Language of document :

Rikors imressaq fil-11 ta' Ġunju 2007 - Joseph vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-54/07)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Anne Joseph (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: N. Lhoëst, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-kuntratt ta' l-impjieg tar-rikorrenti, iffirmat fl-20 ta' Lulju 2006, safejn it-terminu tiegħu huwa ffissat għal ħmistax-il xahar li jibda fis-16 ta' Ottubru 2006 u jiskadi fil-15 ta' Jannar 2008;

kemm-il darba jkun hemm il-bżonn, tannulla d-deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2007, li tiċħad l-ilment li ressqet ir-rikorrenti skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fl-20 ta' Ottubru 2006;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-kuntratt ta' l-impjieg tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt skond l-Artikolu 3a tal-Kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' impjegati oħra (KII), safejn it-terminu ta' dan il-kuntratt mhuwiex iffissat għal tliet snin iżda għal ħmistax-il xahar, u dan abbażi, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2004 dwar it-terminu massimu ta' l-użu tal-persunal mhux permanenti fis-servizzi tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ta' l-Artikolu 12 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' implementazzjoni relattivi għall-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-persunal bil-kuntratt fil-Kummissjoni (DĠI).

Skond ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni tat-28 ta' April 2004, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, hija illegali, safejn din tmur kontra l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 85(1) tal-KII. F'kull każ, bis-saħħa ta' l-Artikolu 1(2) tagħha, l-imsemmija Deċiżjoni mhijiex applikabbli f'dan il-każ, peress li r-rikorrenti hija inkarigata b'xogħlijiet essenzjali.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tad-DĠI, b'mod partikolari ta' l-Artikolu 12 tagħhom, li jmorru kontra l-Artikolu 85(1) tal-KII. F'kull każ, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 12(1a) u (1b) tad-DĠE, li ma jippermettux, għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu massimu ta' impjieg ta' membru tal-persunal bil-kuntratt, li t-terminu ta' kuntratt taħt l-Artikolu 3b tal-KII jiġi akkumulat ma' dak ta' kuntratt taħt l-Artikolu 3a tal-KII.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni, ta' amministrazzjoni tajba u ta' l-interess tas-servizz.

____________