Language of document :

Appell imressaq fl-14 ta' Jannar 2008 minn Marta Andreasen kontra s-sentenza mogħtija fit-8 ta' Novembru 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-40/05, Andreasen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-17/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Marta Andreasen (rappreżentant: B. Marthoz, avukat)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta' Novembru 2007 fis-sentenza F-40/05 u, tiddeċiedi fuq il-kawża, tilqa' t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, inkluża t-talba għal kumpens ;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż ;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha ;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta' Novembru 2007 fil-kawża F-40/05, tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tirriżerva l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-appell tagħha, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li bih ċaħdet ir-rikors li għandu bħala suġġett, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta' Ottubru 2004 li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet kontra l-miżura dixxiplinarja tar-revoka mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għal pensjoni, u min-naħa l-oħra, talba għal kumpens.

In sostenn ta' l-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

Qabel xejn, hija ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikolu 10 ta' l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, in kwantu dan ma eżaminax il-legalità u l-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza meta mqabbla ma' l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti marbuta man-natura tal-funzjonijiet li hija kienet wettqet.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipji tal-legalità ta' l-atti Komunitarji, ta' l-applikazzjoni temporali ta' l-atti Komunitarji u taċ-ċertezza legali in kwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliu ma mmotivax is-sentenza tiegħu fir-rigward tal-punti relattivi għall-applikazzjoni, f'dan il-każ, tar-regoli li jinsabu kemm fir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma kif ukoll dawk ġodda.

Barra minn hekk, l-appellanti tallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biddel l-elementi tal-fatti li ġew sottomessi għall-evalwazzjoni.

Hija tinvoka wkoll żball ta' evalwazzjoni u ksur mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Artikoli 11, 12, 17 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal in kwantu dan ma mmotivax legalment is-sentenza tiegħu minkejja li approva l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet kif effettwata mid-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza.

Fl-aħħar nett, l-appellanti tallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser ukoll il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 6(1) u (13) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

____________