Language of document : ECLI:EU:C:2020:945

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

19 ta’ Novembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Rifjut li jitwettaq is-servizz militari – Artikolu 9(2)(e) – Dritt tal-pajjiż ta’ oriġini li ma jipprevedix id-dritt għall-oġġezzjoni ta’ kuxjenza – Protezzjoni tal-persuni li ħarbu l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom wara li skada t-terminu ta’ sospensjoni tas-servizz militari – Artikolu 9(3) – Rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva – Prova”

Fil-Kawża C‑238/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Hannover (il-Qorti Amministrattiva ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

EZ

kontra

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J.–C. Bonichot (Relatur), President tal-Ewwel Awla li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal EZ, minn S. Schröder, Rechtsanwältin,

–        għal Bundesrepublik Deutschland, minn A. Horlamus, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) u (3) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EZ, ċittadin Sirjan, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar id-deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) li jirrifjutalu l-istatus ta’ refuġjat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-konvenzjoni ta’ Genève

3        Skont l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”):

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‛refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna:

[…]

(2)      […] minħabba f’biża’ msejsa fuq ir-realtà li jista’ jiġi ppersegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid, jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollu nazzjonalità u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih

[…]”

 Id-Direttiva 2011/95

4        Il-premessi 2, 4, 12, 24 u 29 tad-Direttiva 2011/95 jiddikjaraw:

“(2)      Politika komuni fuq l-ażil, inkluża Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil, hija parti fundamentali mill-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi progressivament żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li tkun miftuħa għal dawk li, mġegħlin miċ-ċirkustanzi, ifittxu leġittimament protezzjoni fl-Unjoni.

[…]

(4) Il-Konvenzjoni ta’ [Genève] [tipprovdi] l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[…]

(12)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(24)      Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

[…]

(29)      Waħda mill-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikkwalifika għal status ta’ refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1, Taqsima A, tal-Konvenzjoni ta’ [Genève] hi l-eżistenza ta’ konnessjoni każwali bejn raġunijiet ta’ persekuzzjoni, jiġifieri razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari, u l-atti ta’ persekuzzjoni jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti.”

5        Skont l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, għal finijiet tagħha “‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […]”.

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

(a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

(b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(d)      jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

(e)      jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

4.      Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.

5.      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)      l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)      id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

(d)      l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)      il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

7        L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”, jipprovdi:

“1.      Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ [Genève], att għandu:

(a)      ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950]; jew

(b)      ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi f’punt (a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

[…]

(e)      prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt, fejn it-twettiq ta’ servizz militari jkun jinkludi delitti jew atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjonijiet kif dikjarat fl-Artikolu 12(2);

[…]

3.      Bi qbil ma punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn.”

8        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[…]

e)      il-kunċett ta’ opinjoni politika għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le.

2.      Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

9        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Esklużjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

a)      hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

10      L-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l- “AsylG”), tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Għoti tal-istatus ta’ refuġjat”:

“(1)      Barrani huwa refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève meta dan

1.jibża’ bir-raġun li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-opinjonijiet politiċi jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari,

jinsab barra mill-pajjiż (pajjiż ta’ oriġini)

a)      li huwa għandu n-nazzjonalità tiegħu u ma jistax, jew minħabba din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż,

[…]

(2)      Ċittadin barrani jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji li jwasslu x’wieħed jaħseb li:

1.      huwa jkun ikkommetta delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

2.      ikun wettaq, qabel ma jkun ġie ammess bħala refuġjat, delitt serju tad-dritt komuni barra mit-territorju federali, b’mod partikolari azzjoni krudili, anki jekk titwettaq b’għan allegatament politiku, jew

3.      kien ħati ta’ atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

[…]”

11      L-Artikolu 3a tal-AsylG, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”, jipprevedi:

“(1)      Huwa kkunsidrat bħala att ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1), att li

1.      ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħu li jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali […]; jew

2.      huwa akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem, li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi fil-punt 1 hawn fuq.

(2)      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forom ta’:

[…]

5.      il-prosekuzzjonijiet jew sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari f’każ ta’ kunflitt meta s-servizz militari jimplika t-twettiq ta’ delitti jew li jitwettqu atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din il-liġi,

[…]

(3)      Għandu jkun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet tal-persekuzzjoni msemmija fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 1 tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 3b, u l-atti kklassifikati bħala atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti.”

12      L-Artikolu 3b tal-AsylG, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jistabbilixxi:

“(1)      Fl-evalwazzjoni tar-raġunijiet għal persekuzzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 3(1), għandu jittieħed kont tal-elementi li ġejjin:

[…]

5.      il-kunċett ta’ opinjonijiet politiċi jkopri, b’mod partikolari, l-opinjonijiet, l-ideat jew it-twemmin f’qasam marbut mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 3c, kif ukoll mal-politiki u mal-metodi tagħhom, kemm jekk dawn l-opinjonijiet, ideat jew twemmin ikunu wasslu jew le għal atti min-naħa tal-barrani.

(2)      Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġġustifikata ta’ persekuzzjoni ma huwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      EZ, ta’ nazzjonalità Sirjana, telaq mill-pajjiż tiegħu fis-6 ta’ Novembru 2014. Wara li wasal il-Ġermanja fil-5 ta’ Settembru 2015, huwa ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fit-28 ta’ Jannar 2016.

14      Huwa indika li ħarab mis-Sirja fix-xahar ta’ Novembru 2014 sabiex ma jwettaqx is-servizz militari tiegħu, bil-biża’ li jipparteċipa fil-gwerra ċivili. Huwa kien kiseb posponiment tas-servizz militari tiegħu sax-xahar ta’ Frar 2015 sabiex jiffinalizza l-istudji universitarji tiegħu.

15      Fil-11 ta’ April 2017, l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati tah il-protezzjoni sussidjarja, iżda ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu minħabba li huwa stess ma sofriex persekuzzjonijiet li wassluh għat-tluq. Skont din l-awtorità, il-persuna kkonċernata, li ħarbet biss mill-gwerra ċivili, ma jkollhiex għalfejn tibża’ minn persekuzzjonijiet jekk hija tirritorna lejn is-Sirja. Fi kwalunkwe każ, ma teżistix rabta bejn il-persekuzzjonijiet li hemm dubju għalihom u r-raġunijiet ta’ persekuzzjoni li jistgħu jagħtu dritt għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ refuġjat.

16      EZ ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni fl-1 ta’ Mejju 2017 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Hannover (il-Qorti Amministrattiva ta’ Hannover, il-Ġermanja). Hija essenzjalment tqis li huwa espost, minħabba l-ħarba tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex jevita l-obbligu ta’ servizz militari u l-applikazzjoni tiegħu għal ażil imressqa fil-Ġermanja, għal riskju ta’ persekuzzjoni li jiġġustifika li jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

17      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex stabbilita għal dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal ażil magħmula mill-appellanti Sirjani li ħarbu mill-pajjiż tagħhom sabiex jevitaw is-servizz militari u minħabba dan il-fatt huma esposti għal persekuzzjonijiet u sanzjonijiet f’każ ta’ ritorn lejn pajjiżhom.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Hannover (il-Qorti Amministrattiva ta’ Hannover) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 9(2)(e) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-“rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt” ma jeżiġix li l-persuna kkonċernata tkun irrifjutat li twettaq is-servizz militari fi proċedura ta’ rifjut formali, fejn id-dritt tal-Istat tal-oriġini ma jipprevedix id-dritt li jiġi rrifjutat is-servizz militari?

2)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva [2011/95] u r-‘rifjut li wieħed iwettaq servizz militari’ tagħha, jipproteġu wkoll il-persuni li, fi tmiem id-differiment tas-servizz militari, ma jippreżentawx ruħhom lill-awtoritajiet militari tal-pajjiż tal-oriġini u jevadu l-iskrizzjoni obbligatorja billi jaħarbu?

3)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv: L-Artikolu 9(2)(e) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal persuna suġġetta għal-lieva, li ma għandhiex informazzjoni dwar is-settur futur ta’ intervent militari tagħha, is-servizz militari ‘jkun jinkludi’ direttament jew indirettament ‘delitti jew atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjonijiet kif dikjarat fl-Artikolu 12(2)’ minħabba s-sempliċi fatt li l-forzi armati tal-Istat tal-oriġini tagħha jwettqu tali delitti jew atti b’mod ripetut u sistematiku bl-użu ta’ persuni suġġetti għal-lieva?

4)      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prosekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu9(2)(e) tad-Direttiva [2011/95], konformement mal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [2011/95], għandu jkun hemm rabta bejn il-motivi msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2011/95] u l-atti kklassifikati bħala atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva [2011/95] jew in-nuqqas ta’ protezzjoni kontra tali atti?

5)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għar-raba’ domanda tkun fl-affermattiv: ir-rabta prevista fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 2(d) tad-[Direttiva 2011/95] bejn il-persekuzzjonijiet dovuti għal prosekuzzjoni jew sanzjonijiet minħabba rifjut li jitwettaq is-servizz militari u l-motiv ta’ persekuzzjoni teżisti diġà bis-sempliċi fatt li l-prosekuzzjoni jew sanzjonijiet huma marbuta mar-rifjut?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

19      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mill-premessi 4 u 12 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li din id-direttiva ġiet adottata b’mod partikolari sabiex l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali.

20      Għalhekk, id-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tagħha, b’mod li huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mat-trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir wkoll, kif jirriżulta mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, fir-rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu “minħabba f’biża’ bir-raġun [fondata] li jiġi persegwitat” minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali, u li ma jistax jew, “minħabba f’din il-biża”, ma jixtieqx jinvoka l-“protezzjoni” ta’ dan il-pajjiż. Iċ-ċittadin ikkonċernat għandu għalhekk, minħabba ċirkustanzi li jeżistu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu biża’ fondata ta’ persekuzzjoni eżerċitata fuq il-persuna tiegħu għal minn tal-inqas waħda mill-ħames raġunijiet elenkati f’din id-direttiva u fil-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-elementi li jippermettu li xi atti jitqiesu li jkunu persekuzzjoni skont l-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-atti rilevanti għandhom ikunu serji biżżejjed fin-natura jew fir-repetizzjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu ksur serju ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem, b’mod partikolari drittijiet assoluti li fir-rigward tagħhom ebda deroga ma hija possibbli taħt l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li l-akkumulu ta’ diversi miżuri, inklużi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu b’mod simili għal dak indikat fl-Artikolu 9(1)(a) tal-istess direttiva għandu wkoll jitqies li huwa persekuzzjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex ksur tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi persekuzzjoni skont l-Artikolu 1, Taqsima A, tal-Konvenzjoni ta’ Genève, dan għandu jilħaq ċertu livell ta’ gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(3)(a), sa (c) tad-Direttiva 2011/95, waqt l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti prodotti mill-applikant, kif ukoll l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tiegħu.

24      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95, li jipprovdu li l-atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ prosekuzzjonijiet jew ta’ sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari f’każ ta’ kunflitt meta s-servizz militari jippreżupponi t-twettiq ta’ delitti jew li jitwettqu atti li jaqgħu taħt il-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.

25      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-delitti li EZ seta’ jiġi mġiegħel iwettaq bħala konċess fil-kuntest tal-gwerra ċivili Sirjana huma “delitti ta’ gwerra” jew “delitti kontra l-umanità” imsemmija fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2011/95.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

26      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, meta d-dritt tal-Istat ta’ oriġini ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi rrifjutat it-twettiq tas-servizz militari, li dan ir-rifjut jiġi kkonstatat f’sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma fformulatx ir-rifjut tagħha skont proċedura partikolari u ħarbet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha mingħajr ma ppreżentat ruħha quddiem l-awtoritajiet militari.

27      Skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95, l-atti ta’ persekuzzjoni li jsostni li huma esposti għalihom il-persuna li tfittex li tingħata l-kwalifika ta’ refuġjat skont din id-dispożizzjoni għandhom jirriżultaw mir-rifjut tagħha li twettaq is-servizz militari. Konsegwentement, dan ir-rifjut għandu jikkostitwixxi l-uniku mezz li jippermetti lill-persuna kkonċernata tevita l-parteċipazzjoni fid-delitti msemmija fl-Artikolu 12(2)(a) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 44).

28      Minn dan isegwi li l-fatt li l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat naqas milli jirrikorri għal proċedura intiża għall-kisba tal-istatus ta’ objettur ta’ kuxjenza jeskludi kull protezzjoni skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95, sakemm l-imsemmi applikant ma jipprovax li ebda proċedura ta’ tali natura ma kienet disponibbli għalih fis-sitwazzjoni konkreta tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 45).

29      B’mod partikolari, meta l-possibbiltà li jiġi rrifjutat it-twettiq tas-servizz militari ma hijiex prevista mid-dritt tal-Istat ta’ oriġini u konsegwentement ma tkun teżisti ebda proċedura għal dan il-għan, ma jistax jintalab mir-refrattorju li jifformalizza r-rifjut tiegħu skont proċedura partikolari.

30      Barra minn hekk, f’dan il-każ, fid-dawl tan-natura illegali ta’ dan ir-rifjut skont id-dritt tal-Istat ta’ oriġini u tal-prosekuzzjonijiet u tas-sanzjonijiet li huwa jesponi lill-awtur tiegħu, wieħed ma jistax raġonevolment jistenna minn dan tal-aħħar li jkun esprima dan ir-rifjut quddiem l-awtoritajiet militari.

31      Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu r-realtà tar-rifjut tal-persuna kkonċernata li twettaq is-servizz militari tagħha. Konformement mal-Artikolu 4(3)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2011/95, din għandha tiġi evalwata, flimkien mal-elementi l-oħra ppreżentati insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti prodotti mill-applikant kif ukoll l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tiegħu, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

32      Konsegwentement, l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, meta d-dritt tal-Istat ta’ oriġini ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi rrifjutat it-twettiq tas-servizz militari, li dan ir-rifjut jiġi kkonstatat fil-każ li l-persuna kkonċernata ma tkunx ifformalizzat ir-rifjut tagħha skont proċedura partikolari u ħarbet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha mingħajr ma ppreżentat ruħha quddiem l-awtoritajiet militari.

 Dwar it-tielet domanda

33      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għal rikorrent li jirrifjuta li jwettaq is-servizz militari tiegħu f’każ ta’ kunflitt iżda li jinjora s-settur ta’ intervent militari futur tiegħu, it-twettiq tas-servizz militari tiegħu jippreżumix li jwettaq delitti jew atti msemmija fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva sempliċement minħabba l-fatt li l-forzi li jiġġieldu l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jwettqu tali delitti jew atti b’mod ripetut u sistematiku billi jintervjenu dawk imsejħa.

34      Huma biss l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jevalwaw, taħt l-istħarriġ tal-qorti, jekk it-twettiq tas-servizz militari mill-applikant li jitlob il-kisba tal-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 jwassalx neċessarjament jew, minn tal-inqas, probabbilment, għal dan tal-aħħar sabiex iwettaq delitti msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 40).

35      Din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha tkun ibbażata fuq sensiela ta’ indizji ta’ natura li jistabbilixxu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, b’mod partikolari dawk relatati mal-fatti rilevanti li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kif ukoll dwar l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, li s-sitwazzjoni globali trendi plawżibbli t-twettiq tad-delitti allegati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 46).

36      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma humiex esklużi, bħala prinċipju, is-sitwazzjonijiet li fihom l-applikant jipparteċipa biss indirettament fil-kommissjoni ta’ tali delitti, għaliex, b’mod partikolari, ma huwiex fit-truppi tal-ġlied iżda, pereżempju, ikun assenjat lil unità loġistika jew ta’ sostenn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 37).

37      Fil-kuntest Sirjan ta’ gwerra ċivili ġġeneralizzata li kien jipprevali fil-mument li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, jiġifieri fix-xahar ta’ April 2017, u fid-dawl b’mod partikolari tal-kummissjoni ripetuta u sistematika ta’ delitti tal-gwerra mill-armata Sirjana, inkluż mill-unitajiet komposti minn dawk imsejħa, iddokumentati sew skont il-qorti tar-rinviju, il-plawżibbiltà li persuna li tissejjaħ twassal, irrispettivament mis-settur ta’ intervent tagħha, sabiex tipparteċipa, direttament jew indirettament, fil-kummissjoni tad-delitti kkunsidrati, tidher li hija għolja ħafna, li hija għal qorti tar-rinviju li tivverifika.

38      Konsegwentement, l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal persuna li tissejjaħ li tirrifjuta li twettaq is-servizz militari tagħha f’każ ta’ kunflitt iżda li tinjora s-settur futur ta’ intervent militari tagħha, f’kuntest ta’ gwerra ċivili ġġeneralizzata kkaratterizzat mill-kummissjoni ripetuta u sistematika ta’ delitti jew ta’ atti msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva mill-armata billi tħalli jintervjenu dawk imsejħa, it-twettiq tas-servizz militari jippreżupponi li jipparteċipa, direttament jew indirettament, fit-twettiq ta’ tali delitti jew atti, irrispettivament minn dak li huwa s-settur ta’ intervent.

 Fuq ir-raba’ domanda

39      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu jkun hemm rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-istess direttiva.

40      Ir-risposta għal din id-domanda għandha tingħata fid-dawl mhux biss tat-test tal-imsemmi Artikolu 9, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

41      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li għandu jkun hemm rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tagħha jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti. Issa, l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva jinkludi lista indikattiva ta’ atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 9. Konsegwentement, ir-rekwiżit ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) jiswa b’mod partikolari għall-atti ta’ persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 9(2), inklużi dawk imsemmija fil-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni.

42      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija konformi mad-definizzjoni nnifisha tal-kunċett ta’ “refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tibża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għal wieħed mill-ħames raġunijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni u żviluppati fl-Artikolu 10 tad-direttiva u li ma jistax, jew minħabba din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu.

43      Fit-tielet lok, kif tindika l-premessa 24 tagħha, id-Direttiva 2011/95 hija intiża għall-adozzjoni ta’ kriterji komuni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Konsegwentement, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 2) tal-Artikolu 1, Taqsima A ta’ din il-konvenzjoni, din id-direttiva tillimita l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil għall-persuni li jemmnu bir-raġun li jiġu ppersegwitati minħabba r-razza tagħhom, ir-reliġjon tagħhom, in-nazzjonalità tagħhom, is-sħubija tagħhom fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħhom, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 29 tad-direttiva.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq il-ħames domanda

45      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(d) kif ukoll fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva għandha titqies bħala stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet huma marbuta ma’ dan ir-rifjut.

46      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li billi jipprevedi l-prosekuzzjonijiet jew sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari f’każ ta’ kunflitt meta s-servizz militari jimplika t-twettiq ta’ delitti jew li jitwettqu atti li jaqgħu taħt il-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 9(2)(e) ta’ din tal-aħħar jiddefinixxi ċerti atti ta’ persekuzzjoni permezz tar-raġuni tagħhom u li din ir-raġuni hija differenti minn dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 2(d) u l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, jiġifieri r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-opinjonijiet politiċi jew l-appartenenza fi grupp soċjali partikolari.

47      Ċertament, f’ħafna każijiet, ir-rifjut li jitwettaq is-servizz militari huwa l-espressjoni ta’ opinjonijiet politiċi, kemm jekk jikkonsistu fiċ-ċaħda ta’ kull użu tal-forza militari jew fl-oppożizzjoni għall-politika jew għall-metodi tal-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini, ta’ twemmin reliġjuż jew ukoll huwa mmotivat mill-appartenenza għal grupp soċjali partikolari. F’każijiet bħal dawn, atti ta’ persekuzzjoni li għalihom dan ir-rifjut jista’ jagħti lok huma wkoll marbuta mal-istess raġunijiet.

48      Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rifjut tas-servizz militari jista’ wkoll ikollu raġunijiet distinti mill-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan jista’ jkun immotivat mill-biża’ li wieħed jiġi espost għall-perikoli li jinvolvi t-twettiq tas-servizz militari f’kuntest ta’ kunflitt armat.

49      Konsegwentement, jekk jiġi aċċettat li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 huwa marbut, fi kwalunkwe każ, ma’ wieħed mill-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève, fir-realtà dan iwassal sabiex ma’ dawn ir-raġunijiet jiżdiedu raġunijiet oħra ta’ persekuzzjoni u sabiex b’hekk jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta mqabbel ma’ dak tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Issa tali interpretazzjoni tmur kontra l-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni, esposta fil-premessa 24 tal-imsemmija direttiva, li jarmonizza fi ħdan l-Unjoni l-implimentazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

50      Huwa għalhekk li l-eżistenza tar-rabta bejn mill-inqas waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tagħha ma tistax titqies stabbilita u lanqas, konsegwentement, ma tista’ tiġi eskluża mill-eżami tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

51      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-modalitajiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali previsti mid-Direttiva 2011/95.

52      Fil-fatt, din id-direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li huwa l-applikant li għandu jippreżenta, kemm jista’ jkun malajr, l-elementi kollha neċessarji sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkostitwixxu biss il-punt ta’ tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 28). Fil-fatt, l-istess dispożizzjoni tipprevedi li huwa l-Istat Membru li għandu jevalwa, b’kooperazzjoni mal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu.

53      Issa, fost l-elementi rilevanti sottomessi għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95 isemmi “ir-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”, li jinkludu neċessarjament ir-raġuni tal-atti ta’ persekuzzjoni li għalihom l-applikant isostni li huwa espost. Konsegwentement, li jiġi aċċettat mingħajr eżami li l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 9(2(e) ta’ din id-direttiva huma marbuta ma’ wieħed mill-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni kkunsidrati mill-Konvenzjoni ta’ Genève, jammonta għal tnaqqis mill-evalwazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti titlef ta’ element essenzjali tar-“raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva.

54      Madankollu, ma jistax jitqies li huwa l-applikant għal protezzjoni internazzjonali li għandu jipproduċi l-prova tar-rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(d) kif ukoll fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95 u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet li huwa jinkorri minħabba r-rifjut tiegħu li jwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tagħha.

55      Fil-fatt, tali oneru tal-prova jmur kontra l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, kif iddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95. Minn naħa, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jippermetti biss lill-Istati Membri li jimponu fuq l-applikant l-oneru li “jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u jinkariga lill-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet it-talba sabiex jevalwa l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 jirrikonoxxi li applikant mhux dejjem ser ikun f’pożizzjoni li jissostanzja t-talba tiegħu permezz ta’ provi dokumentati jew oħrajn u jelenka l-kundizzjonijiet kumulattivi li għalihom tali provi ma humiex meħtieġa. F’dan ir-rigward, il-motivi tar-rifjut li jitwettaq is-servizz militari u, konsegwentement, prosekuzzjonijiet li huwa jesponi, jikkostitwixxu elementi suġġettivi tal-applikazzjoni li jista’ jkun partikolarment diffiċli li tiġi prodotta prova diretta tagħhom.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ddikjarati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, in-natura plawżibbli tar-rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(d) kif ukoll fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95 u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imġarrba fil-każ ta’ rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tagħha.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li teżisti preżunzjoni qawwija li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 9(2)(e) ta’ din id-direttiva jkun marbut ma’ waħda mill-ħames raġunijiet imfakkra fl-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva.

58      Fl-ewwel lok, billi speċifika r-raġuni tal-atti ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95, huwa manifest li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħmel iktar diffiċli l-kisba tal-istatus ta’ refuġjat mill-objetturi ta’ kuxjenza billi jimponi kundizzjoni addizzjonali għall-kisba ta’ dan l-istatus, iżda, għall-kuntrarju, qies li din ir-raġuni ta’ persekuzzjoni kienet relatata, bħala regola ġenerali, ma’ mill-inqas waħda mill-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni li jagħtu dritt għall-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, ir-riferiment speċjali f’din id-Direttiva għall-objetturi ta’ kuxjenza meta t-twettiq tas-servizz militari jobbliga lil dawn tal-aħħar iwettqu delitti kontra l-paċi, delitti ta’ gwerra jew delitti kontra l-umanità huwa kompletament koerenti mal-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat tal-awturi tad-delitti msemmija iktar ’il fuq prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva.

59      Fit-tieni lok, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rifjut li jitwettaq is-servizz militari, b’mod partikolari meta dan ikun suġġett għal sanzjonijiet iebsa, jippermetti li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ kunflitt qawwi ta’ valuri u ta’ opinjonijiet politiċi jew reliġjużi bejn il-persuna kkonċernata u l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini.

60      Fit-tielet lok, f’kuntest ta’ kunflitt armat, partikolarment ta’ gwerra ċivili, u fin-nuqqas ta’ possibbiltà legali li wieħed jaħrab mill-obbligi militari, huwa probabbli ħafna li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari jiġi interpretat mill-awtoritajiet bħala att ta’ oppożizzjoni politika, indipendentement mill-motivi personali eventwalment iktar kumplessi tal-persuna kkonċernata. Issa, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 “[f]il-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni”.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2 (d) kif ukoll fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva ma tistax titqies bħala stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li dawn il-prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet huma marbuta ma’ dan ir-rifjut. Madankollu, teżisti preżunzjoni qawwija li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-Artikolu 9(2)(e) tal-istess direttiva jkun marbut ma’ waħda mill-ħames raġunijiet imfakkra fl-Artikolu 10 tagħha. Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, in-natura plawżibbli ta’ din ir-rabta.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, meta d-dritt tal-Istat ta’ oriġini ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi rrifjutat it-twettiq tas-servizz militari, li dan ir-rifjut jiġi kkonstatat fil-każ li l-persuna kkonċernata ma tkunx ifformalizzat ir-rifjut tagħha skont proċedura partikolari u ħarbet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha mingħajr ma ppreżentat ruħha quddiem l-awtoritajiet militari.

2)      L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal persuna li tissejjaħ li tirrifjuta li twettaq is-servizz militari tagħha f’każ ta’ kunflitt iżda li tinjora s-settur futur ta’ intervent militari tagħha, f’kuntest ta’ gwerra ċivili ġġeneralizzata kkaratterizzat mill-kummissjoni ripetuta u sistematika ta’ delitti jew ta’ atti msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva mill-armata billi tħalli jintervjenu dawk imsejħa, it-twettiq tas-servizz militari jippreżupponi li jipparteċipa, direttament jew indirettament, fit-twettiq ta’ tali delitti jew atti, irrispettivament minn dak li huwa s-settur ta’ intervent.

3)      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva.

4)      Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2 (d) kif ukoll fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva ma tistax titqies bħala stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li dawn il-prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet huma marbuta ma’ dan ir-rifjut. Madankollu, teżisti preżunzjoni qawwija li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-Artikolu 9(2)(e) tal-istess direttiva jkun marbut ma’ waħda mill-ħames raġunijiet imfakkra fl-Artikolu 10 tagħha. Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, in-natura plawżibbli ta’ din ir-rabta.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.