Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Jannar 2010 - Faraj Faraj Hassan Al Saadi vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-4/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Faraj Faraj Hassan Al Saadi (Leicester, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Jones, Barrister, Mudassar Arani, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 954/2009, tat-13 ta' Ottubru 2009, sa fejn jikkonċerna r-rikorrent;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob, skont l-Artikolu 263 TFEU, l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 954/2009, tat-13 ta' Ottubru 2009 1, li jemenda għall-114-il darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 2, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban, li abbażi tiegħu r-rikorrent tqiegħed fil-lista ta' persuni u entitajiet li għandhom il-fondi u r-riżorsi finanzjarji ffriżati.

L-isem tar-rikorrent kien inizjalment miżjud fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2049/2003 tal-20 ta' Novembru 2003 3, li iktar tard ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 46/2008, tat-18 ta' Jannar 2008 4. Permezz tas-sentenza tat-3 ta' Diċembru 2009 fil-Kawżi magħquda Hassan vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-399/06 P) u Ayadi vs Il-Kunsill (C-403/06 P) 5, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea annullat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 46/2008, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat jikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, inkluż id-dritt għal smigħ u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u li ma jipprovdix rimedju għal ksur ta' dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, qed jiġi sostnut li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi evidenza li tiġġustifika l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent, u għaldaqstant ma ħallietx lir-rikorrenti jiddefendi lilu nnifsu fir-rigward ta' din l-evidenza.

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi raġunijiet konvinċenti biex l-assi jinżammu ffriżati kontra r-rikorrent, bi ksur tal-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 296 TFEU.

It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-fatti rilevanti kollha u l-evidenza fid-deċiżjoni tagħha biex iddaħħal fis-seħħ ir-regolament ikkontestat u għalhekk, żbaljat manifestament fl-evalwazzjoni tagħha. Ir-rikorrent isostni wkoll li ma ħa sehem fl-ebda forma ta' attività relatata mat-terroriżmu, u li l-ebda forma ta' sanzjoni finanzjarja jew miżura preventiva kontrieh m'hi neċessarja.

Ir-raba' nett, ir-rikorrent isostni li r-restrizzjonijiet indefiniti tad-drittijiet tar-rikorrent fuq il-proprjetà imposti mir-regolament ikkontestat jammontaw għal interferenza sproporzjonata u intollerabbli tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà tar-rikorrent, li mhijiex iġġustifikata b'evidenza ta' valur probatorju.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 954/2009, tat-13 ta' Ottubru 2009, li jemenda għall-114-il darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban (ĠU 2009 L 269, p.20)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p.294 - 307)

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2049/2003 tal-20 ta' Novembru 2003, li jemenda għal ħamsa u għoxrin darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 2, p. 219 - 220)

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 46/2008, tat-18 ta' Jannar 2008, li jemenda għad-90 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban (ĠU 2008 L 16, p.11)

5 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Diċembru 2009, Hassan vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni (C-399/06 P) u Ayadi vs Il-Kunsill (C-403/06 P), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra