Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Latvja) fil-15 ta’ Novembru 2023 – SIA Latvijas Sabiedriskais Autobuss vs Iepirkumu uzraudzības birojs, VSIA Autotransporta direkcija

(Kawża C-684/23, Latvijas Sabiedriskais Autobuss)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā rajona tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SIA Latvijas Sabiedriskais Autobuss

Konvenuti: Iepirkumu uzraudzības birojs, VSIA Autotransporta direkcija

Domandi preliminari

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti li jirreferi għaliha l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2(ċ) ta’ dan l-artikolu għall-parteċipazzjoni ta’ operatur intern fl-imsemmija proċedura ta’ sejħa għal offerti?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti, meta tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ kuntratt, hija obbligata tivverifika li huma sodisfatti r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni fil-mument li ssir l-offerta, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi li seħħew wara li saret l-offerta li jista’ jkollhom effett fuq il-kompetizzjoni leali bejn l-offerenti?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proroga tat-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizzi konkluż preċedentement jikkostitwixxi kuntratt ieħor għal servizzi pubbliċi mogħti direttament fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni?

____________

1 ĠU 2007, L 315, p. 1.