Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Settembru 2007 - Evraets vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-92/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Pascal Evraets (Lambusart, il-Belġju) (rappreżentant: N. Lhoëst, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra li tippubblika l-lista ta' uffiċċjali promossi għall-grad AST 4 skond il-proċedura ta' promozzjoni 2006, safejn il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-eliġibbiltà tar-rikorrent għall-promozzjoni għall-proċedura ta' promozzjoni 2006 u safejn l-isem tar-rikorrent ma jidhirx fil-lista ta' uffiċċjali promossi;

safejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2007 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (Regolamenti), fis-16 ta' Frar 2007;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, li kien aġent temporanju maħtur uffiċċjal tal-grad AST 3 mis-16 ta' April 2004 wara li għadda minn kompetizzjoni interna, ġie kkunsidrat bħala li mhwiex eliġibbli għall-proċedura ta' promozzjoni 2006 peress li ma weriex il-kapaċità tiegħu li jaħdem b'tielet lingwa, skond l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi, li fosthom l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti u l-illegalità ta' l-Artikolu 10(5) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta' Implementazzjoni (DGI) ta' l-Artikolu 45 tar-Regolamenti. Ir-rikorrent isostni illi, skond l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti, li jeħtieġ sentejn ta' xogħol sabiex wieħed ikun eliġibbli għall-promozzjoni, huwa seta' jiġi promoss fid-data tas-16 ta' April 2006, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit li persuna turi l-kapaċità tagħha li jaħdem b'tielet lingwa. Fil-fatt, l-Artikolu 11 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti jipprovdi li l-Artikolu 45(2) ma japplikax għall-promozzjonijiet li seħħew qabel l-1 ta' Meju 2006. Billi ħtieġet li r-rikorrent ikun kapaċi jaħdem b'tielet lingwa għaliex il-promozzjoni tiegħu, skond l-Artikolu 10(5) tad-DGI sseħħ biss fl-1 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' trattament ugwali u l-illegalità, minn naħa, ta' l-Artikolu 11 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti u, min-naħa l-oħra, tal-punt 1 ta' l-Artikolu 1 tar-regoli komuni li jistabbilixxu r-regoli dettaljati ta' implementazzjoni ta' l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti, adottati mill-Kummissjoni fid-19 ta' Lulju 2006. Ir-rikorrent isostni, b'mod partikolari, li l-uffiċċjali li ġew irreklutati bejn il-15 ta' April 2004 u t-30 ta' April 2004 ġew impjegati taħt l-istess dispożizzjonijiet tar-Regolamenti bħal dawk li ġew irreklutati qabel il-15 ta' April 2004, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti. Għaldaqstant, billi ssuġġettaw lill-uffiċċjali li bdew jaħdmu bejn il-15 ta' April u t-30 ta' April 2004 għal kundizzjonijiet ta' promozzjoni aktar stretti minn ta' dawk irreklutati qabel il-15 ta' April 2004, l-Artikolu 11 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti u l-punt ta' l-Artikolu 1 tar-regoli komuni ħolqu diskriminazzjoni. Barra minn dan, ir-rikorrent jenfasizza li, skond l-Artikolu 5(3) ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti, il-konoxxenza ta' tielet lingwa mhijiex meħtieġa għall-finijiet ta' l-ewwel promozzjoni ta' uffiċċjali li, għalkemm ġew irreklutati wara l-1 ta' Mejju 2004, qabel kienu aġenti temporanji. Għaldaqstant, huwa illegali li tiġi meħtieġa tielet lingwa fir-rigward ta' uffiċjali li, bħar-rikorrent, kienu nħatru qabel din id-data.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' tmexxija amministrattiva tajba, ta' effettività u ta' aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrent isostni, b'mod partikolari, li fl-implementazzjoni ta' l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti, il-Kummissjoni ma wrietx id-diliġenza meħtieġa u ma kinitx irrispondiet għall-aspettattivi leġittimi ta' l-uffiċċjali li xtaqu promozzjoni skond il-proċedura ta' promozzjoni 2006. B'mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet tranżitorji adegwati u milli tieħu, fi żmien xieraq, il-miżuri neċessarji sabiex ir-rikorrent ikun jista' jitgħallem tielet lingwa u b'hekk ikun eliġibbli għall-promozzjoni.

____________