Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Ġunju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Galicia - Spanja) – Grupo Norte Facility SA vs Angel Manuel Moreira Gómez

(Kawża C-574/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Kumpens inqas imħallas mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’”)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Galicia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Grupo Norte Facility SA

Konvenut: Angel Manuel Moreira Gómez

Dispożittiv

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kumpens mogħti lill-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi kopert il-ħin ta’ xogħol illiberat minn ħaddiem li jirtira parzjalment, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi, huwa inqas mill-kumpens mogħti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat meta l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt minħabba raġuni oġġettiva.

____________

1     ĠU C 30, 30.1.2017.