Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Marzu 2010 - M vs EMEA

(Kawża T-136/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: M (rappreżentanti: C. Thomann, barrister u I. Khawaja, solicitor)

Konvenut: Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA)

Talbiet tar-rikorrent

tħallas, skont l-Artikolu 340 TFUE, kumpens għad-dannu subit minħabba ksur, li għandu jiġi kkalkolat, jew tħallas somom oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

tħallas interessi fuq is-somom dovuti abbażi ta' rata ekwivalenti għal dik applikata skont l-Artikolu 35A tas-Supreme Court Act 1981 jew kull somma oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

tikkundanna lill-EMEA għall-spejjeż; u

tordna, barra minn hekk, miżuri addizzjonali li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti jitlob lill-Qorti Ġenerali li tordna l-ħlas ta' kumpens għad-danni skont l-Artikolu 340 TFUE għad-dannu subit minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol. Huwa jsostni li sofra dannu minħabba li l-konvenuta kisret l-obbligi li hija għandha fir-rigward tiegħu bħala impjegat.

Ir-rikorrent jinvoka, b'mod partikolari, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 89/391/KE 1, l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/654/KE 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/655/KE 3 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol.

In-nuqqas min-naħa tal-konvenuta li tissodisfa l-obbligi tagħha fil-qasam ta' sigurtà u ta' saħħa fir-rigward tal-evalwazzjoni u tat-tnaqqis ta' riskju, tas-suffiċjenza tat-tagħmir ipprovdut u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' superfiċji ħielsa fuq il-post tax-xogħol kiser l-obbligi tal-konvenuta taħt il-Health and Safety Law tar-Renju Unit, u d-dmir ta' diliġenza tagħha. Ir-rikorrent isostni li sofra dannu ta' natura fiżika, dannu finanzjarju u dannu morali minħabba l-ksur deskritt iktar 'il fuq u huwa jsostni li fid-dawl ta' dan għandu dritt għal kumpens għal dannu.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta' Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).

2 - Direttiva tal-Kunsill 89/654/KEE, tat-30 ta' Novembru 1989, dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol (l-ewwel direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1. p. 358).

3 - Direttiva tal-Kunsill 89/655/KE, tat-30 ta' Novembru 1989, li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 370).