Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2020 – PV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-89/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: PV (rappreżentant: D. Birkenmaier, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement:

tannulla t-tieni proċedura dixxiplinari CMS 17/025 f’dawn l-aspetti kollha, id-deċiżjoni ta’ revoka adottata mill-Awtorità tal-Ħatra Tripartitika fil-21 ta’ Ottubru 2019, kif ukoll iċ-ċaħda tal-ilment R/630/19 tal-25 ta’ Marzu 2020 skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

tannulla ċ-ċaħda tat-talba għal assistenza D/456/19 tat-12 ta’ Diċembru 2019 skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll iċ-ċaħda tal-ilment R/71/20 tal-20 ta’ Mejju 2020 skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

tannulla d-deċiżjoni ta’ tnaqqis mill-paga tal-15 ta’ Settembru 2016 (Ref Ares(2016)5348994) kif ukoll iċ-ċaħda tal-ilment R/519/19 tat-22 ta’ Jannar 2020 skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-bażi tal-prinċipju ġenerali tad-dritt “fraus omnia corrompitˮ, peress li ebda terminu ta’ dekadenza ma jista’ jiġi applikat;

tannulla r-rendikont sħiħ tad-dejn falz tal-21 ta’ Settembru 2016 (Ref Ares(2016)5486800) kif ukoll iċ-ċaħda tal-ilment R/537/19 tad-29 ta’ Jannar 2020 skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, wara retiċenzi u żbalji intenzjonati, konformement mal-prinċipju ġenerali tad-dritt “fraus omnia corrompitˮ, peress li ebda terminu ta’ dekadenza ma jista’ jiġi applikat;

tagħti l-kumpensi li ġejjin abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE:

tordna l-kumpens tad-dannu morali ta’ EUR 146 000 u tad-dannu materjali ta’ EUR 359 481.29 li jirriżultaw minn dawn id-deċiżjonijiet ikkontestatai, smat għat-total ta’ EUR 505 481.29, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-ġdid u flimkien mal-interessi moratorji u kumpensatorji sal-jum tal-ħlas kollu;

u fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk tal-assistenza ġudizzjarja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka għaxar motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1, 3, 4 u 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kartaˮ) kif ukoll tal-punt 2 tal-Artikolu 1e u tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu l-fastidju morali u jistabbilixxu d-dritt għal smigħ.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Karta u tal-punt 3 tal-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju tad-dritt “non bis in idemˮ.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u tal-prinċipju ta’ legalità.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 48 tal-Karta u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-DGE 2019 għall-kawżi dixxiplinari relatati ma’ ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-mandat kriminali tal-fajl dixxiplinari CMS 17/025 minn qorti istruttorja Belġjana għal “falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċiˮ, bil-konsegwenza li l-ilmenti dixxiplinari kkontestati ma humiex iktar stabbiliti fid-dritt.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ kunsens għar-relazzjoni ta’ impjieg il-ġdida wara l-ewwel revoka mis-26 ta’ Lulju 2016 u sal-impjieg mill-ġdid mis-16 ta’ Settembru 2017, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 15 tal-Karta.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-kunflitti ta’ interess u l-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità u tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bid-dekorrenza tat-termini raġonevoli għall-proċedura dixxiplinari CMS 17/025.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt “fraus omnia corrompitˮ bl-użu ta’ firma falza fl-aħħar deċiżjoni dwar it-tnaqqis mill-paga tal-15 ta’ Settembru 2016, u dan irendi invalidu d-dejn falz ta’ EUR 58 837.20.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq abbuż mill-pożizzjoni, frodi manifesta u żbalji intenzjonati tal-PMO, fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità u ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ġenerali tad-dritt “fraus omnia corrompitˮ.

____________