Language of document : ECLI:EU:C:2021:64

Kawża C-16/19

VL

vs

Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas26 ta’ Jannar 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b) – ‘Kunċett ta’ diskriminazzjoni’ – Diskriminazzjoni diretta – Diskriminazzjoni indiretta – Diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Differenza fit-trattament fi ħdan grupp ta’ ħaddiema b’diżabbiltà – Għoti ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew, wara data magħżula mill-persuna li timpjega, ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà – Esklużjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew id-dikjarazzjoni tagħhom qabel din id-data”

1.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kunċett ta’ diskriminazzjoni – Differenza fit-trattament li sseħħ fi ħdan grupp ta’ persuni li għandhom diżabbiltà – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1, 2 u 3(4))

(ara l-punti 29-31, 34-36)

2.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fil-ħlas ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom wara data magħżula minnha – Esklużjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew tali ċertifikat qabel l-imsemmija data – Eżistenza ta’ possibbiltà ta’ diskriminazzjoni diretta – Kriterju ta’ evalwazzjoni – Prattika kkonċernata bbażata fuq kriterju indisoċjabbilment marbut mad-diżabbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2)

(ara l-punti 41-44, 48-54, 60, u d-dispożittiv)

3.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fil-ħlas ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom wara data magħżula minnha – Esklużjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew tali ċertifikat qabel l-imsemmija data – Eżistenza ta’ possibbiltà ta’ diskriminazzjoni indiretta – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Prattika kkonċernata li twassal għal żvantaġġ partikolari għal ċerti ħaddiema b’diżabbiltà skont in-natura tad-diżabbiltà tagħhom – Prattika mhux iġġustifikata minn għan leġittimu u sproporzjonat

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2)

(ara l-punti 56-60 u d-dispożittiv)

Sunt

Il-prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fil-ħlas ta’ suppliment tas-salarju esklużivament lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà wara data li hija stess tkun għażlet tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà

VL ġiet impjegata minn sptar fi Kraków (il-Polonja) minn Ottubru 2011 sa Settembru 2016. F’Diċembru 2011 hija kisbet ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, li hija bagħtet lill-persuna li timpjegaha fl-istess xahar. Sabiex inaqqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-isptar lill-Fond Nazzjonali għar-Riabilitazzjoni tal-Persuni b’Diżabbiltà, id-direttur ta’ dan l-istabbiliment iddeċieda, wara laqgħa mal-persunal li seħħet fit-tieni semestru tas-sena 2013, li jagħti suppliment tas-salarju ta’ kull xahar lill-impjegati li jissottomettulu, wara din il-laqgħa, ċertifikat ta’ rikonoxximent tad-diżabbiltà tagħhom. Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, is-suppliment tas-salarju ngħata lil tlettax‑il ħaddiem li ssottomettew ċ-ċertifikat tagħhom wara din il-laqgħa, filwaqt li sittax‑il ħaddiem ieħor, fosthom VL, li kienu bagħtuh preċedentement, ma bbenefikawx minnu.

Peress li r-rikors ippreżentat kontra l-persuna li timpjegaha ġie miċħud fl-ewwel istanza, VL ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja). Fil-fehma tagħha, il-prattika tal-persuna li timpjegaha, li kellha l-effett li teskludi ċerti ħaddiema b’diżabbiltà mill-benefiċċju ta’ suppliment tas-salarju mogħti lill-ħaddiema b’diżabbiltà u li kienet intiża esklużivament sabiex tnaqqas il-kontribuzzjonijiet tal-isptar, billi tinkoraġġixxi lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu għadhom ma bagħtux ċertifikat ta’ diżabbiltà biex jagħmlu dan, tmur kontra l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, stabbilita mid-Direttiva 2000/788 (1).

F’dan il-kuntest, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk diskriminazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tistax isseħħ meta ssir distinzjoni minn persuna li timpjega anki fi ħdan grupp ta’ ħaddiema li għandhom l-istess karatteristika protetta, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tixtieq tkun taf jekk il-prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fl-esklużjoni, minn data magħżula minnha, mill-benefiċċju ta’ suppliment ta’ salarju mħallas lill-ħaddiema b’diżabbiltà b’korrispettiv għas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, tal-persuni li diġà jkunu ssottomettew tali ċertifikat qabel l-imsemmija data tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar’ il fuq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kompożizzjoni ta’ Awla Manja, teżamina, inizjalment, jekk differenza fit-trattament li tirriżulta fi ħdan grupp ta’ persuni li għandhom diżabbiltà tistax taqa’ taħt il-“kunċett ta’ diskriminazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jippermettix li jiġi konkluż li, fir-rigward ta’ din ir-raġuni protetta, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista minn din id-direttiva hija limitata biss għad-differenzi fit-trattament li jeżistu bejn il-persuni li għandhom diżabbiltà u l-persuni li ma għandhomx. Il-kuntest li fih jinsab dan l-artikolu lanqas ma jinkludi tali limitazzjoni. Fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva, dan jimmilita favur interpretazzjoni fis-sens li l-imsemmija direttiva ma tillimitax iċ-ċirku ta’ persuni li fir-rigward tagħhom jista’ jsir paragun, bil-għan li tiġi identifikata diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, għal dawk li ma għandhomx diżabbiltà. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata wkoll li, għalkemm huwa minnu li l-ipoteżijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà fis-sens tal-istess direttiva huma, bħala regola ġenerali, dawk li fihom persuni b’diżabbiltà huma suġġetti għal trattament inqas favorevoli minn persuni li ma għandhomx diżabbiltà, il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva titnaqqas jekk sitwazzjoni li fiha tali diskriminazzjoni sseħħ fi ħdan grupp ta’ persuni li kollha għandhom diżabbiltà taħrab, mid-definizzjoni tagħha stess, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni ddikjarata minnha. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-Direttiva 2000/78 huwa intiż li jipproteġi ħaddiem li għandu diżabbiltà kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuqu mhux biss meta mqabbel mal-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà iżda wkoll meta mqabbel ma’ ħaddiema oħra li għandhom diżabbiltà.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement tevalwa jekk il-prattika kontenzjuża tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà pprojbita mid-Direttiva 2000/78. Fl-ewwel lok dwar dan il-punt hija tindika li meta persuna li timpjega tittratta lil ħaddiem b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor minn tagħha f’sitwazzjoni paragunabbli u meta jirriżulta, if-rigward taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, li dan it-trattament sfavorevoli jsur fuq il-bażi tad-diżabbiltà ta’ dan l-ewwel ħaddiem, sa fejn ikun jistrieħ fuq kriterju indissoċjabbilment marbut ma’ din id-diżabbiltà, tali trattament ikun kuntrarju għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ddikjarata fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Ladarba l-prattika kontenzjuża ħolqot differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjoni ratione temporis imposta mill-persuna li timpjega sabiex wieħed jibbenefika mis-suppliment tas-salarju inkwistjoni, jiġifieri s-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà wara d-data magħżula minn din tal-aħħar, tikkostitwixxix kriterju indissoċjabbilment marbut mad-diżabbiltà tal-ħaddiema li lilhom dan is-supplimet ġie rrifjutat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, il-persuna li timpjega ma tidhirx li ppermettiet lill-ħaddiema b’diżabbiltà li diġà ssottomettew iċ-ċertifikat tagħhom qabel din id-data li jissottomettuha mill-ġdid jew li jissottomettu waħda ġdida, b’tali mod li din il-prattika setgħet definittivament qiegħdet lil grupp kjarament identifikat ta’ ħaddiema, kompost mill-ħaddiema kollha li għandhom diżabbiltà li dwarhom il-persuna li timpjegahom neċessarjament kienet taf l-istat ta’ diżabbiltà meta ġiet introdotta din il-prattika, fl-impossibbiltà li jissodisfa din il-kundizzjoni ratione temporis. Fil-fatt, dawn tal-aħħar kienu uffiċjalizzaw dan l-istat minn qabel permezz tas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà. Għaldaqstant, tali prattika tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta meta tkun ta’ natura li tqiegħed definittivament fl-impossibbiltà li tissodisfa l-imsemmija kundizzjoni ratione temporis lil grupp kjarament identifikat ta’ ħaddiema, kompost mill-ħaddiema kollha li għandhom diżabbiltà li dwarhom il-persuna li timpjegahom kienet taf neċessarjament l-istat ta’ diżabbiltà meta ġiet introdotta din il-prattika.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha, għall-kuntrarju, tikkonstata li d-differenza fit-trattament inkwistjoni tirriżulta minn prattika apparentement newtrali, hija jkollha, sabiex tiddetermina jekk din il-prattika tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, tivverifika jekk din kellhiex l-effett li tqiegħed partikolarment fi żvantaġġ lil persuni li għandhom ċertu diżabbiltajiet meta mqabbla ma’ persuni li għandhom diżabbiltajiet oħra u, b’mod partikolari li tqiegħed fi żvantaġġ lil ċerti ħaddiema b’diżabbiltà minħabba n-natura partikolari tad-diżabbiltà tagħhom, b’mod speċifiku minħabba n-natura evidenti tagħha jew minħabba l-fatt li din id-diżabbiltà kienet teħtieġ arranġamenti raġonevoli. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jiġi kkunsidrat li huma prinċipalment ħaddiema li għandhom tali diżabbiltà li sabu ruħhom fl-obbligu, qabel id-data magħżula mill-isptar inkwistjoni, li juffiċjalizzaw l-istat ta’ saħħa tagħhom miegħu, permezz tas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, filwaqt li ħaddiema oħra li għandhom diżabbiltajiet ta’ natura differenti, pereżempju minħabba l-fatt li huma inqas onerużi jew ma jirrikjedux immedjatament tali arranġamenti kellhom għażla jekk jagħmlux dan jew le. Għaldaqstant, prattika bħal dik inkwistjoni, għalkemm apparentement newtrali, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indirettament ibbażata fuq id-diżabbiltà meta twassal għal żvantaġġ partikolari għal ħaddiema b’diżabbiltà skont in-natura tad-diżabbiltà tagħhom, mingħajr ma tkun oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u mingħajr ma l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


1      Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).