u miġbura preċedentement. Fil-fatt, skont regola bażika, fil-kuntest tat-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati, il-paragun dirett ta’ varjetà kandidata mal-varjetajiet ta’ referenza jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-għoti ta’ drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell indika li l-fatt li tali paragun dirett tal-materjali ħajjin seħħ f’dan il-każ ġie kkonfermat quddiemu, waqt is-seduta, mill-eżaminatur tal-uffiċċju ta’ kontroll. Finalment, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li s-CPVO u l-uffiċċju ta’ kontroll kienu segwew il-proċedura ta’ evalwazzjoni korretta, kif stabbilit mill-protokoll tal-15 ta’ Novembru 2001.

29      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li jikkonsisti f’ilment li s-CPVO ma bagħtitilhiex ir-riżultati rreġistrati tat-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati li kienu seħħew matul l-2003 u l-2004, minkejja diversi talbiet għal aċċess magħmula f’dan is-sens, il-Bord tal-Appell qies li tali data kellha tinżamm mill-uffiċċju ta’ kontroll. Għalhekk, dan ikkonkluda li ċ-ċirkustanzi relattivi għall-imsemmi rifjut ta’ aċċess ma kinux dovuti għal xi motiv mistur u li dawn kienu, iktar probabbilment, ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn is-CPVO u l-uffiċċju ta’ kontroll.

 It-talbiet tal-partijiet

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirriforma d-deċiżjoni msemmija, billi tiddikjara d-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti rreġistrati bir-referenza UE 15118 nulli u mingħajr effett;

–        tikkundanna lis-CPVO jbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-intervenjenti.

31      Is-CPVO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, jekk jintlaqa’ r-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, tordna li dan ibati biss l-ispejjeż tiegħu, konformement mal-Artikolu 190(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-intervenjenti;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba ta’ riforma tad-deċiżjoni kkontestata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell u tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż tal-intervenjenti.

 Fuq l-ammissibbiltà

33      Fil-kuntest tal-intervent u tal-kontroreplika ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, qabel kollox l-intervenjenti tosserva li r-rikors ma huwiex ammissibbli, peress li r-rikorrenti ma bbażatx il-motivi tar-rikors tagħha fuq l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, li huwa l-unika bażi legali applikabbli għall-finijiet tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti.

34      Sussegwentement, l-intervenjenti tqis li l-Annessi 15 sa 18, ippreżentati għall-ewwel darba fir-replika, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma ressqitx ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw id-dewmien fil-preżentata tal-annessi msemmija.

35      Finalment, l-intervenjenti tilmenta li r-rikorrenti ma ppreżentatx ir-replika b’mod ċar u preċiż, u b’hekk kisret ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza. B’mod partikolari, din tosserva li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma ġewx strutturati b’mod loġiku u sistematiku, iżda li jitħaltu u jikkoinċidu ma’ xulxin b’tali mod li huwa impossibbli għaliha li tiddetermina, b’ċertezza, l-essenzjal tal-konfutazzjoni li r-rikorrenti trid tesprimi. Għalhekk, l-intervenjenti tħalli f’idejn il-Qorti Ġenerali biex tevalwa jekk ir-replika tistax titqies bħala inammissibbli minħabba l-lakuni msemmija iktar ’il fuq.

36      Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub li din ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2017, fir-rigward tad-dokument ippreżentat mir-rikorrenti waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, l-intervenjenti kkontestat l-ammissibbiltà tal-provi addizzjonali ppreżentati mir-rikorrenti f’dik l-okkażjoni, minħabba li dawn ma kinux ġew ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell.

37      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti mressqa mill-intervenjenti.

38      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-intervenjenti dwar l-assenza ta’ referenza espressa fl-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li ma huwiex meħtieġ li parti tinvoka espressament id-dispożizzjonijiet li fuqhom din tibbaża l-motivi mqajma minnha. Huwa biżżejjed li l-għan tat-talba ta’ din il-parti kif ukoll il-provi ta’ fatt u ta’ dritt prinċipali li t-talba hija bbażata fuqhom ikunu esposti fir-rikors b’ċarezza suffiċjenti [ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Gigabyte Technology vs UASI – Haskins (Gigabyte), T-451/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:13, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Din il-ġurisprudenza hija applikabbli, mutatis mutandis, f’każ ta’ żball fl-ispeċifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-motivi tar-rikors [ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Gigabyte Technology vs UASI – Haskins (Gigabyte), T-451/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:13, punti 27 sa 30].

39      F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wettqitx żball meta bbażat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fuq l-Artikolu 263 TFUE u fuq l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 2100/94 u mhux fuq l-Artikolu 20(1)(a) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, mit-test tal-Artikoli 20 u 73 tar-Regolament Nru 2100/94 rispettivament jirriżulta li, filwaqt li l-ewwel dispożizzjoni ssemmi l-każijiet li fihom is-CPVO għandu jiddikjara d-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti nulli u mingħajr effett kif ukoll il-konsegwenzi marbuta ma’ tali dikjarazzjoni ta’ nullità, it-tieni dispożizzjoni tapplika f’każ ta’ rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Għalhekk, huwa ġustament li r-rikorrenti bbażat ir-rikors preżenti fuq l-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tal-intervenjenti relattiva għall-inammissibbiltà tar-rikors minħabba n-nuqqas ta’ referenza espressa għall-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 għandha tiġi miċħuda.

40      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-intervenjenti relattiva għan-nuqqas ta ċarezza u ta’ preċiżjoni fir-replika, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, l-argumentazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fir-replika hija ċara u preċiża biżżejjed, liema ħaġa hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li s-CPVO ppreżenta sommarju dettaljat ta’ din l-argumentazzjoni, mingħajr ma għamel ebda riferiment għal problemi potenzjali ta’ ftehim.

41      Finalment, il-Qorti Ġenerali ser tanalizza ulterjorment l-utilità li tiddeċiedi fuq l-argumentazzjoni tal-intervenjenti relattiva għall-allegata inammissibbiltà tal-Annessi 15 sa 18, ippreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-replika, u fuq il-provi addizzjonali ppreżentati mir-rikorrenti waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

42      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. Fl-ewwel lok, din tosserva, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell qies bi żball li l-varjetà M 02205 kienet distinta mill-varjetà ta’ referenza KW 043. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 2100/94, minħabba li l-kundizzjoni essenzjali li tipprovdi li varjetà ta’ pjanta kandidata għad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti kellha tkun “distinta” mill-varjetajiet ta’ referenza, ma kinitx ġiet sodisfatta f’dan il-każ. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, meta qies li s-CPVO seta’ jibdel retroattivament il-karatteristiċi użati biex jiġġustifika l-għoti ta’ drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti tinvoka wkoll żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 87(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

43      Fit-tielet lok, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti. F’dan ir-rigward, din tibbaża ruħha fuq tliet ilmenti.

44      L-ewwel nett, fid-dawl tal-aħħar verżjoni u tal-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, ir-rikorrenti tosserva li l-obbligu li l-paragun ta’ varjetà kandidata ma’ varjetajiet ta’ referenza jiġi bbażat fuq data li tirriżulta minn testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati inkiser f’dan il-każ.

45      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ eżami ma twettqitx b’mod trasparenti, peress li, waqt il-proċedura amministrattiva u dan, minkejja diversi talbiet, is-CPVO ma kkomunikalhiex id-dokumenti li jikkonċernaw ir-riżultati ta’ testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati li kienu twettqu mill-uffiċċju ta’ kontroll matul l-2003 u l-2004 u li jippermettu li tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligu msemmi fil-punt 44 iktar ’il fuq. Għall-istess raġunijiet, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti.

46      It-tielet nett, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx il-verifiki neċessarji, minkejja l-provi ppreżentati minnha fir-rigward tal-iżbalji mwettqa mill-uffiċċju ta’ kontroll, iżda li dan sempliċiment ibbaża ruħu fuq dikjarazzjonijiet orali tas-Sur C, skont liema seħħew testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati fl-2003 u fl-2004. Meta aġixxa b’dan il-mod, il-Bord tal-Appell kiser ir-rekwiżit ta’ imparzjalità skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

47      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv tar-rikorrenti, u b’mod iktar partikolari, l-ewwel u t-tielet ilmenti insostenn ta’ dan il-motiv.

48      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti allegat, b’mod partikolari, li l-aħħar verżjoni u l-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar aġġornati tar-rapport li jipparaguna d-differenzi kienu juru li l-karattru distint tal-varjetà M 02205 kien ġie bbażat, parzjalment, fuq informazzjoni miġbura mingħajr it-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati magħmula fl-2003 u fl-2004 – dan minkejja r-regoli applikabbli, li abbażi tagħhom il-paragun ta’ varjetà kandidata ma’ varjetajiet ta’ referenza għandu jkun ibbażat biss fuq data li tirriżulta minn testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati.

49      Iktar preċiżament, ir-rikorrenti tesprimi dubji dwar l-oriġini tal-karatteristiċi li ddaħħlu f’dawn l-aħħar verżjonijiet tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, f’dak li jikkonċerna l-varjetà ta’ referenza KW 043. F’dan ir-rigward, din issostni li l-eżami bir-reqqa tal-punti ta’ espressjoni li huma indikati f’dawn l-aħħar verżjonijiet, f’dak li jikkonċerna l-varjetà KW 043, jindika li l-punti ta’ espressjoni msemmija huma identiċi għad-data mniżżla fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà KW 043, kif stabbilita fl-2002, wara t-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa fl-2000 u fl-2001. Issa, tali koinċidenza hija ferm improbabbli, fid-dawl tal-effett li l-istaġjuni jista’ jkollhom fuq l-espressjoni tal-pjanti.

50      Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li l-informazzjoni li tinsab fl-aħħar verżjoni u fil-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, f’dak li jikkonċerna l-varjetà ta’ referenza KW 043, ma kinux jipprovjenu minn testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati, iżda li dawn kienu ttieħdu mid-deskrizzjoni uffiċjali tal-imsemmija varjetà ta’ referenza, kif stabbilita fil-mument tal-għoti lil din tal-aħħar tad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti.

51      Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati seħħew fl-2003 u fl-2004. Madankollu, fil-kuntest tat-tielet ilment, din tilmenta, b’mod partikolari, kontra s-CPVO il-fatt li, minkejja l-provi ppreżentati minnha, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu sempliċiment fuq dikjarazzjonijiet orali tal-espert tal-uffiċċju ta’ kontroll, is-Sur C, mingħajr ma wettaq l-iċken verifika fir-rigward tal-iżbalji allegati minn dan l-uffiċċju.

52      Is-CPVO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Qabel kollox, dan jallega, essenzjalment, li r-rikorrenti tosserva li l-uffiċċju ta’ kontroll ma pparagunax direttament il-varjetà kandidata mal-varjetajiet ta’ referenza. F’dan ir-rigward, dan jippreċiża li, kuntrarjament għall-argumenti invokati mir-rikorrenti, matul is-seduta li seħħet quddiem il-Bord tal-Appell, l-espert tal-uffiċċju ta’ kontroll li kien wettaq l-evalwazzjoni teknika, f’dan il-każ, ikkonferma, minn naħa, li l-eżami tal-varjetà M 02205 kien twettaq skont il-protokoll tal-15 ta’ Novembru 2001 u, min-naħa l-oħra, li l-varjetà kandidata kienet ġiet ipparagunata mal-varjetajiet ta’ referenza kollha, matul żewġ ċikli konsekuttivi ta’ testijiet fuq pjanti kultivati.

53      Barra minn hekk, is-CPVO josserva li l-Bord tal-Appell ma kellu ebda raġuni għalfejn ipoġġi f’dubju l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmula, waqt is-seduta quddiemu, mis-Sur C, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-eżami tekniku u, b’mod partikolari, dwar il-konferma minnu, skont liema, il-varjetà M 02205 kienet ġiet ipparagunata direttament, waqt it-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati, mal-varjetajiet l-oħra kollha magħrufa tal-pitravi.

54      Min-naħa tagħha, l-intervenjenti essenzjalment issostni li r-rikorrenti allegat, mingħajr ma ġabet prova insostenn, li l-informazzjoni mniżżla fl-aħħar verżjoni tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, f’dak li jikkonċerna l-varjetà KW 043, ma kinitx tipprovjeni minn testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa fl-2003 u fl-2004. Issa, mis-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO (C-546/12 P, EU:C:2015:332, punt 57), jirriżulta li huwa min jitlob l-annullament li għandu jippreżenta l-provi u l-fatti sostanzjali li jistgħu jibbażaw dubji serji fir-rigward tal-legalità tal-għoti tad-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti kkontestati. Għalhekk, ir-rikorrenti ma ppreżentatx il-prova li kellha l-oneru li tippreżenta.

55      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, is-CPVO għandu jiddikjara d-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti null u mingħajr effett jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 jew 10 ma kinux imħarsa fiż-żmien tal-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, varjetà għandha titqies li hija distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar b’referenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew minn taħlita ta’ ġenotipi, minn kull varjetà oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data tal-applikazzjoni stabbilita bis-saħħa tal-Artikolu 51.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-kundizzjonijiet marbuta, b’mod partikolari, mad-distinzjoni huma, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, kundizzjonijiet sine qua non għall-għoti ta’ dritt Komunitarju. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, id-dritt mogħti huwa illegali u jkun fl-interess ġenerali li jiġi ddikjarat null u mingħajr effett (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C-546/12 P, EU:C:2015:332, punt 52).

57      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-CPVO kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti, fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2100/94. Għaldaqstant, huma biss dubji serji dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 jew 10 ta’ dan ir-regolament kienu ssodisfatti fid-data tal-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 tal-imsemmi regolament li jistgħu jiġġustifikaw eżami mill-ġdid tal-varjetà protetta permezz tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2100/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C-546/12 P, EU:C:2015:332, punt 56).

58      F’dan il-kuntest, terz li jkun qiegħed jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dritt ta’ varjetà ta’ pjanta għandu jipproduċi provi u elementi fattwali sostanzjali li fuqhom ikunu jistgħu jiġu bbażati dubji serji dwar il-legalità tal-għoti tad-dritt ta’ varjetà ta’ pjanta mogħti wara l-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C-546/12 P, EU:C:2015:332, punt 57).

59      Hija b’hekk ir-rikorrenti li għandha tippreżenta, insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, provi u elementi fattwali sostanzjali li fuqhom ikunu jistgħu jiġu bbażati dubji serji fil-Bord tal-Appell fir-rigward tal-legalità tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħtija f’dan il-każ.

60      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi ppreżentati mir-rikorrenti, f’dan ir-rigward, quddiem il-Bord tal-Appell kinux suffiċjenti biex iqajmu dubji serji għalih u jekk setgħux, għalhekk, jiġġustifikaw evalwazzjoni mill-ġdid tal-varjetà M 02205 permezz tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, abbażi tal-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94.

61      Biex tingħata risposta lil din id-domanda, qabel kollox, huwa neċessarju li jiġu vverifikati r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dak li jikkonċerna l-elaborazzjoni tan-noti ta’ espressjoni, li fuqhom għandhom jiġu bbażati t-talbiet dwar il-karattru distintiv jew le ta’ varjetà ta’ pjanti. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mqajma f’dan ir-rigward mir-rikorrenti setgħux inisslu dubji serji fil-Bord tal-Appell. Finalment, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-Bord tal-Appell issodisfax korrettement l-obbligi tiegħu fid-dawl ta’ tali dubji serji.

62      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2100/94, l-eżamijiet tekniċi għandhom jitwettqu skont il-prinċipji ta’ gwida maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv, u skont l-istruzzjonijiet mogħtija mis-CPVO. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tas-CPVO fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, ma tistax tippermettilu jevita r-regoli tekniċi li jirregolaw l-iżvolġiment tal-eżamijiet tekniċi, mingħajr ma jikser id-dmir ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-obbligu ta’ kura u ta’ imparzjalità li huwa għandu. Barra minn hekk, in-natura vinkolanti, inkluż għas-CPVO, ta’ dawn ir-regoli hija kkonfermata mill-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2100/94, li jimponi li l-eżamijiet tekniċi għandhom jitwettqu skont dawn ir-regoli (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C-625/15 P, EU:C:2017:435, punt 79).

63      Għal dan il-għan, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 56(2) imsemmi iktar ’il fuq, is-CPVO adotta l-protokoll tal-15 ta’ Novembru 2001,bil-għan li jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni teknika u l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tal-varjetajiet li jifformaw parti mill-ispeċi ta’ pitrava Beta vulgaris L. ssp. Vulgaris var. altissima Döll. Abbażi tal-punt III 2, intitolat “Materjal li għandu jiġi eżaminat” (material to be examined), u tal-punt III 5, intitolat “Kunċetti ta’ provi u kundizzjonijiet ta’ tkabbir” (trial designs and growing conditions), tal-imsemmi protokoll, il-varjetajiet kandidati u l-varjetajiet ta’ referenza għandhom ikunu s-suġġett ta’ paragun dirett fuq pjanti kultivati, li għandu normalment jitwettaq mill-inqas matul żewġ ċikli ta’ veġetazzjoni indipendenti. Qabel kollox, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell stess enfasizza l-importanza tal-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit li jikkostitwixxi, fit-termini tiegħu, kundizzjoni preliminari għall-għoti ta’ drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti (ara l-punt 28 iktar ’il fuq).

64      Isegwi li l-punti ta’ espressjoni li jinsabu fir-rapport li jipparaguna d-differenzi, li abbażi tiegħu huwa stabbilit il-karattru distintiv ta’ varjetà kandidata, għandhom jikkorrispondu mal-punti miġbura wara testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa matul żewġ ċikli ta’ veġetazzjoni annwali li jsegwu l-applikazzjoni għal drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti tal-varjetà kandidata.

65      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argumenti mqajma mir-rikorrenti, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li din tal-aħħar, quddiem il-Bord tal-Appell, osservat li l-fatt li l-punti ta’ espressjoni mogħtija lill-varjetà KW 043 fir-rapport li jipparaguna d-differenzi kienu identiċi għal dawk imsemmija fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà msemmija kien isostni l-ipoteżi li dawn il-punti kienu jipprovjenu mill-imsemmija deskrizzjoni uffiċjali u mhux minn testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati, imwettqa fl-2003 u fl-2004, bil-għan li jingħataw id-drittijiet Komunitarji għall-varjetà M 02205. Barra minn hekk, meta bbażat ruħha fuq eżempji konkreti derivanti minn deskrizzjonijiet uffiċjali ta’ varjetajiet oħra, ir-rikorrenti pprovat turi li l-probabbiltà li varjetà ta’ pitravi għaz-zokkor partikolari tikseb l-istess punti minn sena għal oħra kienet dgħajfa ħafna.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 18 u 19 iktar ’il fuq, minkejja li r-rikorrenti talbet, kemm-il darba, li jkollha aċċess għall-fajl tal-varjetà M 02205, inkluż għar-riżultati ta’ testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa fl-2003 u fl-2004, dawn ġew ittrasferiti lilha mis-CPVO biss fit-2 ta’ Marzu 2015, jiġifieri, f’data wara dik li fiha l-Bord tal-Appell kien ta d-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma setgħetx tibbaża ruħha fuq provi għajr dawk li hija ppreżentat quddiem l-istanzi tas-CPVO, jiġifieri l-paragun bejn id-data li tinsab fir-rapport li jipparaguna d-differenzi u dik li tinsab fid-deskrizzjonijiet uffiċjali rispettivi tal-varjetajiet M 02205 u KW 043 kif ukoll, bħala eżempju, informazzjoni mislufa minn deskrizzjonijiet uffiċjali ta’ varjetajiet oħra.

67      Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet, ġustament, tinvoka quddiem il-Bord tal-Appell diversi żbalji mwettqa fir-rapport li jipparaguna d-differenzi, kif indikati fil-punti 5 sa 15 iktar ’il fuq u li wasslu għal diversi korrezzjonijiet suċċessivi ta’ dan ir-rapport, liema żbalji setgħu wkoll joħolqu dubji serji lill-Bord tal-Appell, għall-inqas, fir-rigward tal-affidabbiltà tal-punti ta’ espressjoni li jikkorrispondu għall-karatteristiċi inseriti fir-rapport li jipparaguna d-differenzi. Qabel kollox, in-natura tardiva tal-korrezzjonijiet imsemmija setgħet, kif essenzjalment enfasizzat ir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, tkun ta’ natura li ssaħħaħ dawn id-dubji.

68      Fid-dawl ta’ dak li ntqal għandu jitqies li r-rikorrenti pprovdiet, quddiem il-Bord tal-Appell, elementi ta’ fatt sostanzjali suffiċjenti biex iqajmu dubji serji fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-informazzjoni użata għall-varjetà ta’ referenza KW 043 kienet ittieħdet mid-deskrizzjoni uffiċjali ta’ din il-varjetà. Il-Bord tal-Appell kien għalhekk marbut li jivverifika l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni u li jiġbed il-konsegwenzi minn dan għall-appell tar-rikorrenti.

69      Qabel kollox, għandu jingħad ukoll li, fir-risposti tiegħu għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, is-CPVO rrikonoxxa li l-punti ta’ espressjoni relattivi għall-varjetà ta’ referenza KW 043, kif imdaħħla fl-aħħar verżjoni u l-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar tar-rapport li jipparaguna d-differenzi, ma kinux jikkorrispondu għad-data miġbura wara testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa fl-2003 u fl-2004, iżda li dawn kienu ttieħdu mid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà KW 043.

70      It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk il-Bord tal-Appell issodisfax korrettement l-obbligi tiegħu fid-dawl ta’ tali dubji serji, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li x-xogħol tas-CPVO huwa kkaratterizzat minn kumplessità xjentifika u teknika tal-kundizzjonijiet ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal drittijiet Komunitarji, b’mod li għandha tiġi rrikonoxxuta lilu setgħa diskrezzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C-534/10 P, EU:C:2012:813, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din is-setgħa diskrezzjonali testendi, b’mod partikolari, għall-verifika tal-karattru distintiv ta’ varjetà, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2100/94 (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C-625/15 P, EU:C:2017:435, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      It-tieni nett, is-CPVO, bħala organu tal-Unjoni Ewropea, huwa suġġett għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li abbażi tiegħu huwa għandu jeżamina b’kura u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti ta’ applikazzjoni għal drittijiet Komunitarji u jiġbor l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Huwa għandu, barra minn hekk, jiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li jimplementa (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C-625/15 P, EU:C:2017:435, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi li, “[f]i proċeduri quddiemu [s-CPVO] għandu jagħmel investigazzjonijiet fuq il-fatti minn jeddu [ex officio], sal-limitu li dawn jaqgħu taħt l-eżami skond l-Artikoli 54 u 55”.

73      Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, abbażi tal-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009, tas-17 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU 2009, L 251, p. 3), id-dispożizzjonijiet relattivi għall-proċeduri mibdija quddiem is-CPVO japplikaw mutatis mutandis għall-proċeduri tal-appell (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C-546/12 P, EU:C:2015:332, punt 46).

74      B’hekk, minn naħa, il-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio tal-fatti japplika wkoll f’tali proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C-546/12 P, EU:C:2015:332, punt 46). Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell huwa wkoll marbut mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li skont dan għandu jeżamina b’kura u imparzjalità l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti tal-kawża quddiemu.

75      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell illimita ruħu biex jadotta pożizzjoni fuq il-kwistjoni jekk testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati kinux seħħew fl-2003 u fl 2004 – ċirkustanza kkonfermata, skont dan, mill-espert tal-uffiċċju ta’ kontroll, is-Sur C, waqt is-seduta li seħħet quddiemu. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 25 iktar ’il fuq, mill-espożizzjoni tal-aggravji tal-appell tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell jirriżulta b’mod ċar li din ma kinitx qed tpoġġi indiskussjoni, b’mod ġenerali, l-eżistenza stess ta’ testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati, iżda, iktar eżattament, il-fatt li l-karattru distintiv tal-varjetà M 02205 ġie stabbilit abbażi ta’ riżultati miġbura mit-testijiet imsemmija. Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-minuti tas-seduta quddiem il-Bord tal-Appell, ma jirriżultax li s-Sur C. kien mistoqsi, waqt is-seduta msemmija, fuq punt differenti minn dak tal-proċedura li l-uffiċċju ta’ kontroll osserva abitwalment għall-paragun tal-pitravi għaz-zokkor

76      Konsegwentement, fil-preżenza ta’ tali allegazzjoni, li l-fondatezza tagħha ġiet ulterjorment ikkonfermata mis-CPVO quddiem il-Qorti Ġenerali, l-affermazzjonijiet tal-espert tal-uffiċċju ta’ kontroll, li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ testijiet ta’ paragun fl-2003 u fl-2004, ma setgħux, ovvjament, ikunu biżżejjed biex il-Bord tal-Appell iqis li l-kundizzjoni ta’ distinzjoni kienet ġiet stabbilita abbażi ta’ informazzjoni konformi mar-regoli tekniċi applikabbli u biex jiċħad l-appell tar-rikorrenti.

77      B’mod kuntrarju, dan kellu jagħmel użu mis-setgħa wiesgħa ta’ investigazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94, interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq, biex jivverifika l-oriġini tal-punti ta’ espressjoni tal-varjetà ta’ referenza KW 043 msemmija fl-aħħar verżjoni u fil-verżjoni ta’ qabel tal-aħħar tar-rapport li jipparaguna d-differenzi u biex jiġbed il-konsegwenzi minnhom. Fil-fatt, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Bord tal-Appell kellu jeżamina b’kura u b’imparzjalità ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha biex jevalwa l-validità tad-drittijiet Komunitarji inkwistjoni u li jgħaqqad l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kollha neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C-625/15 P, EU:C:2017:435, punt 84).

78      Għalhekk, kien il-Bord tal-Appell li kellu jiżgura ruħu li kellu, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi rilevanti kollha – jiġifieri, b’mod iktar partikolari, ir-riżultati tat-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa fl-2003 u fl-2004 – biex ikun jista’ jevalwa, abbażi tad-data rilevanti, jekk l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tal-varjetà M 02205, ipparagunata mal-varjetà ta’ referenza KW 043, kinitx saret konformement mar-regoli tekniċi applikabbli.

79      Issa, għandu jiġi rrilevat li matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, is-CPVO ammetta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kellux riżultati ta’ testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati tal-2003 u tal-2004. Din id-data ntbagħtet lis-CPVO biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Isegwi li, peress li ma wettaqx eżami xieraq biex jiżgura li l-karattru distintiv tal-varjetà M 02205, ipparagunat mal-varjetajiet ta’ referenza, kien ġie stabbilit abbażi tad-data li tirriżulta minn testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati mwettqa fl-2003 u fl-2004, il-Bord tal-Appell ma wettaqx l-obbligi tiegħu korrettament.

81      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-argumenti mressqa mis-CPVO.

82      Fl-ewwel lok, fil-kuntest tar-risposti tiegħu għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, is-CPVO jibbaża ruħu fuq argumenti li huma relattivi, minn naħa, għall-marki ulterjuri mogħtija lill-kriterju “tul tal-għerq”, hekk kif jirriżultaw mill-metodu ta’ kalkolu bbażati fuq it-test imsejjaħ “tal-iżgħar differenza sinifikanti”, ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li, f’kull każ, il-varjetajiet M 02205 u KW 043 huma mingħajr dubju distinti, abbażi tar-riżultati miksuba wara testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati tal-2003 u tal-2004, u dan, fid-dawl tal-karatteristika “kulur tal-petala”.

83      Sa fejn dawn l-argumenti jirrigwardaw l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, biżżejjed li jitfakkar li l-legalità tal-atti kkontestati tista’ tiġi evalwata biss abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li dawn ikunu ġew adottati abbażi tagħhom, b’mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax taċċetta l-istedina magħmula mis-CPVO li finalment titwettaq sostituzzjoni tal-motivi li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2013, North Drilling vs Il-Kunsill, T-552/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:590, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sa fejn dawn l-argumenti jirrigwardaw is-setgħa ta’ riforma tal-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu, bħala prinċipju, jiġi limitat għal sitwazzjonijiet li fihom, wara li tkun studjat ir-raġunament tal-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali tkun tista’, abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kif ikunu stabbiliti, tiddetermina d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta [ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Schräder vs CPVO – Hansson (LEMON SYMPHONY), T-133/08, T-134/08, T-177/08 u T-242/09, EU:T:2012:430, punt 250 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Issa, peress li l-Bord tal-Appell ma wettaqx evalwazzjoni fuq il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq it-test imsejjaħ “tal-iżgħar differenza sinifikanti”, u lanqas fuq ir-riżultati miksuba wara t-testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati tal-2003 u tal-2004, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex twettaq l-evalwazzjoni ta’ dawn l-argumenti fil-kuntest tas-setgħa ta’ riforma tagħha.

84      Barra minn hekk, fir-rigward tal-karatteristika “kulur tal-petala”, għandu jiġi rrilevat li l-argument tas-CPVO jikkontradixxi l-kunsiderazzjoni li dan stess esprima qabel – kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq – skont liema l-karatteristika “kulur tal-petala” ma kienx rilevanti biex tiġi stabbilita l-kundizzjoni ta’ distinzjoni tal-varjetà kandidata. Għalhekk, dawn l-argumenti tas-CPVO għandhom f’kull każ jiġi miċħuda.

85      Fit-tieni lok, ir-rekwiżit imsemmi fil-punt 63 iktar ’il fuq lanqas ma jista’ jitqiegħed indiskussjoni mill-argument tas-CPVO li jgħid li, għal raġunijiet ta’ “koerenza”, il-punti mogħtija fir-rapporti ta’ paragun ta’ distinzjoni, f’dak li jikkonċerna l-varjetajiet ta’ referenza, għandhom jiġu riprodotti mid-deskrizzjonijiet uffiċjali tal-varjetajiet imsemmija.

86      Għalhekk, l-ewwel u t-tielet ilmenti mqajma insostenn tat-tielet aggravju huma fondati. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti Ġenerali tadotta pożizzjoni fuq l-ilmenti u l-aggravji l-oħra mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha.

 Fuq it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiż għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata

87      Fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali biex tirriforma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u biex tiddikjara nulli u mingħajr effett id-drittijiet Komunitarji għal varjetajiet tal-pjanti rreġistrati bir-referenza UE 15118.

88      Is-CPVO u l-intervenjenti jikkontestaw il-possibbiltà, għall-Qorti Ġenerali li tipproċedi, f’dan il-każ, bir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, is-CPVO jikkontesta l-kompetenza stess tal-Qorti Ġenerali biex tadotta pożizzjoni fuq it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti. Fil-fehma tiegħu, sa fejn l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ varjetà tal-pjanti skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94, tippreżenta kumplessità teknika u xjentifika li tista’ tiġġustifika limitazzjoni tal-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju, it-talba tar-rikorrenti relattiva għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

89      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kliem ċar tal-Artikolu 73(3) tar-Regolament Nru 2100/94, il-Qorti Ġenerali mhux biss għandha l-kompetenza li tannulla, iżda wkoll li tirriforma d-deċiżjoni kkontestata.

90      Fil-mertu, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ riforma rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħtiha s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell tas-CPVO u, lanqas, li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appel għadu ma ħax pożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs EUIPO, C‑226/15 P, EU:C:2016:582, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      B’hekk, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu, bħala prinċipju, jiġi limitat għal sitwazzjonijiet li fihom, wara li tkun studjat ir-raġunament tal-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali tkun tista’, abbażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kif ikunu stabbiliti, tiddetermina d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, LEMON SYMPHONY, T-133/08, T‑134/08, T-177/08 u T-242/09, EU:T:2012:430, punt 250 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell illimita ruħu biex jadotta pożizzjoni fuq il-kwistjoni jekk testijiet ta’ paragun fuq pjanti kultivati kinux seħħew fl-2003 u fl-2004. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma eżaminax l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-karattru distint tal-varjetà M 02205 kien ġie stabbilit abbażi ta’ informazzjoni dwar il-varjetà ta’ referenza KW 043 li tirriżulta mid-deskrizzjoni uffiċjali tagħha u mhux abbażi tar-riżultati miksuba wara testijiet ta’ paragun fuq pjani kultivati mwettqa fl-2003 u fl-2004.

93      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma tistax hija nnifisha twettaq tali evalwazzjoni. Konsegwentement, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Bord tal-Appell, biex dan tal-aħħar ikun jista’ jiddeċiedi, fid-dawl tal-motivi msemmija iktar ’il fuq, dwar ir-rikors tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tas-CPVO li tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu. B’hekk, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiż għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

94      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Annessi 15 sa 18, ippreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-replika, u fuq il-provi addizzjonali ppreżentati mir-rikorrenti waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

96      F’dan il-każ, is-CPVO u l-intervenjenti l-parti l-kbira tat-talbiet. Peress li r-rikorrenti talbet biss għall-kundanna tas-CPVO għall-ispejjeż, hemm lok, minn naħa, li dan tal-aħħar jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk esposti mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li jiġi deċiż li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO) tas-26 ta’ Novembru 2014 (Każ A 010/2013) hija annullata.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Is-CPVO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Aurora Srl.

4)      SESVanderhave NV għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Dittrich

Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2017.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.