Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Awwissu 2010 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Tornasol Films, SA

(Kawża T-338/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A.-M. Rouchaud-Joët, aġent, assistit minn R. Alonso Pérez-Villanueva, avukat)

Konvenuta: Tornasol Films SA

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 19 554 miżjuda bl-interessi moratorji kkalkolati bir-rata ta' 5 % fis-sena sa mill-14 ta' April 2009,

tikkundanna lil Tornasol Films SA għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors għandu bħala suġġett l-allegat nuqqas ta' osservanza tal-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u l-konvenuta fil-kuntest tal-programm MEDIA Plus.

Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kuntratt jistipulaw li l-benefiċjarju għandu jiddepożita l-ekwivalenti tal-ammont li rċieva bħala għajnuna fuq kont speċifiku f'terminu ta' tletin ġurnata li jibda jiddekorri mill-ġurnata meta tibda l-produzzjoni, u għandu jissottometti lill-Kummissjoni proġett għal investiment mill-ġdid tal-imsemmi ammont f'terminu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mill-istess ġurnata.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:

il-konvenuta ma rrispettatx l-obbligi kuntrattwali tagħha, minkejja li ma invokat l-ebda argument u lanqas ma ressqet oġġezzjoni għan-nota ta' debitu tal-Kummissjoni;

fl-ipoteżi fejn il-benefiċjarju jonqos mill-obbligi kuntrattwali tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jippermettu lill-Kummissjoni li ttemm il-kuntratt u li titlob il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa bħala għajnuna finanzjarja;

minkejja l-ittri sabiex ifakkruha u l-ittri ta' intimazzjoni, il-konvenuta baqgħet ma ħallsitx lura l-fondi mħallsa.

____________