Language of document : ECLI:EU:T:2006:121

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

10 ta' Mejju 2006 (*)

"Rikors għal danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Proġett Komunitarju ta' sistema globali ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita (Galileo) – Dannu allegat mill-proprjetarji ta' trade marks u ta' ismijiet kummerċjali li jikkontjenu t-terminu 'Galileo' – Responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha – Dannu barra min-normal u speċjali"

Fil-kawża T‑279/03,

Galileo International Technology LLC, stabbilita fi Bridgetown (Il-Barbados),

Galileo International LLC, stabbilita f'Wilmington, Delaware (L-Istati Uniti),

Galileo Belgium SA, stabbilita fi Brussell (Il-Belġju),

Galileo Danmark A/S, stabbilita f'Kopenhagen (Id-Danimarka),

Galileo Deutschland GmbH, stabbilita fi Frankfurt am Main (Il-Ġermanja),

Galileo España, SA, stabbilita f'Madrid (Spanja),

Galileo Franza SARL, stabbilita fi Roissy-en-France (Franza),

Galileo Nederland BV, stabbilita f'Hoofdorp (L-Olanda),

Galileo Nordiska AB, stabbilita fi Stokkolma (L-Iżvezja),

Galileo Portugal Ltd, stabbilita f'Alges (Il-Portugall),

Galileo Sigma Srl, stabbilita f'Ruma (L-Italja),

Galileo International Ltd, stabbilita f'Langley, Berkshire (Ir-Renju Unit),

The Galileo Co., stabbilita f'Londra (Ir-Renju Unit),

Timas Ltd, stabbilita f'Dublin (L-Irlanda),

irrappreżentati minn C. Delcorde, J.-N. Louis, J.-A. Delcorde u S. Maniatopoulos, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn N. Rasmussen u M. Huttunen, bħala aġenti, assistiti minn A. Berenboom u N. Van den Bossche, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għal danni intiż, minn naħa, sabiex il-Kummissjoni tieqaf milli tuża t-terminu "Galileo" b'relazzjoni mal-proġett Komunitarju ta' sistema globali ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita u milli tinkoraġġixxi lil terzi sabiex jużaw dan it-terminu u, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li batew ir-rikorrenti minħabba l-użu u l-promozzjoni mill-Kummissjoni ta' l-imsemmi terminu, allegatament identiku għal trade      marks reġistrati mir-rikorrenti kif ukoll għall-ismijiet kummerċjali tagħhom,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     It-terminu "Galileo" użat mir-rikorrenti

1       Il-grupp ta' impriżi Galileo, li l-kumpanniji rikorrenti jagħmlu parti minnu, ġie stabbilit fl-1987 minn ħdax-il kumpannija ta' l-ajru Nord Amerikani u Ewropej. Il-grupp huwa wieħed mil-leaders mondjali fl-offerta u fil-provvista ta' servizzi elettroniċi għas-setturi tat-trasport bl-ajru, ta' l-ivvjaġġar, tad-divertiment u ta' l-industrija tal-lukandi, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għad-data dwar l-offerti, il-ħinijiet u l-informazzjoni dwar prezzijiet. Il-klijentela tiegħu hija essenzjalment magħmula minn aġenziji ta' l-ivvjaġġar, kumpanniji tal-lukandi, kumpanniji tal-kiri ta' vetturi, kumpanniji ta' l-ajru, operaturi tal-ġiti u linji ta' vapuri tal-passiġġieri.

2       It-terminu "Galileo" huwa element ta' l-ismijiet kummerċjali, ta' l-ismijiet tal-kumpanniji u ta' l-ismijiet ta' dominju tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti Galileo International Technology LLC hija proprjetarja ta' diversi trade marks nazzjonali, verbali u figurattivi, li ġew irreġistrati bejn l-1987 u l-1990 u li fihom dan it-terminu jikkostitwixxi l-uniku element jew element fost oħrajn, bħat-trade marks verbali GALILEO rreġistrati fi Franza fis-17 ta' Settembru 1987, fil-Ġermanja fit-18 ta' Awwissu 1988 u fi Spanja fit-3 ta' Ottubru 1988.

3       Ir-rikorrenti Galileo International Technology LLC hija, barra minn hekk, proprjetarja ta' diversi trade marks Komunitarji li ġew irreġistrati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI). It-trade marks figurattivi huma s-segwenti:

Image not foundImage not found

Image not foundImage not found

4       L-ewwel waħda minn dawn it-trade marks figurattivi ġiet irreġistrata fl-4 ta' Marzu 1999 u sussegwentement, mill-ġdid, fid-9 ta' Marzu 2004, filwaqt li t-tieni waħda ġiet irreġistrata fl-20 ta' Jannar 2000. L-imsemmija rikkorenti hija wkoll proprjetarja tat-trade mark verbali GALILEO, irreġistrata fl-1 ta' Ottubru 2003. Dawn it-trade marks kollha ġew irreġistrati għall-prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 38, 39, 41 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

5       Dawn it-trade marks Komunitarji u nazzjonali (iktar 'il quddiem it-"trade marks tar-rikorrenti") ġew irreġistrati sabiex jindikaw, b'mod partikolari, servizzi ta' telekomunikazzjoni fil-forma ta' trasmissjoni ta’ data, programmi tal-kompjuter relattivi għat-trasport bl-ajru, għall-kiri ta' vetturi u għall-ibbukkjar ta' vjaġġi, servizzi ta' divertiment, servizzi fis-settur ta' l-alloġġ u tar-ristoranti kif ukoll apparat elettroniku u ta' l-informatika, kompjuters, softwer u proċessar ta' kliem.

2.     It-terminu "Galileo" użat mill-Kummissjoni

6       Fl-10 ta' Frar 1999, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni, intitolata "Galileo − L-involviment ta' l-Ewropa f'ġenerazzjoni ġdida ta' servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita" [COM (99) 54 finali]. B'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni riedet li tkun tista' tinħoloq sistema satellitari, imsejħa Galileo, li tkopri l-bżonnijiet ta' l-utenti ċivili tad-dinja kollha fil-qasam tan-navigazzjoni bir-radju, tal-pożizzjonar u sinkronizzazzjoni. Skond il-Kummissjoni, Galileo jkun kompatibbli maż-żewġ sistemi ta' operazzjoni eżistenti – is-sistema Amerikana GPS [Global Positioning System (sistema ta' pożizzjonar globali permezz tas-satellita)] u s-sistema Russa Glonass [Global Orbiting Navigation Satellite System (sistema mondjali ta' navigazzjoni permezz tas-satellita)] − u jkun jista' jipprovdi sistema globali ġdida ta' navigazzjoni permezz tas-satellita: il-GNSS [Global Navigation Satellite System (sistema globali ta' navigazzjoni permezz tas-satellita)]. Mill-bidu nett, kienet prevista l-parteċipazzjoni finanzjarja tas-settur privat fl-ispejjeż ta' twettiq tal-proġett Galileo.

7       Bir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Lulju 1999, dwar l-involviment ta' l-Ewropa f'ġenerazzjoni ġdida ta' servizzi ta' navigazzjoni permezz tas-satellita – Galileo – Fażi ta' definizzjoni (ĠU C 221, p. 1), il-Kunsill approva l-Komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kummissjoni.

8       Fit-22 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Galileo [COM (2000) 750 finali], li tiddeskrivi r-riżultati tal-fażi ta' definizzjoni tal-programm Galileo u tesponi l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji tiegħu kif ukoll l-istruttura ta' l-amministrazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-fażijiet suċċessivi tal-programm, il-Komunikazzjoni ssemmi fażi ta' l-iżvilupp tas-satelliti (2001 sa 2005), fażi ta' tħejjija li tirrigwarda l-produzzjoni u l-illanċjar tagħhom (2006 u 2007) kif ukoll fażi ta' tħaddim ekonomiku u kummerċjali tas-sistema l-ġdida (mill-2008).

9       Bir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2001 dwar Galileo (ĠU C 157, p. 1), il-Kunsill approva l-elementi neċessarji għall-fażi ta' l-iżvilupp. B'mod partikolari, huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex tibda proċedura ta' sejħa għal offerti bl-għan li tippermetti l-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-proġett u tidentifika s-servizzi kummerċjali li Galileo ser jipprovdi. Il-Kunsill enfasizza wkoll l-importanza li s-settur privat jieħu impenn finanzjarju sod li jippermettilu jipparteċipa fil-fażi ta' tħejjija.

10     Bir-Regolament (KE) Nru 876/2002, tal-21 ta' Mejju 2002, li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo (ĠU L 138, p. 1), il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, applika l-Artikolu 171 KE u stabbilixxa l-imsemmija Impriża Konġunta, li għandha bħala għan, minn naħa, li tassigura l-amministrazzjoni tal-proġett għall-fażijiet ta' riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li timmobilizza l-fondi assenjati għall-programm Galileo. Il-membri fundaturi ta' l-Impriża Konġunta kienu l-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Aġenżija Spazjali Ewropea (ASE), filwaqt li kull impriża privata li ssodisfat il-kriterji stabbiliti għal dan il-għan tista' wkoll issir membru.

11     Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2002, intitolata "Stat ta' progress tal-programm Galileo" (ĠU C 248, p. 2), il-Kummissjoni rrilevat li l-programm Galileo għandu jkun immexxi minn entità privata matul il-fażijiet ta' tħejjija u ta' tħaddim operazzjonali. Għal dan il-għan, kellha tinħareġ sejħa għal offerti mill-Impriża Konġunta Galileo sabiex jiġi magħżul il-konsorzju privat li jingħata l-konċessjoni għat-tħejjija u għat-tħaddim tas-sistema.

12     Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza kapitali ta' sistema Ewropea ta' navigazzjoni bir-radju f'termini teknoloġiċi, ekonomiċi u strateġiċi, billi l-kontroll ta' din it-teknoloġija tikkundizzjona dik ta' ħafna użi industrijali. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi, b'mod partikolari, l-amministrazzjoni tas-sistemi ta' trasport (il-gwida tal-vetturi awtomobilistiċi), it-tmexxija tal-politiki ambjentali, l-ippjanar ta' l-iżvilupp, il-meteoroloġija, il-ġeoloġija, ix-xogħlijiet pubbliċi, l-enerġija, il-prevenzjoni tar-riskji naturali jew industrijali, is-sostenn għall-operazzjonijiet ta' protezzjoni ċivili f'każ ta' katastrofi, il-politika ta' kontroll agrikolu u s-sigurtà fiżika tal-persuni. Skond il-Kummissjoni, is-sistema Ewropea futura sejra toffri:

–       servizz bażiku b'xejn, intiż għall-użu tal-"pubbliku in ġenerali";

–       servizz kummerċjali intiż għal finijiet professjonali;

–       servizz "vitali" għal użi li jqiegħed in kwistjoni l-ħajja umana, bħan-navigazzjoni bl-ajru jew marittima;

–       servizz ta' riċerka u ta' salvataġġ intiż sabiex itejjeb is-sistemi ta' assistenza eżistenti f'każ ta' periklu;

–       servizz tal-gvern, irriżervat għall-bżonnijiet ta' protezzjoni ċivili, sigurtà nazzjonali u osservanza tal-liġi.

13     Il-Kummissjoni speċifikat li l-ispiża tal-fażi ta' l-iżvilupp ammontat għal 1,1 biljun EUR, iffinanzjat f'ishma ndaqs mill-Unjoni Ewropea u mill-ASE. L-ispiża tal-fażi ta' tħejjija, jiġifieri 2,1 biljun EUR, għandha titħallas prinċipalment mill-konċessjonarju futur tas-sistema. Fir-rigward tal-fażi ta' tħaddim kummerċjali, il-Kummissjoni ddikjarat, quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza, li kien previst li din tibda fis-sena 2010.

3.     Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja mressqa mill-Kummissjoni

14     Fil-21 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni għamlet applikazzjoni, skond ir-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, jiġifieri ta' sinjal figurattiv bil-kulur. Dan is-sinjal jikkonsisti fi sfera stilizzata, ispirata mil-logo ta' l-Unjoni Ewropea u minn dak ta' l-ASE, u jinkludi l-kelma "Galileo":

Image not foundImage not found

L-applikazzjoni għal trade mark tirrigwarda "servizzi ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita" li jaqgħu taħt il-klassi 42 skond il-Ftehim ta' Nizza.

15     Fl-14 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti Galileo International LLC ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark. B'deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2005, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni. Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata mir-rikorrenti quddiem il-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI.

16     F'Awwissu 2003, il-Kummissjoni u l-ASE ippreżentaw l-emblema tal-programm ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita Galileo lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), f'Ġinevra, b'applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, ta' l-20 ta' Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967 u emendata fit-28 ta' Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11847, p. 108, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Pariġi").

4.     Skambju ta' korrispondenza bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni

17     B'ittra tat-30 ta' April 2001, ir-rikorrenti pprotestaw mal-Kummissjoni kontra l-użu tat-terminu "Galileo" bħala titolu tal-proġett tagħha ta' navigazzjoni bir-radju. Huma sostnew li dan l-użu kien jikkawżalhom danni u kien jikser id-drittijiet tagħhom ta' trade mark. Fl-4 ta' Frar 2002, il-Kummissjoni rrispondiet billi ddikjarat li l-użu tat-terminu "Galileo" għall-proġett tagħha ma kienx jikkostitwixxi ksur ta' drittijiet ta' trade mark.

18     Sussegwentement, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni kellhom skambju intensiv ta' korrispondenza. Ir-rikorrenti żammew il-pożizzjoni tagħhom li skondha l-Kummissjoni kienet qed tuża it-terminu "Galileo" f'kuntest kummerċjali billi tinkoraġixxi lil terzi jagħmlu l-istess, u dan għal prodotti u servizzi simili għal dawk koperti bit-trade marks tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li Galileo kellu jibqa' sa l-2008 programm ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku li, sa dik id-data, ma jiġġenera l-ebda dħul kummerċjali u li s-servizzi ta' bbukkjar ipprovduti mir-rikorrenti kienu attivitajiet differenti għal kollox mill-pożizzjonar permezz tas-satellita.

5.     Rikorsi ġudizzjarji u amministrattivi mressqa mir-rikorrenti simultanjament mal-preżenti kawża

19     Ir-rikorrenti Galileo International Technology LLC ikkuntestat, quddiem il-Qorti tal-Kummerċ ta' Brussell, l-użu tat-terminu "Galileo" mill-kumpannija Belġjana Galileo Industries, li l-għan tagħha huwa li tipparteċipa fl-iżvilupp ta' l-attivitajiet relatati ma' l-industrija spazjali u li tiġbor fi ħdanha l-industriji prinċipali Ewropej ikkonċernati mill-programm Galileo. B'sentenza ta' l-1 ta' Settembru 2003, il-Qorti tal-Kummerċ ċaħdet ir-rikors billi ddeċidiet, b'mod partikolari, li s-settur ta' attività tar-rikorrenti kien differenti minn dak tal-kumpannija Galileo Industries. Ir-rikorrenti appellat minn din is-sentenza. Il-kawża hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti ta' l-Appell ta' Brussell.

20     Barra minn hekk, ir-rikorrenti Galileo International Technology LLC ressqet diversi oppożizzjonijiet quddiem l-UASI kontra applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta' trade marks li jinkludu t-terminu "Galileo", użati mill-kumpannija Ġermaniża Astrium li, bħala sussidjarja ta' l-European Aeronautic Defense and Space Company (EADS) (Kumpannija Ewropea ta' l-aeronawtika, tad-difiża u spazjali), hija fost l-ikbar impriżi Ewropej fil-qasam tan-navigazzjoni spazjali u hija wkoll ikkonċernata mill-programm Galileo.

21     Fl-aħħar nett, l-istess rikorrenti ressqet proċeduri quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Munich (Il-Ġermanja) intiżi, minn naħa, sabiex Astrium tiġi pprojbita milli tuża t-terminu "Galileo" sabiex tindika diversi prodotti u servizzi u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta' Astrium bil-għan li tikseb kumpens għad-dannu kkawżat mill-imsemmi użu. Din il-qorti laqgħet it-talba billi ddeċidiet, fis-17 ta' Frar 2004, li l-attivitajiet in kwistjoni kienu simili u li s-sinjali in kwistjoni setgħu joħolqu konfużjoni. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata b'sentenza tal-Qorti ta' l-Appell ta' Munich tat-13 ta' Jannar 2005 li għaddiet in ġudikat, billi l-appell imressaq mill-kumpannija Astrium ġie miċħud b'digriet tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja Ġermaniża ta' l-24 ta' Novembru 2005.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' Awissu 2003, ir-rikorrenti ressqu l-preżenti rikors.

23     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tipproċedi għall-miżuri istruttorji preliminari. Madankollu, hija għamlet serje ta' domandi li l-partijiet irrispondew fit-terminu stipulat. Barra minn hekk, wara li semgħet il-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrinvjat il-kawża quddiem it-Tieni Awla Estiża.

24     Fis-seduta tat-30 ta' Novembru 2005, instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

25     Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tipprojbixxi lill-Kummissjoni :

–       milli tagħmel kull użu mit-terminu "Galileo" f'dak li għandu x'jaqsam mal-proġett tas-sistema ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita;

–       milli tinkoraġixxi, direttament jew indirettament, lil terzi sabiex jużaw dan it-terminu fil-kuntest ta' l-istess proġett;

–       milli tipparteċipa fl-użu ta' dan it-terminu minn terzi;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallashom, flimkien u in solidum, is-somma ta' 50 miljun EUR bħala kumpens għad-danni materjali li sofrew;

–       sussidjarjament, f'każ li l-Kummissjoni tippersisti fl-użu tat-terminu "Galileo", tikkundannaha tħallashom is-somma ta' 240 miljun EUR;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallashom l-interessi moratorji kkalkulati bir-rata ta' referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda b'żewġ punti perċentwali, li jibdew jiddekorru mid-data tal-preżentata tar-rikors;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

26     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, safejn huwa bbażat fuq l-allegazzjonijiet ta' ksur tat-trade mark, ta' l-isem kummerċjali, ta' l-isem tal-kumpannija u ta' l-isem ta' dominju;

–       tiċħad il-bqija tar-rikors bħala mhux fondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti jħallsu l-ispejjeż.

 Id-dritt

27     Hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-għoti ta' ordni u kumpens imressqa mir-rikorrenti skond l-Artikoli 235 u 288(2) KE huma bbażati, minn naħa, fuq ksur tad-drittijiet tagħhom ta' trade mark mogħtija bl-Artikolu 5(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), u, essenzjalment, bl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u min-naħa l-oħra, fuq ksur ta' l-ismijiet tal-kumpanniji, ismijiet kummerċjali u ismijiet ta' dominju tar-rikorrenti, protetti bl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi.

 1. Fuq l-ammissibbiltà


 L-argumenti tal-partijiet

28     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huma inammissibbli billi wħud mill-ilmenti mqajma fir-rikors ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' ċarezza u ta' preċiżjoni meħtieġa.

29     Fil-fatt, safejn ir-rikorrenti jallegaw li hija kisret it-trade marks nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm ir-rikorrenti jelenkaw it-trade marks allegatament ikkonċernati mill-preżenti kawża – jiġifieri 204 trade marks f'diversi pajjiżi, li minnhom 24 huma rreġistrati fi Stati Membri tal-Komunità –, huma ma jipprovdu l-ebda dettalji fuq id-dispożizzjonijet nazzjonali allegatament miksura. Fin-nuqqas ta' dawn id-dettalji, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma setax jiġi mitlub minnha li tagħmel suppożizzjonijiet sabiex taqta' liema dispożizzjonijiet nazzjonali kienu ġew allegatament miksura.

30     Fir-rigward tat-trade marks Komunitarji tagħhom, ir-rikorrenti ma indikawx għalfejn il-ksur ta' waħda jew l-oħra tinvolvi r-responsabbiltà tal-Komunità. B'mod partikolari, huma ma invokawx id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

31     Ir-rikorrenti lanqas ma jispjegaw b'liema mod huma affettwati l-ismijiet tal-kumpanniji, l-ismijiet kummerċjali u l-ismijiet ta' dominju tagħhom. Fil-fatt, safejn jibbażaw ruħhom biss fuq l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, ir-rikorrenti jonqsu milli jirreferu għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti li ttrasponew din il-Konvenzjoni u b'hekk jonqsu milli jesponu r-raġunijiet li għalihom il-Komunità hija marbuta b'dan it-trattat li hija mhijiex parti fih.

32     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talbiet intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tagħtiha ordnijiet. Fil-fatt, it-Trattat KE ma jagħtix tali setgħa lill-imħallef Komunitarju.

33     Ir-rikorrenti jirrispondu li n-nuqqas ta' referenza preċiża għal-liġijiet nazzjonali ma żammitx lill-Kummissjoni milli tifhem is-suġġett tar-rikors u lanqas milli tipprepara d-difiża tagħha b'mod adegwat.

34     Fir-rigward ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, huma jiddikjaraw li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-ismijiet kummerċjali, li jorbot lill-Istati Membri kollha. Bil-ksur ta' dan il-prinċipju, il-Kummissjoni kkommettiet att illegali.

35     Fir-rigward tat-talbiet tagħhom intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tuża t-terminu "Galileo", ir-rikorrenti jikkunsidraw li huma ma jimplikawx l-iċken interferenza fi sfera ta' kompetenza politika jew amministrattiva tal-Kummissjoni. Huma intiżi biss sabiex jiġi mwaqqaf aġir illegali u jiġi evitat l-aggravament tad-dannu subit.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Fuq il-ħtieġa ta' ċarezza u ta' preċiżjoni tar-rikors

36     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kull rikors għandu jinkludi l-indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u s-sunt tar-raġunijiet imressqa. Dawn id-dettalji għandhom ikunu suffiċjentement ċari sabiex jippermettu lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr is-sostenn ta' informazzjoni oħra. Sabiex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors joħorġu, għall-inqas fil-qosor, iżda b'mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors innifsu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-125, punt 29, u ta' l-10 ta' April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T-195/00, Ġabra p. II-1677, punt 26).

37     Sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għall-kumpens tad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir allegat mir-rikorrent fil-konfront ta' l-istituzzjoni, ir-raġunijiet għalfejn huwa jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn il-komportament u d-dannu allegatament subit kif ukoll in-natura u l-portata ta' dan id-dannu (sentenza Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar 'il fuq, punt 27).

–       Dwar it-trade marks nazzjonali, intrakomunitarji u extrakomunitarji

38     Fir-rigward ta' l-ilmenti bbażati fuq ksur tat-trade marks nazzjonali, joħroġ mir-rikors li r-rikorrenti qegħdin ifittxu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità sabiex jiksbu l-kumpens tad-dannu allegat, jiġifieri t-telf tal-funzjoni essenzjali u tal-valur tat-trade marks nazzjonali tagħhom. Dan id-dannu allegatament subit minħabba l-fatt ta' l-użu tas-sinjal Galileo huwa, skond ir-rikorrenti, imputabbli lill-Kummissjoni. Din ta' l-aħħar kienet ikkawżat d-dannu allegat, b'mod partikolari, billi ma rrispettatx l-imsemmija drittijiet ta' trade mark kif definiti fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva.

39     Issa skond l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva, it-trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt li "jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw [f]il-kummerċ [...] kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark".

40     Ir-riferenza fir-rikors għall-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjentement ċara u preċiża, fir-rigward ta' l-24 trade mark irreġistrati fl-Istati Membri tal-Komunità. Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jwettaq armonizzazzjoni fi ħdan il-Komunità tar-regoli dwar id-drittijiet mogħtija permezz ta' trade mark u jiddefinixxi d-dritt esklużiv li jgawdu minnu l-proprjetarji ta' trade marks fil-Komunità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C-355/96, Ġabra p. I‑4799, punt 25, u tat-12 ta' Novembru 2002, Arsenal Football Club, C-206/01, Ġabra p. I‑10273, punt 43). L-Istati Membri tal-Komunità kellhom l-obbligu li jittrasponu din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali u l-Kummissjoni ma kkontestatx li din t-traspożizzjoni ġiet imwettqa kompletament għall-imsemmija 24 trade mark koperti mid-Direttiva.

41     Konsegwentement, dawn l-ilmenti ma jistgħux jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li r-rikorrenti naqsu milli jipprovdu dettalji dwar il-liġijiet nazzjonali allegatament miksura. L-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda fuq dan il-punt.

42     Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-178 trade mark irreġistrati f'pajjiżi terzi, ir-referenza tar-rikorrenti għad-Direttiva ma tistax tirrimedja n-nuqqas ta' preċiżjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata tad-drittijiet ta' trade mark allegatament mogħtija mil-liġijiet extrakomunitarji kkonċernati. Minħabba s-silenzju tar-rikorrenti f'dan ir-rigward, la huwa possibbli għall-konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lanqas għall-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors billi r-rikorrenti jallegaw li d-dannu allegat ġie provokat minn ksur ta' dawn id-drittijiet ta' trade mark.

43     Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli f'dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq ksur ta' dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, b'risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti ammettew li huma ma setgħux jinvokaw id-drittijiet mogħtija mit-trade marks irreġistrati f'pajjiżi terzi.

–       Dwar it-trade marks ta' reputazzjoni

44     Fil-punt 40 tar-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsemmu r-reputazzjoni tat-trade marks tagħhom. Safejn huma jridu jinvokaw definittivament l-Artikolu 5(2) u (5) tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha sabiex tippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu protezzjoni rinforzata tat-trade marks ta' reputazzjoni, min-naħa, fin-nuqqas ta' xebh tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, kontra l-użu ta' sinjal għal finijiet oħra minbarra dak li ssir distinzjoni bejn prodotti jew bejn servizzi. Issa r-rikorrenti naqsu milli jispjegaw, fir-rikors, ir-reputazzjoni speċifika tat-trade marks tagħhom u l-modalitajiet tal-protezzjoni mogħtija minn xi waħda jew l-oħra mil-liġijiet nazzjonali f'dan ir-rigward.

45     Għalkemm għaldaqstant jidher li huwa possibbli li r-reputazzjoni tat-trade marks tagħhom ġiet affettwata mill-aġir in kwistjoni tal-Kummissjoni, jibqa' l-fatt li r-rikorrenti naqsu milli jqajmu motiv neċessarju sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' preċiżjoni fuq imsemmija. Ir-rikors għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat inammissibbli għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 5(2) u (5) tad-Direttiva.

–       Dwar it-trade marks Komunitarji

46     Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fir-rikors tagħhom, semmew il-ħames "trade marks Komunitarji u applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta' trade marks Komunitarji" tagħhom, u invokaw "ksur tad-drittijiet ta' trade mark ta' Galileo International Technology u tad-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjonijiet tagħha għal trade marks Komunitarji". Barra minn hekk, in-nota f'tarf il-paġina 57 issemmi b'mod espliċitu ir-"Regolament Nru 40/94".

47     Għalkemm ir-rikors ma jsemmix b'mod espliċitu l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa għaldaqstant jipprevalixxi ruħu, almenu impliċitament, id-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, żball imwettaq fl-indikazzjoni tat-test applikabbli m'għandux jikkawża l-inammissibbiltà ta' l-ilment imqajjem, meta s-suġġett u sunt ta' dan l-ilment joħorġu b'mod suffiċjentement ċar mir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Mejju 1969, X vs Il-Kummissjoni ta' kontroll, 12/68, Ġabra p. 109, punti 6 u 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-171/99, Ġabra p. II-2967, punt 36). Minn dan għandu jiġi konkluż li rikorrent lanqas m'għandu l-obbligu li jindika espliċitament ir-regola speċifika tad-dritt li fuqha jibbaża l-ilment tiegħu, sakemm l-argumentazzjoni tiegħu tkun suffiċjentement ċara sabiex il-parti avversarja u l-imħallef Komunitarju jkunu jistgħu jidentifikaw din ir-regola mingħajr diffikultà.

48     L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jagħti lill-proprjetarju ta' trade mark Komunitarju drittijiet identiċi għal dawk mogħtija bl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva lill-proprjetarju ta' trade mark nazzjonali. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni ġiet ripetutament invokata fir-rikors. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma żbaljatx fir-rigward tas-"sezzjoni Komunitarja" ta' l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti, billi hija tirreferi b'mod espliċitu, fil-punt 50 tar-risposta tagħha, għall-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94.

49     Minn dan isegwi li l-invokazzjoni mir-rikorrenti ta' l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 tikkorrispondi għar-rekwiżiti ta' preċiżjoni fuq imsemmija u għandha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata ammissibbli.

–       Dwar l-ismijiet tal-kumpanniji, l-ismijiet kummerċjali u l-ismijiet ta' dominju

50     Skond ir-rikorrenti, il-protezzjoni ta' l-ismijiet tal-kumpanniji tagħhom hija ħaġa waħda ma' dik ta' l-ismijiet kummerċjali tagħhom, filwaqt li l-ismijiet ta' dominju tagħhom jikkostitwixxu applikazzjoni speċifika ta' l-ismijiet kummerċjali tagħhom. Mistoqsija fuq il-portata ta' din id-dikjarazzjoni, huma speċifikaw li l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi kienet tirrigwarda biss il-protezzjoni ta' l-isem kummerċjali, filwaqt li l-isem tal-kumpannija kien protett b'regoli ġuridiċi nazzjonali oħra. Huma żiedu li, bir-rikors tagħhom, huma riedu jenfasizzaw li, għalkemm l-imsemmi Artikolu 8 jipproteġi biss l-isem kummerċjali stricto sensu, id-drittijiet fuq l-ismijiet tal-kumpanniji tagħhom huma wkoll affettwati.

51     Fir-rigward ta' l-ilmenti bbażati fuq effett fuq l-ismijiet tal-kumpanniji tagħhom u l-ismijiet ta' dominju tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreżentawx l-ebda prova li tmur lil hinn minn dawn d-dikjarazzjonijiet. B'mod partikolari, huma baqgħu totalment siekta dwar ir-regoli ġuridiċi nazzjonali allegatament miksura u dwar il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li abbażi tagħhom il-Komunità għandha, konformement mat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, tagħmel tajjeb għad-dannu allegat. Dawn l-ilmenti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' preċiżjoni fuq imsemmija u għandhom, għaldaqstant, jiġu ddikjarati inammissibbli.

52     Fir-rigward ta' l-invokazzjoni mir-rikorrenti ta' l-ismijiet kummerċjali tagħhom fis-sens ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, huwa veru li l-isem kummerċjali jikkostitwixxi dritt ta' proprjetà intellettwali li l-protezzjoni tiegħu, preskritta mill-imsemmi Artikolu 8, għandha tiġi assigurata mill-membri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) skond il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar 'il quddiem il-"Ftehim TRIPS") (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2004, Anheuser-Busch, C-245/02, Ġabra p. I‑10989, punti 91 sa 96).

53     Madankollu, jekk il-membri tal-WTO, inklużi l-Istati Membri tal-Komunità, għandhom l-obbligu li jimplementaw din il-protezzjoni ta' l-isem kummerċjali, jibqa' l-fatt li l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi jillimita ruħu sabiex jipprovdi li "l-isem kummerċjali għandu jkun protett fil-pajjiżi kollha [li għalihom tapplika l-Konvenzjoni] mingħajr l-obbligu li jiġi ppreżentat jew irreġistrat, kemm jekk jagħmel parti minn trade mark kemm jekk le" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

54     Dan it-test, mhux talli ma jiddefinixxix il-portata u l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni mogħtija lill-isem kummerċjali, iżda talli jillimita ruħu sabiex jifformula r-rekwiżit li tali protezzjoni għandha tiġi implementata. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkontjeni armonizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet mogħtija permezz ta' isem kummerċjali.

55     Fil-fatt, kuntrarjament għall-Artikolu 5 tad-Direttiva, li jiddefinixxi preċiżament "id-drittijiet mogħtija minn trade mark", li hija r-raġuni għalfejn ir-referenza għal dan l-Artikolu tista' validament tissostitwixxi l-invokazzjoni tal-liġijiet nazzjonali rilevanti ta' l-Istati Membri (ara punt 40 iktar 'il fuq), l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi jippermetti, bil-kliem estensiv tiegħu, lid-diversi leġiżlaturi nazzjonali li jistabbilixxu sistemi ta' protezzjoni differenti billi jipprovdu, b'mod partikolari, kundizzjonijiet dwar użu minimu jew rikonoxximent minimu ta' l-isem kummerċjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Anheuser-Busch, punt 52 iktar 'il fuq, punt 97).

56     Mistoqsija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, ir-rikorrenti ma invokaw l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika li tagħtihom protezzjoni suffiċjenti ta' l-ismijiet kummerċjali tagħhom u li setgħet ġiet miksura mill-Kummissjoni.

57     Konsegwentement, għalkemm huwa veru li r-regoli nazzjonali rilevanti għall-protezzjoni ta' drittijiet li jaqgħu f'qasam li għalih japplika l-Ftehim TRIPS għandhom jiġu applikati fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim (sentenza Anheuser-Busch, punt 52 iktar 'il fuq, punt 55), ir-rikorrenti ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom utilment minn dan l-obbligu f'dan il-kuntest, billi huma ma naqsux milli jinvokaw u jispjegaw tali regoli nazzjonali.

58     Barra minn hekk, billi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS m'għandhomx effett dirett, huma ma jistgħux joħolqu, bħala tali, drittijiet li r-rikorrenti jistgħu jipprevalixxu ruħhom minnhom direttament quddiem l-imħallef Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Anheuser-Busch, punt 52 iktar 'il fuq, punt 54) indipendentement minn eventwali regoli nazzjonali.

59     Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għandu wkoll jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb it-twaqqif ta' l-allegat aġir illegali tal-Kummissjoni

60     Safejn ir-rikorrenti jitolbu li l-Kummissjoni tiġi pprojbita milli tagħmel użu mit-terminu "Galileo" f'dak li għandu x'jaqsam mal-proġett ta' sistema ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita, il-Kummissjoni tirreferi għal ġurisprudenza stabbilita sew li skond hi, anki fil-kuntest tal-proċeduri għall-kumpens għad-danni, l-imħallef Komunitarju ma jistax jagħti ordnijiet lil istituzzjoni Komunitarja, mingħajr ma jidħol fuq il-prerogattivi ta' l-awtorità amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' April 1991, Assurances du crédit vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-63/89, Ġabra p. I‑1799, punt 30; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-156/89, Ġabra p. II‑407, punt 150; digrieti tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Meyer vs Il-Kummissjoni, T-71/99, Ġabra p. II‑1727, punt 13, u ta' l-14 ta' Jannar 2004, Makedoniko Metro u Michaniki vs Il-Kummissjoni, T-202/02, Ġabra p. II‑181, punt 53).

61     Il-Kummissjoni żżid li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jippermetti biss l-kumpens għad-danni tal-passat u ma jagħti l-ebda dritt li jinħarġu ordnijiet intiżi sabiex tiġi evitata illegalità futura. Il-projbizzjoni milli jintuża isem ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kumpens in natura. Fil-fatt, tali projbizzjoni ċertament timpedixxi l-allegat dannu milli jkompli jseħħ, iżda m'għandhiex bħala effett li tagħmel tajjeb għad-dannu digà subit.

62     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, "[f]il-każ ta’ responsabilità mhux kontrattwali, il-Komunità għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom". Din id-dispożizzjoni tkopri kemm il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali kif ukoll il-modalitajiet u l-limitu tad-dritt għal kumpens. Barra minn hekk, l-Artikolu 235 KE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompetenza "li tittratta każijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal danni kif previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288".

63     Joħroġ minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet – li, kuntrarjament għall-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' dak li kien it-Trattat KEFA, li kien jipprovdi biss għal kumpens pekunjarju, ma jeskludux l-għoti ta' kumpens in natura – li l-imħallef Komunitarju għandu l-kompetenza li jimponi fuq il-Komunità kull forma ta' kumpens li tkun konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali ta' l-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, inkluż, jekk jidher konformi ma' dawn il-prinċipji, kumpens in natura, jekk ikun il-każ fil-forma ta' ordni di fare jew di non fare.

64     Issa, fir-rigward tat-trade marks, id-Direttiva tfittex li, fl-Istati Membri kollha, it-trade marks nazzjonali rreġistrati jgawdu protezzjoni uniformi. Skond l-Artikolu 5(1), din it-trade mark tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha "li jimpedixxi terzi persuni kollha" milli jagħmlu użu minnha. Kif ġie rrilevat iktar 'il fuq (punt 40), din id-dispożizzjoni twettaq armonizzazzjoni fi ħdan il-Komunità tar-regoli dwar id-drittijiet mogħtija permezz ta' trade mark.

65     Minn dan isegwi li l-protezzjoni uniformi mogħtija lill-proprjetarju ta' trade mark nazzjonali intrakomunitarja taqa' taħt il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali ta' l-Istati Membri, fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE.

66     Din il-konklużjoni hija kkonfermata bir-Regolament Nru 40/94 li jipprovdi, fl-Artikolu 98(1) tiegħu, li meta l-qrati tat-trade marks Komunitarji jikkonstataw li l-konvenut kiser jew hedded li jikser trade mark Komunitarja, huma għandhom joħorġu ordni li "twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti [ta' ksur]" u għandhom jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jiżguraw li din il-projbizzjoni tiġi mħarsa. Issa, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri.

67     Għalkemm huwa veru li l-protezzjoni uniformi tal-proprjetarju ta' trade mark hija implementata fl-Istati Membri permezz tal-possibbiltà proċedurali għall-qrati nazzjonali kompetenti li jagħtu sentenzi li jipprojbixxu lill-konvenut milli jikser id-dritt ta' trade mark invokat, il-Komunità ma tistax tiġi meħlusa, bħala regola, minn miżura proċedurali korrispettiva min-naħa ta' l-imħallef Komunitarju, meta dan ta' l-aħħar għandu l-kompetenza esklużiva sabiex jiddeċiedi fuq ir-rikors għal kumpens ta' dannu imputabbli lill-Komunità (sentenza Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar 'il fuq, punt 89).

68     Il-Komunità inqas u inqas ma tista' tiġi meħlusa mis-sistema ta' protezzjoni fuq imsemmija meta l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mad-dritt Komunitarju kollu li jinkludi d-dritt sekondarju. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tirrispetta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u tar-Regolament Nru 40/94 adottati mill-Kunsill fuq proposta tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar 'il fuq, punti 85 u 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69     Safejn il-Kummissjoni tikkontesta li l-projbizzjoni in kwistjoni tista' realment tagħmel tajjeb għad-dannu allegat, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti jallegaw li huma vittmi ta' użu illegali permanenti u ripetittiv tas-sinjal Galileo, li jikser id-drittijiet ta' trade mark tagħhom. Issa, l-għan speċifiku tad-dritt ta' trade mark huwa b'mod partikolari li jassigura lill-proprjetarju d-dritt esklużiv li juża t-trade mark, għall-ewwel tqegħid fis-suq ta' prodott, u li jipproteġih b'dan il-mod kontra l-kompetituri li jkunu jridu jabbużaw mill-pożizzjoni u mir-reputazzjoni tat-trade mark billi jbiegħu prodotti li indebitament iġorru din it-trade mark (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, Loendersloot, C-349/95, Ġabra p. I‑6227, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70     Minn dan isegwi li l-ksur tad-dritt esklużiv ta' użu ta' trade mark iwassal neċessarjament għad-degradazzjoni tat-trade mark u, b'dan il-mod, jikkawża dannu lill-propjetarju tagħha.

71     Issa, kumpens sħiħ tad-dannu hekk ikkawżat jirrikjedi li d-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark jiġi reintegrat fi stat intatt, liema reintegrazzjoni teżiġi bħala minimu, indipendentement mid-danni li eventwalment jiġu kkwantifikati, it-twaqqif immedjat tal-ksur tad-dritt tiegħu. Huwa preċiżament permezz ta' l-ordni mitluba f'dan il-każ li r-rikorrenti qegħdin ifittxu li jiksbu t-twaqqif tal-ksur tad-drittijiet ta' trade mark tagħhom li allegatament wettqet il-Kummissjoni.

72     Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess enfasizzat, b'risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li jkun inkonċepibbli li wieħed jimmaġina li, fl-ipoteżi li tiġi kkundannata tħallas id-danni, hija tinjora din id-deċiżjoni billi tkompli bl-atti li l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun iddikjarat illegali. B'hekk, il-Kummissjoni tammetti li hija de facto marbuta, fis-sens ta' projbizzjoni ta' aġir, b'deċiżjoni ta' l-imħallef Komunitarju li tikkonstata r-responsabbiltà tagħha. Tali deċiżjoni twassal sabiex tagħti ordni impliċita lill-Kummissjoni.

73     Konsegwentement, it-talbiet li jfittxu li l-Kummissjoni tiġi pprojbita milli tagħmel użu mit-terminu "Galileo" f'dak li għandu x'jaqsam mal-proġett ta' sistema ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli. Għaldaqstant, il-motiv li l-Kummissjoni bbażat fuq l-inammissibbiltà ta' dawn it-talbiet ma jistax jiġi milqugħ.

 Konklużjoni

74     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet tar-rikors huma ammissibbli fit-totalità tagħhom. L-istess jingħad għall-ilmenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet mogħtija lir-rikorrenti bl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u bl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tat-trade marks nazzjonali intrakomunitarji tagħhom u t-trade marks Komunitarji tagħhom.

2.     Fuq il-mertu

75     Ir-rikorrenti jibbażaw ir-rikors tagħhom, prinċipalment, fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba att illegali u, sussidjarjament, fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà tagħha minħabba att legali.

 Fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba att illegali

 Osservazzjonijiet preliminari

76     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, iridu jiġu sodisfatti numru ta' kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1981, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44; tas-16 ta' Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta' Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).

77     Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jkunu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

78     L-aġir illegali allegat fil-konfront ta' istituzzjoni Komunitarja għandu jikkonsisti fi ksur suffiċjentement gravi ta' regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lil individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42).

79     Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi, mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

80     Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta' diskrezzjoni konsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista' jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement gravi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134, u ta' l-10 ta' Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-64/01 u T-65/01, Ġabra p. II-521, punt 71).

81     Huwa fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-diversi motivi u argumenti mqajma mir-rikorrenti f'dan il-każ.

 L-argumenti tal-partijiet

82     Bl-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir illegali tal-Kummissjoni, ġeneratur tad-dannu subit, jikkonsisti fil-ksur tad-drittijiet ta' trade mark li tagħhom huma proprjetarji skond l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva. Bil-fatt li tuża t-terminu "Galileo" u tinkoraġġixxi lil terzi sabiex jużawh bla ma kisbet il-kunsens tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret, u tkompli tikser, id-drittijiet ta' trade mark tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw it-trade marks Komunitarji tagħhom skond l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

83     F'dan ir-rigward, huma jispeċifikaw li t-terminu "Galileo" użat mill-Kummissjoni huwa essenzjalment simili għat-trade marks tagħhom. Il-karattru distintiv ta' dawn ta' l-aħħar huwa, għaldaqstant, affettwata b'mod sostanzjali ħafna bl-aġir tal-Kummissjoni.

84     Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi offerti minnhom u dawk ikkonċernati mill-proġett Galileo tal-Kummissjoni, billi l-klijenti li lejhom jimmiraw iż-żewġ partijiet huma fil-parti l-kbira identiċi.

85     Fil-fatt, ir-rikorrenti joffru servizzi li huma indirizzati lis-settur tat-trasport bl-ajru, marittimu u bl-art, lis-settur tal-lukandi u lill-konsumaturi finali. Dawn is-servizzi jippermettu li tinkiseb informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta' l-ajruplani waqt it-titjira, f'ħin reali, il-ħinijiet tat-titjiriet previsti kif ukoll possibbiltajiet ta' bbukkjar. Ir-rikorrenti joffru wkoll prodotti relatati ma' dawn is-servizzi, b'mod partikolari programmi tal-kompjuter.

86     Fir-rigward tal-proġett ta' navigazzjoni Galileo, dan huwa orjentat lejn l-utenti potenzjali, jiġifieri l-persuni li jipprovdu servizzi, il-manifatturi u l-klijenti tagħhom fil-qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajruplan u fis-settur marittimu. Is-servizz prinċipali offert minn dan il-proġett huwa s-sejbien tal-pożizzjoni ta' wieħed minn dawn il-mezzi ta' trasport f'ħin reali.

87     Dan is-servizz prinċipali huwa identiku għas-servizzi offerti mir-rikorrenti li jippermettu li tiġi determinata l-pożizzjoni ġeografika eżatta ta' titjira. Ix-xebh jestendi għall-prodotti, billi l-proġett Galileo jimplika l-iżvilupp ta' softwer u ta' kompjuters speċifiċi sabiex jinterpretaw, jużaw u jqassmu l-informazzjoni lill-konsumaturi.

88     Skond ir-rikorrenti, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni għall-pubbliku kkonċernat bejn it-trade marks tagħhom u t-terminu "Galileo" użat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni stess enfasizzat l-importanza enormi tal-proġett Ewropew Galileo, billi huwa mistenni li jinħolqu madwar 140 000 impjieg u s-suq għat-tagħmir u għas-servizzi huwa stmat li jaqbeż 9 biljun EUR fis-sena mill-2010. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li dawn l-iżviluppi jwasslu inevitabbilment għal użu iktar u iktar intensiv tat-terminu "Galileo" fit-teknoloġiji kollha li għalihom jintalab il-proġett.

89     Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, l-użu li l-Kummissjoni bi ħsiebha tagħmel tat-terminu "Galileo" jinsab "fil-kummerċ", billi dan it-terminu ġie użat f'relazzjoni mas-servizzi kollha li l-proġett Galileo huwa intiż li jipprovdi.

90     Ir-rikorrenti jispeċifikaw li l-Kummissjoni u l-Kunsill insistew fuq il-fatt li l-proġett Galileo kien ibbażat fuq sħubija mas-settur privat u kellu skop kummerċjali intiż sabiex jassigura l-vijabilità ekonomika tal-proġett. Fil-fatt, attwalment, diġà hemm konsorzju ta' 65 impriżi jaħdem fuq l-aspetti tekniċi tal-proġett u diversi gruppi industrijali u bankarji diġà qegħdin jippreparaw il-parteċipazzjoni futura tagħhom. Matul il-fażijiet ta' funzjonament kollha tiegħu, il-proġett Galileo għaldaqstant jippreżenta sfidi ekonomiċi importanti għas-settur privat.

91     Il-Kummissjoni diġà ħolqot, f'kollaborazzjoni ma' l-ASE, l-"Impriża Konġunta Galileo" (ara punt 10 iktar 'il fuq), u din l-impriża għandha tieħu ħsieb l-implementazzjoni tal-fażijiet ta' żvilupp u validazzjoni kif ukoll il-preparazzjoni tal-fażijiet ta' tħejjija u operazzjonali tal-programm Galileo. Barra minn hekk, fit-22 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għall-offerti tal-valur ta'
500 000 EUR, intiża b'mod partikolari sabiex tiġi studjata l-integrazzjoni tal-proġett Galileo mas-sistemi eżistenti ta' navigazzjoni.

92     Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni talbet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja Galileo (ara punt 14 iktar 'il fuq) jagħmel sens biss jekk hija bi ħsiebha tużaha sabiex tiddistingwi prodotti jew servizzi.

93     Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni inkoraġġiet gruppi industrijali Ewropej importanti sabiex jużaw it-terminu "Galileo" bħala trade mark fil-kummerċ, bħall-kumpannija Galileo Industries, li tressqet quddiem il-Qorti tal-Kummerċ ta' Brussell (ara punt 19 iktar 'il fuq), li invokat l-għażla tat-terminu "Galileo" magħmula mill-Kummissjoni. L-imseħbin li lejhom tindirizza ruħha l-impriża konġunta huma, min-naħa tagħhom, neċessarjament mitluba jagħmlu użu mill-istess terminu, użu li għandu jiġi wkoll imputat lill-Kummissjoni.

94     Bit-tieni ilment, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kkawżatilhom dannu billi naqset milli twettaq riċerka ta' trade marks. Issa, kull min jippjana li juża trade mark ġdida jsib ruħu kkonfrontat bir-riskju li terz jista' ikun diġà kiseb id-drittijiet esklużivi fuq sinjal identiku jew simili. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, kieku l-Kummissjoni wettqet riċerka simili, hija kienet issir taf bid-drittijiet ta' trade mark tagħhom u kienet faċilment tista' tagħżel terminu differenti sabiex tindika l-proġett tagħha. F'kull każ, il-Kummissjoni kkommettiet illegalità gravi billi kompliet tagħmel użu mit-terminu "Galileo", meta sussegwentement kienet ġiet informata bid-drittijiet ta' trade mark tagħhom.

95     Il-Kummissjoni tirrispondi li s-sinjal tal-programm ta' riċerka Galileo u t-trade marks invokati mir-rikorrenti mhumiex simili, billi l-element essenzjali u distintiv tat-trade marks tagħhom huwa sfera stilizzata. Fir-rigward b'mod iktar partikolari ta' l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, din tirrigwarda sinjal partikolari ħafna (ara punt 14 iktar 'il fuq) li ma joħloq l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni mat-trade marks li jipprevalixxu ruħhom minnhom ir-rikorrenti.

96     Barra minn hekk, din l-applikazzjoni għal trade mark tirreferi għas-servizzi ta' riċerka u ta' żvilupp limitati għall-qasam tan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita. Din saret għal raġuni purament protettiva sabiex teskludi r-riskju li impriża privata tista' tapproprja ruħha minn dan it-terminu u tapprofitta ruħha mir-reputazzjoni tagħha bla ebda ġustifikazzjoni.

97     Barra minn hekk, it-trade marks invokati mir-rikorrenti mhumiex intiżi għall-pubbliku in ġenerali. Ir-rikorrenti jagħmlu użu minnhom biss fil-kuntest ta' operazzjonijiet magħmula ma' ċirku ristrett ta' professjonisti. Konsegwentement, it-trade marks tagħhom ma jgawdu ebda reputazzjoni fost il-konsumaturi u l-utenti finali.

98     Għal din l-istess raġuni, ma teżisti l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni fost il-pubbliku in ġenerali bejn it-trade marks invokati u t-terminu "Galileo" użat għall-proġett Ewropew. Għaldaqstant, il-professjonisti li għalihom huma indirizzati l-attivitajiet tar-rikorrenti huma ħafna iktar informati mill-konsumatur medju u m'għandhom l-ebda problema sabiex jirrikonoxxu t-terminu "Galileo" bħala li jindika l-proġett ta' riċerka Ewropea u sabiex jiddistingwuh mit-trade marks tar-rikorrenti.

99     Il-Kummissjoni żżid li hija użat it-terminu "Galileo" esklużivament bħala sinonimu ta' l-isem tal-proġett Ewropew ta' navigazzjoni permezz tas-satellita. Dan l-użu qatt ma kien intiż sabiex jippromwovi servizz jew prodott li joħroġ mir-riżultati tekniċi miksuba fil-kuntest tal-proġett.

100   Fir-rigward ta' l-"Impriża Konġunta Galileo", din ta' l-aħħar teżisti biss sabiex twettaq b'suċċess il-fażijiet ta' riċerka u ta' żvilupp tal-programm Galileo u ma tagħmel l-ebda attività kummerċjali. Hija tillimita ruħha sabiex timmaniġġa sejħiet għall-offerti u tagħżel il-konċessjonarju futur tas-sistema.

101   Il-Kummissjoni tiċħad li nkoraġġiet lil terzi sabiex jużaw it-terminu "Galileo" għal prodotti jew servizzi fil-kummerċ. B'mod partikolari, ma teżisti l-ebda rabta mal-kumpannija Galileo Industries. B'mod partikolari, hija ma ħajritx lil din il-kumpannija sabiex tagħmel użu mit-terminu "Galileo" bħala trade mark.

102   Fir-rigward tat-tieni lment imqajjem mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkontesta li kienet legalment obbligata twettaq riċerki fuq it-trade marks. Il-fatt li ma wettqitx riċerki fuq it-trade marks mhuwiex fih innifsu illegalità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta' trade mark mogħtija lir-rikorrenti

103   Fir-rigward ta' l-ilment ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet ta' trade mark li tagħhom ir-rikorrenti huma proprjetarji, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdu regoli li għandhom l-għan li jagħtuhom drittijiet. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma ta' natura li jagħtu lir-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta' proprjetarji ta' trade marks protetti mid-Direttiva u mir-Regolament Nru 40/94, id-dritt esklużiv li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprojbixxu lil kull terz milli jagħmel użu minn sinjal simili jew identiku għat-trade marks tagħhom.

104   Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet u d-dritt li huma jagħtu lir-rikorrenti kinux is-suġġett ta' ksur suffiċjentement gravi min-naħa tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li tali ksur jippressupponi li l-kundizzjonijiet kollha ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet huma sodisfatti f'dan il-każ.

105   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tissuġġetta l-protezzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark għall-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni pprovokata, b'mod partikolari, mill-identiċità jew mix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark u mis-sinjal in kwistjoni.

106   Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' biss tkun kisret l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jekk ir-rikorrenti jipprovaw li hija għamlet użu mit-terminu "Galileo" sabiex tindika prodotti jew servizzi simili jew identiċi għall-prodotti u servizzi koperti mit-trade marks li tagħhom huma proprjetarji.

107   Issa għalkemm ir-rikorrenti rnexxielhom jipprovaw li huma stess kienu joffru diversi servizzi u prodotti koperti bit-trade marks tagħhom li jinkludu t-terminu "Galileo", dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta' l-użu ta' l-istess terminu mill-Kummissjoni.

108   B'mod partikolari, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-Kummissjoni kienet, hija stess, toffri prodotti jew servizzi relatati mal-proġett Galileo tagħha.

109   Fin-noti tagħhom, huma llimitaw ruħhom sabiex isostnu li l-proġett Galileo tal-Kummissjoni kien orjentat lejn "utenti potenzjali", li "[kien] jimplika l-iżvilupp" ta' softwer speċifiku, li kien "intiż għall-provvista ta' servizzi" u li l-Kummissjoni, bl-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja, "[kienet] bi ħsiebha tuża din it-trade mark" sabiex tiddistingwi prodotti jew servizzi.

110   F'risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, huma ammettew b'mod espliċitu li kienu għadhom ma jeżistux prodotti u servizzi li joħorġu mir-riżultati tekniċi miksuba bis-saħħa tal-proġett Galileo tal-Kummissjoni u li għaldaqstant tali prodotti u servizzi kienu għadhom mhux disponibbli għall-utenti futuri pubbliċi jew privati tas-sistema ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita.

111   Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jissuġġettaw ukoll il-protezzjoni tal-proprjetarju ta' trade mark għall-fatt li l-użu tas-sinjal in kwistjoni minn terz jista' jiġi kkwalifikat bħala "[użu f]il-kummerċ".

112   B'hekk, il-proprjetarju ta' trade mark huwa protett biss jekk l-użu tas-sinjal in kwistjoni jista' jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u b'mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz. Dawn huwa b'mod partikolari l-każ jekk l-użu tas-sinjal allegat fil-kontront tat-terz huwa ta' natura li jagħti kredibbiltà lill-eżistenza ta' rabta materjali fil-kummerċ bejn il-prodotti jew is-servizzi tat-terz u l-impriża ta' oriġini ta' dawn il-prodotti jew servizzi. F'dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk il-konsumaturi kkonċernati jistgħux jinterpretaw is-sinjal kif użat mit-terz bħala li jwassal sabiex jindika l-impriża ta' oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi tat-terz (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Anheuser-Busch, punt 52 iktar 'il fuq, punti 59 u 60).

113   F'dan il-każ, dawn il-kriterji mhumiex sodisfatti. Fil-fatt, kif joħroġ mill-proċess, il-Kummissjoni, sal-ġurnata tal-lum, użat it-terminu "Galileo" biss sabiex tindika, b'mod globali, il-proġett tagħha ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita, ċertament billi enfasizzat il-ħafna vantaġġi għall-utenti ta' l-użu futur tiegħu (ara punt 12 iktar 'il fuq), iżda mingħajr ma stabbilixxiet rabta materjali bejn ċerti prodotti jew servizzi li joħorġu mit-twettiq tal-fażijiet ta' riċerka, żvilupp u tħejjija tal-proġett, minn naħa, u l-prodotti u s-servizzi offerti mir-rikorrenti, min-naħa l-oħra. Fir-rigward tal-prodotti u servizzi ta' navigazzjoni bir-radju fis-sens strett tal-kelma, huwa paċifiku li, fl-stadju attwali tal-proġett, dawn għadhom ma jeżistux (ara punt 110 iktar 'il fuq).

114   F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b'mod partikolari li l-użu ta' sinjal "[f]il-kummerċ" iseħħ meta jinsab fil-kuntest ta' attività kummerċjali li tfittex li tilħaq vantaġġ ekonomiku (ara s-sentenza Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar 'il fuq, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115   F'dan ir-rigward, huwa veru li l-Kummissjoni tenfasizza l-finalità kummerċjali tal-proġett tagħha. Hija tagħmel dak kollu possibbli għaliha sabiex huwa jsir operazzjonali u sabiex is-servizzi ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita jistgħu effettivament jiġu offerti fiż-żmien previst, billi r-raġuni għall-eżistenza tal-proġett huwa preċiżament it-tħaddim ekonomiku tiegħu.

116   Jibqa' l-fatt li r-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat għall-illanċjar tal-proġett tagħha ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita bħala "risposta Ewropea" għas-sistema Amerikana GPS u għas-sistema Russa Glonass, għas-sostenn finanzjarju tal-fażijiet ta' riċerka, żvilupp u tħejjija tal-proġett kif ukoll għat-twaqqif tal-kuntest xieraq għall-fażi sussegwenti ta' tħaddim ekonomiku, b'mod partikolari, bil-parteċipazzjoni fil-ħolqien ta' l-"Impriża Konġunta Galileo" u bil-pubblikazzjoni ta' sejħa għal offerti intiża sabiex il-proġett Galileo jiġi integrat mas-sistemi eżistenti ta' navigazzjoni.

117   Billi tagħmel hekk, il-Kummissjoni ma teżerċitax attività ekonomika sakemm hija la toffri prodotti u lanqas servizzi fuq xi suq. Bl-użu tat-terminu "Galileo" fil-kuntest tal-fażijiet ta' riċerka, żvilupp u tħejjija tal-proġett, li jiġu qabel il-fażi ta' tħaddim ekonomiku fis-sens strett tal-kelma, il-Kummissjoni ma tfittixx li tikseb vantaġġ ekonomiku meta mqabbla ma' operaturi oħra, billi mhemmx operaturi li jinsabu f'kompetizzjoni magħha f'dan il-qasam. Kuntrarjament għat-teżi sostnuta mir-rikorrenti, mhuwiex għaldaqstant artifiċjali li ssir distinzjoni, f'dan il-kuntest, bejn il-fażi ta' tħaddim ekonomiku tal-proġett Galileo u l-fażijiet preċedenti.

118   Minn dan isegwi li r-rikorrenti lanqas ma pprovaw li l-użu mill-Kummissjoni tat-terminu "Galileo" seta' jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade marks invokati u seħħ "[f]il-kummerċ" fis-sens ta' l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u ta' l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

119   Din il-konklużjoni mhijiex ikkontradetta bil-fatt li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni lill-UASI għal trade mark Komunitarja għall-proġett Galileo tagħha, li tikkonċerna "servizzi ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita", u bil-fatt li hija ppreżentat l-emblema lill-WIPO (ara punti 14 u 16 iktar 'il fuq).

120   Fil-fatt, għalkemm dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu indikazzjoni ta' l-intenzjoni ta' l-applikant li jeżerċita attività fil-kummerċ, dan mhuwiex il-każ fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' dan il-każ, sakemm l-aġir tal-Kummissjoni ma jaqbiżx il-limiti tar-rwol li hija assenjat lilha nfisha sal-ġurnata tal-lum fil-kuntest tal-proġett tagħha ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita u fl-użu tat-terminu "Galileo" (ara punti 113, 116 u 117 iktar 'il fuq).

121   Billi r-rikorrenti joġġezzjonaw li l-Kummissjoni, f'kull probabbiltà, ser tuża t-trade mark Komunitarja tagħha tal-futur għall-benefiċċju ta' l-impriżi konċessjonarji tas-sistema ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita, u dan permezz tat-trasferiment tat-trade mark jew bl-għoti ta' liċenzji, din id-dikjarazzjoni għandha, fil-preżent, tiġi kkwalifikata bħala sempliċi spekulazzjoni li m'għandhiex iktar piż mid-dikjarazzjoni kuntrarja tal-Kummissjoni li skondha l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippreżentata għal raġuni purament protettiva sabiex jiġi eskluż ir-riskju li impriża privata tista' tapproprja ruħha mit-terminu "Galileo" u tapprofitta minnu bla ebda ġustifikazzjoni.

122   Fir-realtà, ir-rikorrenti jesprimu biss il-biża' tagħhom li jaraw lill-Kummissjoni tagħti vantaġġ lil impriżi privati permezz tat-trade mark Komunitarja tagħha, ġaladarba din ta' l-aħħar tkun ġiet irreġistrata mill-UASI. Issa, din ir-reġistrazzjoni għadha ma seħħitx, b'mod li attwalment il-Kummissjoni ma tistax tuża t-trade mark. Fil-fatt, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem l-UASI sabiex jopponu r-reġistrazzjoni tagħha (ara punt 15 iktar 'il fuq), u dan ir-rikors għandu effett sospensiv skond l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 40/94. Fid-dawl tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli kontra d-deċiżjoni futura tal-Bord ta' l-Appell kompetenti ta' l-UASI, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk l-applikazzjoni għal trade mark ippreżentata mill-Kummissjoni hijiex ser tkun finalment aċċettata.

123   Huwa veru li l-imħallef Komunitarju huwa awtorizzat, fil-qasam tal-kumpens għal danni, li jikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta' somma flus stabbilita jew jikkonstata r-responsabbiltà tagħha, anki jekk id-dannu jkun għadu ma jistax jiġi kkalkulat bi preċiżjoni, bil-kundizzjoni li jkun dannu imminenti u previdibbli b'ċertezza suffiċjenti, billi jistgħu jitressqu proċeduri sabiex jiġu evitati danni ikbar malli l-kawża tad-dannu tkun ċerta (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Ġunju 1976, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni u L-Kunsill, 56/74 sa 60/74, Ġabra p. 711, punt 6, u ta' l-14 ta' Jannar 1987, Zuckerfabrik Bedburg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 281/84, Ġabra p. 49, punt 14).

124   Madankollu għandu jiġi rrilevat li għalkemm din il-ġurisprudenza tippermetti lill-imħallef li jilqa' talba għal kumpens għal danni anki fin-nuqqas ta' dannu kkalkulat, hija ma tawtorizzahx jikkundanna l-istituzzjoni konvenuta mingħajr qabel ma jkun ikkonstata li din l-istituzzjoni effettivament ikkommettiet ksur suffiċjentement gravi ta' regola tad-dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lir-rikorrent.

125   Għaldaqstant, f'dan il-każ, mhuwiex biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, li r-rikorrenti jallegaw l-eżistenza ta' sempliċi riskju ta' ksur futur, minn din l-istituzzjoni, tad-drittijiet li jagħtuhom l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-każ li hija tuża t-terminu "Galileo" fil-kummerċ f'relazzjoni ma' servizzi jew prodotti koperti bit-trade marks tar-rikorrenti. Dawn ta' l-aħħar naqsu b'mod partikolari milli jipprovaw li l-użu preżenti, mill-Kummissjoni, tat-terminu "Galileo" sabiex jindika l-proġett tagħha kien jimplika inevitabilment ksur futur tad-drittijiet tagħhom.

126   Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-użu, mill-Kummissjoni stess, tat-terminu "Galileo" biex jindika l-proġett tagħha ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u ta' l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

127   Konsegwentement, b'dan l-aġir, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva u ta' l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jagħtu lir-rikorrenti.

128   Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ħajret u inkoraġġiet lill-impriżi privati kkonċernati mit-tħaddim tal-proġett tagħha sabiex, minn issa, jużaw it-terminu "Galileo" għal finijiet kummerċjali, jiġifieri f'relazzjoni ma' prodotti u servizzi. F'dan ir-rigward, huma jirreferu għal madwar għaxar kawżi li għandhom kontra dawn l-impriżi quddiem il-qrati nazzjonali u l-UASI (ara punti 19 sa 21 iktar 'il fuq). Skond ir-rikorrenti, dawn l-impriżi huma neċessarjament imsejħa biex jagħmlu użu minn dan it-terminu, fil-kummerċ, sabiex jistabbilixxu koerenza bejn l-attivitajiet tagħhom u l-proġett illanċjat mill-Kummissjoni. Konsegwentement, l-użu mis-settur privat tat-terminu "Galileo" għandu jiġi imputat lill-Kummissjoni.

129   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huma biss l-atti jew l-aġir imputabbli lil istituzzjoni jew korp Komunitarja li jistgħu jagħtu lok sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1985, CMC et vs Il-Kummissjoni, 118/83, Ġabra p. 2325, punt 31, u tat-23 ta' Marzu 2004, Médiateur vs Lamberts, C-234/02 P, Ġabra p. I‑2803, punt 59).

130   Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dannu allegat għandu joħroġ b'mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat, jiġifieri li dan l-aġir għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2000, Royal Olympic Cruises et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-201/99, Ġabra p. II-4005, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fl-appell b'digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 2002, Royal Olympic Cruises et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-49/01 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra). Min-naħa l-oħra, il-Komunità mhijiex obbligata tagħmel tajjeb għal kull konsegwenza dannuża, anki jekk remota, ta' l-aġir tal-korpi tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 1979, Dumortier frères et vs Il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21).

131   F'dan il-każ, huwa veru li l-Kummissjoni użat it-terminu "Galileo" sabiex tindika l-proġett Ewropew ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita. Huwa veru wkoll li l-Kummissjoni kellha tkun konxja tal-fatt li l-impriżi li xtaqu jħaddmu dan il-proġett ekonomikament kienu ser ikunu mħajra jużaw l-istess terminu sabiex japprofittaw ruħhom mir-reputazzjoni kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-proġett.

132   Madankollu, jibqa' l-fatt li l-użu minn dawn l-impriżi tat-terminu in kwistjoni f'relazzjoni ma' l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom jistrieħ fuq għażla li huma għamlu b'mod awtonomu.

133   Min-naħa, fil-fatt, ir-rikorrenti ma ppruvawx li l-Kummissjoni kienet obbligat lill-imsemmija impriżi sabiex jużaw dan it-terminu jew li hija kienet ħajrithom attivament, taħt forma ta' kollużjoni, sabiex jagħmlu dan. Min-naħa l-oħra, huma lanqas ma ddikjaraw li kienu jeżistu rabtiet kostituzzjonali u funzjonali bejn l-impriżi in kwistjoni u l-Kummissjoni jew li din ta' l-aħħar kienet teżerċita kontroll billi tindaħal direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħhom. Fl-aħħar, xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li l-għażla inizjali tat-terminu "Galileo" mill-Kummissjoni neċessarjament ħajret lill-impriżi kkonċernati sabiex isegwu dan l-eżempju, taħt piena li jikkompromettu s-suċċess ekonomiku tal-proġett kollu kemm hu.

134   Billi l-impriżi għandhom ikunu jafu d-dritt Komunitarju u d-dritt tat-trade marks, jidher għaldaqstant xieraq li jiġi kkunsidrat li huma għandhom jiġu miżmuma responsabbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt, għall-aġir tagħhom fis-suq, safejn għażlu li jużaw it-terminu "Galileo" fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

135   Minn dan isegwi li din l-għażla ta' l-impriżi għandha tiġi kkunsidrata bħala l-kawża diretta u determinanti tad-dannu allegat, billi l-eventwali kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għal dan id-dannu hija remota wisq sabiex ir-responsabbiltà tal-impriżi in kwistjoni tista' tintefa' fuq il-Kummissjoni.

136   Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta' trade mark mogħtija lir-rikorrenti għandu jiġi mwarrab.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq aġir negliġenti tal-Kummissjoni kontra r-rikorrenti

137   Fir-rigward ta' l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas illegali tal-Kummissjoni li twettaq riċerka fuq it-trade marks, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ommissjonijiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità biss safejn l-istituzzjonijiet ikunu kisru obbligu legali li jaġixxu, li jirriżulta minn dispożizzjoni Komunitarja (ara s-sentenza Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar 'il fuq, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).

138   Issa, f'dan il-każ, ir-rikorrenti ma indikawx skond liema dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq riċerka għal reġistrazzjonijiet preċedenti tat-terminu "Galileo" bħala trade marks. Barra minn hekk, billi l-użu ta' dan it-terminu mill-Kummissjoni sabiex tindika l-proġett tagħha ta' navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita ma kisirx id-drittijiet ta' trade mark mogħtija lir-rikorrenti, in-nuqqas ta' l-istituzzjoni konvenuta li twettaq riċerka fuq it-trade marks tagħhom, qabel ma tgħaddi għal dan l-użu, m'għandhiex tiġi kkwalifikata bħala illegali.

139   Minn dan isegwi li r-rikorrenti lanqas ma rnexxielhom jipprovaw l-illegalità ta' l-aġir allegat tal-Kummissjoni taħt dan il-kap.

140   Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq aġir negliġenti tal-Kummissjoni kontra r-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi mwarrab.

–       Konklużjoni

141   Peress li la l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront tal-Kummissjoni u lanqas l-eżistenza ta' rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat ma seta' jiġi stabbilit, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma ġewx sodisfatti.

142   F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni għal danni tar-rikorrenti bbażata fuq dawn ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba att legali

143   Ir-rikorrenti jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għal atti legali. F'dan il-każ, l-użu tat-terminu "Galileo" affettwa u ser jaffettwa d-drittijiet tagħhom b'mod assolutament uniku minħabba li huma l-uniċi impriżi li d-drittijiet tagħhom ġew affettwati bil-miżura in kwistjoni (dannu barra min-normal). Barra minn hekk, il-possibbiltà li awtorità pubblika tikser id-dritt tat-trade marks billi tuża terminu għal proġett partikolari, meta dan il-ksur seta' faċilment jiġi evitat, mhuwa b'ebda mod inerenti għall-fatt li wieħed jopera f'settur ekonomiku partikolari (dannu speċjali). Fl-aħħar nett, l-għażla imprudenti mill-Kummissjoni tat-terminu "Galileo" mhija ġġustifikata minn ebda interess ekonomiku ġenerali (nuqqas ta' ġustifikazzjoni).

144   F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta, bħal f'dan il-każ, l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma tkunx stabbilita, ma jfissirx b'daqshekk li l-impriżi li jikkunsidraw ruħhom ippreġudikati b'dan l-aġir ma jkunu jistgħu fl-ebda każ jiksbu kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1987, De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677, punt 17).

145   Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu li jimponi fuq il-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha fuq il-"prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta' l-Istati Membri", mingħajr, għaldaqstant, ma jirrestrinġi l-portata ta' dawn il-prinċipji unikament għar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta' l-imsemmija istituzzjonijiet.

146   Issa, id-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, għalkemm f'livelli differenti, f'oqsma speċifiċi u skond metodi differenti, li individwi jiksbu, permezz ta' proċedimenti legali, kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta' azzjoni illegali min-naħa ta' min ikun ikkawża d-dannu.

147   Fil-każ ta' dannu kkawżat minn aġir ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma jkunx ġie ppruvat li huwa illegali, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista' tkun stabbilita sakemm ikunu sodisfatti kumulattivament il-kundizzjonijiet dwar ir-realtà tad-dannu, dwar ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u dwar in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punt 19).

148   Fir-rigward tad-danni li jistgħu jsofru l-operaturi ekonomiċi minħabba l-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, dannu jkun barra min-normal meta jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tas-settur konċernat (sentenza Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 80 iktar 'il fuq, punt 151, u l-ġurisprudenza ċċitata).

149   F'dan il-każ, anki kieku r-rikorrenti jirnexxielhom jippruvaw li batew dannu reali li kien ikkawżat mill-użu tat-terminu "Galileo" min-naħa tal-Kummissjoni, dan id-dannu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jaqbeż il-limiti tar-riskji inerenti għall-użu, mir-rikorrenti, ta' l-istess terminu għat-trade marks tagħhom.

150   Fil-fatt, bl-għażla ta' l-isem "Galileo" sabiex jindikaw it-trade marks tagħhom, il-prodotti tagħhom u s-servizzzi tagħhom, ir-rikorrenti ma setgħux jinjoraw li huma kienu ispiraw ruħhom mill-isem tal-matematiku, fiżiku u astronomu illustri Taljan, imwieled f'Pisa fl-1564, li huwa wieħed mill-figuri l-kbar tal-kultura u ta' l-istorja xjentifika Ewropej. B'hekk, ir-rikorrenti esponew ruħhom volontarjament għar-riskju li xi ħaddieħor, f'dan il-każ il-Kummissjoni, jista' legalment, jiġifieri mingħajr ma jikser id-drittijiet tagħhom ta' trade mark, jintitola bl-istess isem famuż il-programm tiegħu ta' riċerka fil-qasam tan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita. Barra minn hekk, fl-1989, in-National Aeronautics and Space Administration (NASA) (amministrazzjoni Amerikana ta' l-aeronawtika u ta' l-ispazju) kienet diġà għażlet it-terminu "Galileo" sabiex tindika missjoni spazjali, jiġifieri l-illanċjar ta' satellita ta' osservazzjoni lejn il-pjaneta Ġove.

151   Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, mhemmx lok li d-dannu li allegatament sofrew ir-rikorrenti jkun ikkwalifikat bħala barra min-normal.

152   Tali konstatazzjoni hija biżżejjed biex teskludi kull dritt għal kumpens għal danni fuq din il-bażi, bla mhuwa meħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tippronunzja ruħha dwar il-kundizzjoni li d-dannu allegat irid ikun speċjali.

153   Minn dan isegwi li lanqas m'għandha tintlaqa' t-talba għal kumpens għal danni tar-rikorrenti bbażata fuq ir-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha.

154   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

155   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

156   Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kummissjoni, skond it-talbiet li l-istituzzjoni konvenuta ppreżentat f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

       Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Mejju 2006.

Ir-Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. It-terminu "Galileo" użat mir-rikorrenti

2. It-terminu "Galileo" użat mill-Kummissjoni

3. Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja mressqa mill-Kummissjoni

4. Skambju ta' korrispondenza bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni

5. Rikorsi ġudizzjarji u amministrattivi mressqa mir-rikorrenti simultanjament mal-preżenti kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ħtieġa ta' ċarezza u ta' preċiżjoni tar-rikors

– Dwar it-trade marks nazzjonali, intrakomunitarji u extrakomunitarji

– Dwar it-trade marks ta' reputazzjoni

– Dwar it-trade marks Komunitarji

– Dwar l-ismijiet tal-kumpanniji, l-ismijiet kummerċjali u l-ismijiet ta' dominju

Fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb it-twaqqif ta' l-allegat aġir illegali tal-Kummissjoni

Konklużjoni

2. Fuq il-mertu

Fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba att illegali

Osservazzjonijiet preliminari

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta' trade mark mogħtija lir-rikorrenti

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq aġir negliġenti tal-Kummissjoni kontra r-rikorrenti

– Konklużjoni

Fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba att legali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.