Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-26 ta' April 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret - id-Danimarka) - DR, TV2 Danmark A/S vs NCB - Nordisk Copyright Bureau

(Kawża C-510/10) 

(Approssimazzjoni tal-liġijiet - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Direttiva 2001/29/KE - Artikolu 5(2)(d) - Dritt ta' komunikazzjoni ta' xogħlijiet lill-pubbliku - Eċċezzjoni għad-dritt ta' riproduzzjoni - Recordings tranżitorji ta' xogħlijiet imwettqa minn organizzazzjonijiet tax-xandir permezz tal-faċilitajiet tagħhom u għax-xandiriet tagħhom - Recording li ssir bil-faċilitajiet ta' terz - Obbligu tal-organizzazzjoni tax-xandir li tikkumpensa kull effett dannuż tal-azzjonijiet u nuqqasijiet tat-terz)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DR, TV2 Danmark A/S

Konvenuta: NCB - Nordisk Copyright Bureau.

Suġġett

Talba għal-deċiżjoni preliminari - Østre Landsret - Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) - Kundizzjonijiet sabiex persuna tibbenefika minn eċċezzjoni għad-dritt ta' riproduzzjoni - Recordings tranżitorji ta' xogħlijiet imwettqa minn organizzazzjonijiet tax-xandir permezz tal-faċilitajiet tagħhom u għax-xandiriet tagħhom - Organizzazzjoni tax-xandir li kkummissjonat ma' kumpanniji ta' produzzjoni televiżiva esterni u indipendenti recordings bl-għan li xxandarhom fil-kuntest tax-xandiriet tagħha.

Dispożittiv

L-espressjoni "permezz tal-faċilitajiet tagħhom", li tinsab fl-Artikolu 5(2)(d) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandha tirċievi interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni.

L-Artikolu 5(2)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 41 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-faċilitajiet ta' organizzazzjoni tax-xandir jinkludu l-faċilitajiet ta' kull terz li jaġixxi f'isem jew bir-responsabbiltà ta' din l-organizzazzjoni.

Sabiex jiġi stabbilit jekk recording li twettqet minn organizzazzjoni tax-xandir, għax-xandiriet tagħha, bil-faċilitajiet ta' terz, huwiex kopert bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(d) tad-Direttiva 2001/29 fir-rigward tar-recordings tranżitorji, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, din il-persuna tistax tiġi kkunsidrata bħala li aġixxiet konkretament "f'isem" l-organizzazzjoni tax-xandir jew, tal-inqas, "bir-responsabbiltà" tagħha. Fir-rigward ta' dan tal-aħħar, huwa essenzjali li, fil-konfront ta' terzi, b'mod partikolari l-awturi li jistgħu jkunu leżi minn recording irregolari tax-xogħol tagħhom, l-organizzazzjoni tax-xandir tkun obbligata li tikkumpensa kull effett dannuż tal-azzjonijiet u nuqqasijiet tat-terz, bħal kumpannija ta' produzzjoni televiżiva esterna u legalment indipendenti, marbuta mar-recording inkwistjoni, bħallikieku dawn l-azzjonijiet u nuqqasijiet kienu twettqu mill-organizzazzjoni tax-xandir stess.

____________

1 - ĠU C 346, 18.12.2010.