Language of document : ECLI:EU:T:2015:281

Kawża T‑15/13

Group Nivelles

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn irreġistrat li jirrappreżenta drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa — Disinn preċedenti — Raġunijiet għal invalidità — Novità — Karattru individwali — Karatteristiċi viżibbli tad-disinn preċedenti — Prodotti inkwistjoni — Artikoli 4 sa 7, 19 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Mejju 2015

1.      Disinni Komunitarji — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell — Eżami mill-ġdid taċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl ta’ provi li ma ġewx prodotti preċedentement quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 61)

2.      Disinni Komunitarji — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 61)

3.      Disinni Komunitarji — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002 — Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Bord tal-Appell — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 62)

4.      Disinni Komunitarji — Rekwiżiti ta’ protezzjoni — Novità — Karattru individwali — Natura tal-prodott inkluża minn disinn — Effett fuq l-evalwazzjoni tal-imsemmija rekwiżiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 3(a), 4(1), 5, 6, l-ewwel frażi tal-Artikolu 7(1), Artikoli 10, 19(1) u 36(6))

5.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Utent avżat — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 23)

2.      L-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita konformement mal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinni Komunitarji huwa stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI u hija tista’ tannulla jew tibdel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors biss jekk, fil-mument meta ttieħdet, din kienet ivvizzjata minn wieħed mill-motivi ta’ annullament jew ta’ bidla msemmija fl-Artikolu 61(2) ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u, lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

Meta, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn, l-eżami tan-novità tad-disinn ikkontestat, fir-rigward tad-disinni preċedenti invokati mir-rikorrenti, ma kienx komplet, eżami, mill-Qorti Ġenerali, tan-novità tad-disinn ikkontestat, fid-dawl tal-elementi kollha invokati mir-rikorrenti quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju, ikun essenzjalment jinvolvi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet amministrattivi u investigattivi li huma tal-Uffiċċju u minħabba f’dan, ikunu jmorru kontra l-bilanċ istituzzjonali li minnu huwa inspirat il-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-Uffiċċju u l-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 89, 91)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 98, 99)

4.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, konformement mar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinni Komunitarji, in-natura tal-prodott inkluża minn disinn tistax tinfluwenza l-evalwazzjoni tan-novità tiegħu jew tal-karattru individwali tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(a) tal-istess regolament, it-terminu “disinn”, użat f’dan ir-regolament, ifisser id-dehra ta’ prodott jew ta’ parti minn prodott. Minn dan jirriżulta li l-“protezzjoni ta’ disinn” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tikkonsisti fil-protezzjoni tad-dehra ta’ prodott.

B’mod partikolari, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002 u tar-riferiment, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament għal “prodott”, għandu jiġi konkluż li disinn Komunitarju rreġistrat jikkonferixxi lill-proprjetarju tiegħu d-dritt esklużiv li juża fuq kull tip ta’ prodotti (u mhux biss fuq il-prodott indikat fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni) id-disinn inkwistjoni kif ukoll, konformement mal-Artikolu 10 tal-istess regolament, kull disinn li ma jħallix impressjoni viżwali ġenerali differenti fuq l-utent avżat. Huwa jikkonferixxi wkoll lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi lil kull terz milli juża, f’kull tip ta’ prodotti, id-disinn li huwa l-proprjetarju tiegħu kif ukoll kull disinn li ma jħallix impressjoni viżwali ġenerali differenti. Kieku kien mod ieħor, it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tirreferi mhux għal “prodott”, iżda biss il-prodott (jew il-prodotti) indikat(i) fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Għalhekk, disinn Komunitarju ma jistax jitqies li huwa ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jekk disinn identiku ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-dati ppreċiżati f’din id-dispożizzjoni, anki jekk dan id-disinn preċedenti jkun intiż li jiġi inkorporat fi prodott differenti jew li jiġi applikat għal dan tal-aħħar.

Barra minn hekk, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 disinn preċedenti, inkorporat fi prodott speċifiku jew applikat għal dan tal-aħħar, jitqies li ġie żvelat jekk huwa jkun sar pubbliku, ħlief jekk, fil-prattika normali tan-negozju, dan il-fatt ma setax raġonevolment ikun magħruf fiċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur interessat mill-prodott inkwistjoni, li joperaw fl-Unjoni. Is-“settur interessat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex limitat għal dak tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi inkorporat jew applikat. Konsegwentement, disinn preċedenti inkorporat jew applikat għal prodott differenti għal dak ikkonċernat minn disinn sussegwenti huwa, bħala prinċipju, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ dan id-disinn sussegwenti.

Madankollu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002, in-natura tal-prodott ikkonċernat minn disinn ikkontestat u s-settur industrijali li għalih jappartjeni jista’ jkollhom ċerta rilevanza u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu6 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ disinn. Fid-dawl ta’ dan, l-utent li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-utent tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew li fih ikun ġie inkorporat.

Minn dan isegwi li l-identifikazzjoni tal-prodott li fih disinn preċedenti jkun ġie applikat jew li fih ikun ġie inkorporat, invokat sabiex jiġi kkontestat il-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ disinn sussegwenti, għandha rilevanza għal din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa permezz tal-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat li jista’ jiġi ddeterminat jekk l-utent avżat tal-prodott li fih id-disinn preċedenti jkun ġie applikat jew li fih ikun ġie inkorporat ikunx jaf id-disinn preċedenti. Huwa biss jekk din il-kundizzjoni tal-aħħar tkun issodisfatta li dan id-disinn preċedenti jkun jista’ jipprekludi r-rikonoxximent ta’ karattru individwali fid-disinn sussegwenti.

(ara l-punti 112, 115, 116, 119, 122-124, 129, 130, 132)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 126-128)