Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Mejju 2008 - Il-Kummissjoni vs Atlantic Energy

(Kawża T-182/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A.-M. Rouchaud-Joët, S. Lejeune, aġenti, u M. Jarvis, Barrister)

Konvenuta: Atlantic Energy Ltd (Truro, ir-Renju Unit)

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-konvenuta tħallas lill-Kummissjoni l-ammont ta' EUR 383 081.19 kompost mill-ammont prinċipali ta' EUR 226 010.00 flimkien ma' EUR 76 233.61 bħala imgħax minħabba ħlas tardiv ikkalkulat fuq ir-rata tal-BĊE ta' +2% fuq l-ammont prinċipali għall-perijodu bejn l-1 ta' Ġunju 1996 u t-28 ta' Frar 2002 u EUR 84 448.11 bħala imgħax minħabba ħlas tardiv ikkalkulat fuq l-ammont prinċipali flimkien ma' l-imgħax sat-28 ta' Frar 2002 fuq ir-rata tal-BĊE ta' +1.5 % għall-perijodu bejn is-16 ta' Lulju 2002 u l-31 ta' Mejju 2008 li minnu għandu jiġi imputat l-ammont ta' EUR 3 610.53;

tordna lill-konvenuta tħallas EUR 39.33 kuljum bħala imgħax mill-1 ta' Mejju 2008 sad-data li fiha d-dejn jitħallas kollu kemm hu; u

tikkundanna lil-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fid-29 ta' Marzu 1996 il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, daħlet f'kuntratt BU 183/95 UK/AT ma' Sidney C. Banks Plc u Jenbacher Energiesysteme AG għall-implementazzjoni tal-proġett "Advanced automated gasifier with CHP using waste wood as fuel" bħala parti mill-attivitajiet tal-Komunità fis-settur ta' l-enerġija mhux nukleari 1. Skond id-dispożizzjoni fil-kuntratt, il-Kummissjoni għamlet ħlas bil-quddiem tal-kontribuzzjoni tagħha għall-proġett lill-koordinatriċi indikata fil-kuntratt, Sidney C. Banks Plc.

Permezz ta' faks tal-25 ta' Settembru 1996, Sidney C. Banks Plc informat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet li ma tkomplix tagħmel parti mill-proġett. Fis-17 ta' April 1998 il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, daħlet fl-Addendum Nru 1 għall-kuntratt li bih Altantic Energy Ltd issostitwiet lil Sidney C. Banks Plc bħala parti għal, u koordinatriċi taħt il-kuntratt.

Skond il-klawżola 2 ta' l-Addendum, Sidney C. Banks Plc ittrasferiet bil-quddiem il-ħlas li rċeviet mill-Kummissjoni (flimkien ma' l-imgħax) lil Atlantic Energy Ltd f'April ta' l-1998.

Il-Kummissjoni titlob li Atlantic Energy Ltd tiġi ordnata tħallas lura l-ħlas bil-quddiem flimkien ma' l-imgħax abbażi ta' l-argument li l-proġett effettivament qatt ma nbeda jew, anki jekk inbeda, ġie tterminat mill-Kummissjoni.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 94/806/KE tat-23 ta' Novembru 1994 li tadotta programm speċifiku għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inkluża d-dimostrazzjoni, fil-qasam ta' l-enerġija mhux nukleari (1994-1998) ĠU L 334, 22.12.1994, p. 87