Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Jannar 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Okręgowy w Krakowie - il-Polonja) – VL vs Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie

(Kawża KawżaC-16/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b) – ‘Kunċett ta’ diskriminazzjoni’ – Diskriminazzjoni diretta – Diskriminazzjoni indiretta – Diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Differenza fit-trattament fi ħdan grupp ta’ ħaddiema b’diżabbiltà – Għoti ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew, wara data magħżula mill-persuna li timpjega, ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà – Esklużjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew id-dikjarazzjoni tagħhom qabel din id-data)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Krakowie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VL

Konvenuta: Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie

Dispożittiv

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li:

il-prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fil-ħlas ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom wara data magħżula minn din il-persuna li timpjega, u mhux lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew dan iċ-ċertifikat qabel din id-data, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta meta jirriżulta li din il-prattika hija bbażata fuq kriterju indissoċjabbilment marbut mad-diżabbiltà, sa fejn hija ta’ natura li tqiegħed definittivament lil grupp kjarament identifikat ta’ ħaddiema, kompost mill-ħaddiema kollha li għandhom diżabbiltà li dwarhom il-persuna li timpjegahom neċessarjament kienet taf l-istat ta’ diżabbiltà meta ġiet introdotta din il-prattika, fl-impossibbiltà li jissodisfa din il-kundizzjoni ratione temporis;

l-imsemmija prattika, għalkemm apparentement newtrali, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indirettament ibbażata fuq id-diżabbiltà meta jirriżulta li din twassal għal żvantaġġ partikolari għal ħaddiema b’diżabbiltà skont in-natura tad-diżabbiltà tagħhom, b’mod partikolari minħabba n-natura evidenti tagħha jew minħabba l-fatt li din id-diżabbiltà teħtieġ arranġamenti raġonevoli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, mingħajr ma tkun oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u mingħajr ma l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

____________

1     ĠU C 164, 13.5.2019