Language of document : ECLI:EU:F:2014:190

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Lulju 2014

Kawża F‑160/12

Bernat Montagut Viladot

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/206/11 (AD 5) — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-kandidati — Rikonoxximent tad-diplomi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu B. Montagut Viladot jikkontesta r-rifjut tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/206/11 (AD 5) li jinkludi ismu fil-lista ta’ riżerva għal din il-kompetizzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tħallas l-ispejjeż ta’ B. Montagut Viladot.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Rekwiżit ta’ kwalifiki universitarji — Kunċett ta’ kwalifika universitarja — Evalwazzjoni fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ żvolġiment tal-istudji

2.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Garanziji minn Bord tal-Għażla li ma humiex konformi mar-regoli applikabbli — Sitwazzjoni eżenti mill-aspettattiva leġittima tal-possibbiltà ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva

1.      Fl-assenza ta’ xi dispożizzjoni kuntrarja kemm f’regolament jew f’direttiva applikabbli għall-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, kemm fl-avviż tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit ta’ pussess ta’ diploma universitarja li għalih huwa suġġett l-aċċess għal kompetizzjoni ġenerali għandu neċessarjament jinftiehem fis-sens li tagħti lil din l-espressjoni l-leġiżlazzjoni stess tal-Istat Membru fejn il-kandidat għamel l istudji tiegħu, u li għalih huwa jirreferi. Id-diploma universitarja meħtieġ għall-aċċess għal kompetizzjoni ġenerali għandu jibbenefika minn għarfien sħiħ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-ħruġ.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Jaenicke Cendoya vs Il‑Kummissjoni, 108/88, EU:C:1989:325, punt 17

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Alonso Morales vs Il‑Kummissjoni, T‑299/97, EU:T:1999:314, punt 60

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Zangerl‑Posselt vs Il‑Kummissjoni, F‑83/07, EU:F:2009:158, punt 51

2.      Id-dritt li wieħed jitlob il-ħarsien tal-aspettattivi leġittimi jippresupponi l-konkorrenza ta’ tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli.

Ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tagħti lok għal aspettattiva leġittima min-naħa ta’ kandidat, nota minn Bord tal-Għażla bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet li tiggarantixxi lill-kandidat li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni fejn tali garanziji ma humiex konformi mar-regoli applikabbli, peress li d-diploma tal-persuna kkonċernata ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-avviż.

(ara l-punti 47 u 49)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Neirinck vs Il‑Kummissjoni, F‑84/05, EU:F:2007:33, punt 79