Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ġunju 2011 - Heitkamp BauHolding vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-287/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Heitkamp BauHolding GmbH (Herne, il-Ġermanja) (rappreżentant: W. Niemann, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tas-26 ta' Jannar 2001, fil-verżjoni emendata tal-15 ta' April 2011, fil-Każ C 72010 (li skont l-informazzjoni li għandha r-rikorrenti, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti insostenn tar-rikors tagħha.

Ir-rikorrenti ssostni li l-klawżola dwar it-trasferiment ta' telf (is-"Sanierungsklausel") ipprovduta fl-Artikolu 8c(1a) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftssteuergesetz, iktar 'il quddiem il-"KStG") ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Skont ir-rikorrenti, il-konvenuta wettqet żball meta kklassifikat taħt is-sistema ta' riferiment "id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta' telf fil-kumpanniji li l-ishma tagħhom huma s-suġġett ta' akkwist". A contrario, ir-rikorrenti tikkunsidra li t-trasferiment ta' telf għal żmien indeterminat huwa, fir-realtà, sistema ta' riferiment, peress li tali trasferiment jista' japplika wkoll għat-taxxi fuq il-kumpanniji bħala korollarju tal-prinċipju oġġettiv tan-nett.

Ir-rikorrenti ssostni li, konsegwentement, il-kanċellament tat-trasferiment ta' telf, previst fl-Artikolu 8(c) tal-KStG għandu jiġi kklassifikat bħala eċċezzjoni, filwaqt li s-Sanierungsklausel fl-Artikolu 8c(1a), bħala eċċezzjoni għal dan il-kanċellament, sempliċement tistabbilixxi mill-ġdid ir-regola ġenerali, peress li din tippermetti li l-prinċipju ta' proporzjonalità tal-kapaċità kontributorja għal finanzjament ta' piżijiet pubbliċi (Leistungsfähigkeitsprinzip) japplika wkoll fil-każ ta' trasferiment.

Minkejja li l-konvenuta tindika li "l-KStG, fil-verżjoni fis-seħħ tagħha, tikkostitwixxi sistema ta' riferiment", hija tinjora l-fatt li, skont ir-rikorrenti, is-sitwazzjoni ġuridika nbidlet fil-Ġermanja wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel" ("Wachstumsbeschleunigungsgesetz"). Ir-rikorrenti ssostni li, sa mill-introduzzjoni tad-dispożizzjoni dwar ir-riżervi sigrieti ("Stille-Reserve-Klausel") fl-Artikolu 8(c) tal-KStG, it-telf jista', fl-impriżi sani, ikompli jitnaqqas u jiġi ttrasferit meta l-bidla tal-ishma hija limitata għal ammont iżgħar, jew daqs, ir-riżervi sigrieti. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, minn din il-perspettiva, id-dispożizzjoni dwar ir-riżervi sigrieti ta' impriżi sani tista' titqies bħala l-korrispettiv tas-Sanierungsklausel tal-impriżi fi kriżi, li fin-nuqqas tiegħu l-impriżi li jeħtieġu trasferiment tat-telf ikunu żvantaġġati fuq livell strutturali.

B'mod kuntrarju għal ilment ippreżentat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tqis li s-Sanierungsklausel, bl-inugwaljanza li hija timplika bejn l-impriżi ekonomikament sani u dawk li jeħtieġu trasferiment ta' telf, ma hijiex miżura selettiva, iżda għal kuntrarju tikkonkretizza l-prinċipju ta' proporzjonalità tal-kapaċità kontributorja għal finanzjament ta' piżijiet pubbliċi, li minn dejjem ġie rikonoxxut mill-kostituzzjoni Ġermaniża ("Grundgesetz"). Skont ir-rikorrenti, tali inugwaljanza tikkonċerna l-loġika interna tas-sistema ta' riferiment. Ir-rikorrenti tqis li, fuq dan il-punt, is-Sanierungsklausel hija konformi mal-prinċipji bażiċi u mal-prinċipji gwida tas-sistema fiskali Ġermaniża.

Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-Sanierungsklausel, l-inklużjoni ta' tali klawżola fl-Artikolu 8(c) tal-KStG hija fi kwalunkwe każ miżura "ġġustifikata min-natura u mill-istruttura interna tas-sistema fiskali, u li barra minn hekk tagħti, parzjalment, validità lil tali struttura interna".

____________