Language of document : ECLI:EU:T:2008:183

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Ġunju 2008

Kawża T-282/03

Paul Ceuninck

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ħatra – Pożizzjoni ta’ konsulent fi ħdan l-OLAF – Ċaħda ta’ kandidatura – Kompetenza tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF – Legalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ksur tar-regoli għall-ħatra ta’ uffiċjali fil-gradi A4 u A5 – Abbuż ta’ poter – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/051/02 u tal-proċedura ta’ għażla kollha li saret wara dan l-avviż, u, min-naħa l-oħra, talba għall‑annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ S., meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra fit-13 ta’ Settembru 2002 u tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Paul Ceuninck u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Sommarju

1.      Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet u korpi Komunitarji – Eżerċizzju tal‑kompetenzi – Delegi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 2(1))

2.      Uffiċjali – Rikors – Motivi

3.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Eżami tal-kandidaturi fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Limiti – Osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

1.      L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jagħmel parti mill‑istrutturi amministrattivi u baġitarji tal-Kummissjoni u, sa fejn din tal-aħħar iddelegat lid‑Direttur Ġenerali tal-OLAF is-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra, id‑Direttur Ġenerali huwa kompetenti sabiex jieħu d-deċiżjonijiet ta’ ħatra fi ħdan l‑OLAF.

(ara l-punt 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BEI, C‑15/00, Ġabra p. I‑7281, punt 106

2.      Il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter jimplika li awtorità amministrattiva tuża s-setgħat tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ikunu ngħatawlha. Deċiżjoni hija vvizzjata minn abbuż ta’ poter biss meta jkun jidher, skont indizji preċiżi, oġġettivi u konkordanti, li ttieħdet għal għanijiet differenti minn dawk iddikjarati. Għalhekk mhuwiex suffiċjenti li jiġu invokati ċerti fatti insostenn ta’ dawn l‑allegazzjonijiet, iżda għandhom jitressqu indizji preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura tali li jsostnu l-veraċità tagħhom jew, għall-inqas, il‑verosimiljanza tagħhom.

(ara l-punt 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 113; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Lulju 2000, Samper vs Il-Parlament, T‑111/99, ĠabraSP p. I‑A‑135 u II‑611, punt 64; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Settembru 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑152/00, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑813, punt 68; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Novembru 2002, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑103/01, ĠabraSP p. I‑A‑229 u II‑1137, punti 18 u 29

3.      L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Awtorità tal‑Ħatra fir-rigward ta’ ħatra jippreżupponi li hija teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l‑fajlijiet tal‑kandidati u li hija tosserva kuxjenzożament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, hekk li hija marbuta twarrab kull kandidat li ma jissodisfax dawn ir‑rekwiżiti. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi qafas legali li l-imsemmija awtorità timponi fuqha nnifisha u li hija obbligata tosserva bir-reqqa.

Sabiex tistħarreġ jekk l-Awtorità tal-Ħatra qabżitx il-limiti ta’ dan il-qafas legali, il-qorti Komunitarja għandha l-ewwel teżamina l-kundizzjonijiet mitluba mill‑avviż ta’ pożizzjoni vakanti, imbagħad għandha tivverifika jekk il-kandidat magħżul mill-imsemmija awtorità sabiex jokkupa l-impjieg vakanti jissodisfax effettivament dawn il-kundizzjonijiet u, fl-aħħar, għandha teżamina jekk, fid-dawl tal-kapaċitajiet tar-rikorrent, din wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ppreferiet lil kandidat ieħor. Tali eżami madankollu għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-elementi li fuqhom l‑amministrazzjoni tkun ibbażat l‑evalwazzjoni tagħha, din żammitx ma’ limiti raġonevoli, fi tmiem ta’ proċedura mingħajr irregolaritajiet, u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat jew għal għanijiet oħra barra dawk li għalihom ingħatatilha. Il-qorti ma tistax, fil-fatt, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal‑kwalifiki tal-kandidati magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra b’dik tagħha.

(ara l-punti 65 sa 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Marzu 1993, Il-Parlament vs Frederiksen, C‑35/92 P, Ġabra p. I‑991, punti 15 u 16; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Mejju 1998, Wenk vs Il-Kummissjoni, T‑159/96, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑593, punti 64 u 72; E vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar’il fuq, punt 29; 14 ta’ Ottubru 2003, Wieme vs Il-Kummissjoni, T‑174/02, ĠabraSP p. I‑A‑241 u II‑1165, punt 38; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T‑137/03, ĠabraSP p. I‑A‑7 u II‑27, punt 92; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T‑370/03, ĠabraSP p. I‑A‑189 u II‑853, punt 51; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il-Kummissjoni, T‑45/04, ĠabraSP p. I-A-2-145, II-A-2-681, punti 46, 48 u 49