Language of document :

Appell ippreżentat minn Giuseppe Tiralongo fil-15 ta' Mejju 2008 mid-digriet mogħti fis-6 ta' Marzu 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-55/07, Tiralongo vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-180/08 P)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellant: Giuseppe Tiralongo (Ladispoli, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone, R. Sciaudone u S. Frazzani, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellant

tannulla d-digriet appellat tas-6 ta' Marzu 2008, fil-kawża F-55/07, u tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tipprovdilu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri u ta' dawk tal-kawża F-55/07.

Aggravji u argumenti prinċipali

In sostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni:

-    l-applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar l-awtonomija tar-rimedji legali. B'mod partikolari, l-ewwel qorti żbaljat meta applikat il-prinċipji tal-ġurisprudenza li jirreferu għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn atti illegali, għal kawża li fiha, għall-kuntrarju, id-dannu kien ikkawżat minn aġir illegali.

-    in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-digriet appellat fejn jafferma espliċitament li t-tliet aspetti ta' illegalità kkontestati mill-appellant fir-rigward ta' l-aġir tal-Kummissjoni, fir-realtà, jirrigwardaw l-illegalità ta' xi atti;

-    l-interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar l-awtonomija tar-rimedji legali. B'mod partikolari, l-ewwel qorti żbaljat meta qieset li l-prinċipju ta' l-awtonomija tar-rimedji legali ma setax jispjega l-effetti tiegħu f'din il-kawża;

-    in-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu morali. Quddiem id-diversi argumenti li tressqu flimkien mill-appellant sabiex tintwera r-rabta bejn id-dannu morali u l-aġir tal-Kummissjoni, l-ebda silta mid-digriet li tagħti x'tifhem ir-raġunijiet li abbażi tagħhom dawn l-argumenti ġew miċħuda.

____________