Language of document : ECLI:EU:F:2010:79

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

8 ta’ Lulju 2010

Kawża F-67/06

Christophe Lesniak

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Membri tal-persunal temporanju maħtura uffiċjali — Kandidati inklużi fuq lista ta’ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad fil-mument tar-reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad skont ir-regoli l-ġodda inqas favorevoli — Artikolu 5(4) u Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu, C. Lesniak jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Awwissu 2005, li taħtru amministratur bi prova, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifikah fil-grad A*6, skala 2.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1); Anness XIII, Artikoli 5(2) u (4), 12(3) u 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 5(4); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      L-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda lill-membri tal-persunal temporanju inklużi “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra” kif ukoll lil dawk “fuq il-lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Għalkemm kompetizzjoni għat-“trasferiment minn kategorija għal oħra” hija wkoll, min-natura tagħha, kompetizzjoni interna, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod li din tingħata effett utli, billi tiġi evitata, sa fejn huwa possibbli, kull interpretazzjoni li twassal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni hija superfluwa. Jidher li b’“kompetizzjoni interna”, il-leġiżlatur ried jirreferi għall-kompetizzjonijiet għall-ħatra ta’ uffiċjali, li l-għan tagħhom huwa li jippermettu, bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw l-aċċess għas-servizz pubbliku Ewropew, il-ħatra, bħala uffiċjali, ta’ membri tal-persunal li diġà għandhom ċertu esperjenza tal-istituzzjoni u li wrew il-kapaċità tagħhom sabiex jimlew il-pożizzjonijiet vakanti. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi biss għall-uffiċjali inklużi “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, mingħajr ma jsemmi lill-uffiċjali “fuq il-lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Tali riferiment ma kienx ikun iġġustifikat peress li ma hemmx lok għal ħatra ta’ membri tal-persunal li huma diġà uffiċjali.

Sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ li jkun hemm it-trasferiment minn “kategorija ta’ qabel” għall-“kategorija l-ġdida”, b’riżultat jew ta’ kompetizzjoni li twassal għall-istabbiliment ta’ “lista ta’ kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, jew ta’ kompetizzjoni interna għall-ħatra ta’ uffiċjali, li kellha l-effett li twassal għal tali trasferimenti minn kategorija għal oħra. B’hekk, il-leġiżlatur tbiegħed, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fil-qasam kemm ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji kif ukoll ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni, mir-regola ġenerali dwar il-klassifikazzjoni bħala uffiċjali rreklutati mill-ġdid, stabbilita fl-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ikkompletata mill-Artikolu 12(3) jew mill-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-persuni li għaddew inklużi fil-lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati, rispettivament, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, u wara l-1 ta’ Mejju 2006, billi rriżerva l-benefiċċju tal-klassifikazzjoni fi grad differenti minn dak indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni għall-membri tal-persunal irreklutati bħala uffiċjali bi prova li kellhom diġà esperjenza tal-istituzzjoni u li kienu wrew, permezz tal-kompetizzjoni imsemmija iktar ’il fuq, il-kapaċità tagħhom li jokkupaw impjiegi f’kategorija ogħla.

(ara l-punti 50, 51, 54 u 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn‑Bergé vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑135, punti 45 u 46; 12 ta’ Novembru 1998, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑294/97, ĠabraSP p. I‑A‑601 u II‑1819, punt 51

2.      Ma hemm ebda raġuni għalfejn jitqies, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża f’dan is-sens, li l-leġiżlatur ried jestendi l-benefiċċju tas-sistema taħt l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-persuni li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali, li hija indirizzata lill-kandidati esterni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal, li wkoll jistgħu jiġu awtorizzati jippreżentaw ruħhom għal tali kompetizzjoni. Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal intiża sabiex tinkludi wkoll il-persuni li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali lanqas ma hija meħtieġa sabiex tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal temporanju li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali jew interna. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-membri tal-persunal temporanju li għaddew minn kompetizzjoni organizzata bil-għan li jimtlew impjiegi fil-kategorija li huma diġà jinsabu fiha ma humiex fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-persuni li għaddew minn kompetizzjoni intiża sabiex tippermetti t-trasferiment lejn kategorija ogħla u għalhekk avvanz deċiżiv fil-karriera tagħhom. Il-fatt li l-leġiżlatur ried jiggarantixxi, bl-adozzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li dawn il-membri tal-persunal temporanju jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu maħtura bħala uffiċjali bi prova, fil-grad li kellhom fil-kategorija ta’ qabel, ma għandux ir-riżultat li jwettaq distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata, fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlatur, meta mqabbla mal-membri tal-persunal temporanju rreklutati bħala uffiċjali, b’riżultat ta’ kompetizzjoni ġenerali, fil-kategorija li kienu jinsabu fiha.

Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija tali li tikser l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni li għaddew mill-istess kompetizzjoni, li, skont il-ġurisprudenza, jinsabu f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt komparabbli u li, fin-nuqqas ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw distinzjoni, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess trattament, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni. Madankollu, differenza fit-trattament abbażi ta’ jekk ir-reklutaġġ seħħx qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-libertà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li f’kull mument jemenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal b’tali mod li huwa jidhirlu li huwa fl-interess tas-servizz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li huma inqas favorevoli għall-uffiċjali minn dawk ta’ qabel.

(ara l-punti 59 sa 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1974, Van Belle vs Il‑Kunsill, 176/73, Ġabra p. 1361, punt 8; 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945, punt 79; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, Monaco vs Il‑Parlament, T‑92/96, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑573, punt 55; 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 65; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punt 86