Language of document : ECLI:EU:F:2014:1

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Jannar 2014

Kawża F‑107/12

Philippe Guinet

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Skema ta’ pensjoni – Trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni – Kumpens għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mid-dewmien tat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni – Kundizzjoni tat-trasferiment effettiv tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba fi skema oħra minbarra dik tal-BEI – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Objet :      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li bih P. Guinet jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jiċħad it-talba tiegħu li tikkonċerna l-kalkolu mill-ġdid ta’ drittijiet tiegħu tal-pensjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. P. Guinet għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għal tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati kwart tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Pensjonijiet – Drittijiet tal-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz – Transferiment lill-iskema tal-bank – Assenza ta’ fakultà għal membru tal-persunal li jwettaq trasferiment, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-bank u l-Istat Membru kkonċernat – Assenza ta’ possibbiltà għall-imsemmi membru li jixtri mill-ġdid is-snin ta’ assigurazzjoni addizzjonali – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-membri tal-persunal li għandhom l-imsemmija possibbiltajiet – Assenza

(Regolament tal-iskema tal-pensjoni tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 21-1)

3.      Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt – Ċittadin ta’ Stat Membru impjegat minn organu tal-Unjoni – Drittijiet tal-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-organi tal-Unjoni – Trasferiment lill-iskema tal-organu tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix il-fakultà ta’ trasferiment – Ksur tad-dritt tal-Unjoni – Assenza – Eżistenza ta’ ostaklu għall-moviment liberu tal-persuni – Assenza

(Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE)

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Portata – Obbligu li jiġu adottati miżuri fl-interess tas-servizz fl-assenza ta’ bażi legali – Assenza

5.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Responsabbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekwità – Kundanna tal-parti li tirbaħ għal parti mill-ispejjeż tagħha

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 88)

1.      Sabiex jiġi deċiż jekk ġiex sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fir-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dokumenti li permezz tagħhom id-deċiżjoni hija kkomunikata, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi li fihom din ittieħdet u ġiet mgħarrfa lill-persuna kkonċernata. Huwa possibbli wkoll li jiġi kkunsidrat li deċiżjoni tkun mmotivata suffiċjentement meta din tittieħed f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat li tippermettilu jifhem il-portata tagħha. Barra minn hekk, il-konnoxxenza mill-persuna kkonċernata tal-kuntest li fih tittieħed deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punt 44)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 7 ta Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop, T-283/08 P, punt 68; 24 ta’ Ottubru 2011, P vs Il-Parlament, T-213/10 P, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Sevizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2010, Taillard vs Il-Parlament, F-97/09, punt 33; 15 ta’ Frar 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F-81/09, punt 40


2.      Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali biss meta jiġi applikat trattament differenti lil żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet legali u fattwali tagħhom ma jippreżentawx differenza essenzjali jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku.

Il-benefiċċju tar-retroattività previst mil-leġiżlazzjoni interna tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jifforma parti mill-mekkaniżmu li jippremetti x-xiri ta’ snin addizzjonali ta’ servizz, ma huwa xejn iktar ħlief mezz sabiex jiġu nnewtralizzati l-effetti li jippenalizzaw kwalunkwe dewmien, mhux imputabbli lill-membru tal-persunal ikkonċernat, fit-trasferiment tad-drittijiet tiegħu tal-pensjoni inkonnessjoni mad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu mal-Bank Ewropew tal-Investiment. Tali effetti negattivi jirriżultaw b’mod partikolari miż-żieda fl-età tal-persuna kkonċernata u mill-progess fil-karriera tagħha, li jwasslu għal żieda fil-prezz tax-xiri ta’ sena addizzjonali ta’ assigurazzjoni. Kemm id-dritt li jingħata l-benifiċċju tar-retroattività kif ukoll l-ammont tal-imsemmi benefiċċju huma marbuta b’mod indiviżibbli mat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tal-persuna kkonċernata. Isegwi li l-benefiċċju tar-retroattività ma huwiex kalkolu mill-ġdid awtonomu tad-drittijiet tal-pensjoni fl-iskema tal-pensjoni tal-BEI li jista’ jibbenefika minnha membru tal-persunal li ma ttrasferixxiex id-drittijiet tiegħu tal-pensjoni miksuba fl-iskema nazzjonali.

Konsegwentement, fir-rigward tal-benefiċċju tar-retroattività, is-sitwazzjoni fattwali u legali ta’ persuna, li ma setgħtex twettaq trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni, ma hijiex l-istess bħal dik tal-membri tal-persunal tal-BEI li d-drittijiet tagħhom tal-pensjoni mħallsa fl-iskema tal-pensjoni tal-BEI setgħu jintlaqtu b’mod negattiv minn dewmien, mhux imputabbli lill-imsemmija membri tal-persunal, fit-tranżazzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni.

(ara l-punti 57, 60, 62 u 63)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 15 ta’ Marzu 1994, La Pietra vs Il-Kummissjoni, T-100/92, punt 50

It-Tribunal għas-Sevizz Pubbliku: 26 ta’ Settembru 2011, Arnaldos Rosauro et vs Il-Kummissjoni, F-29/06, punt 157

3.      Fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bejn l-Istati Membri, la t-Trattat FUE, la r-Regolament Nru 1408/71, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, u lanqas ir-Regolament li ssostitwixxieh, jiġfieri r-Regolament Nru 883/2004, dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, ma jipprevedu regoli li jikkonċernaw it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tal-pensjoni miksuba diġà iżda li huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ totalizzazzjoni tal-perijodi u tal-proratizzazzjoni tal-benefiċċji, kif jirriżulta mill-Artikolu 48 TFUE kif implimentat mill-imsemmija regolamenti.

Għalhekk, mill-Artikolu 45 TFUE la jirriżulta l-obbligu, tal-Istat Membru, li jipprovdi l-fakultà għal membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jittrasferixxi l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba minn qabel lejn l-iskema tal-pensjoni tal-bank u lanqas l-obbligu li jikkonkludi ftehim f’dan is-sens.

Konsegwentement, l-assenza ta’ tali fakultà għall-membri tal-persunal tal-bank, ma tistax titqies li hija ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

(ara l-punti 76 sa 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C-233/12, punti 33 u 35

4.      Id-dmir ta’ premura kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplikaw li, meta tiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; u meta tagħmel dan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Madankollu, id-dmirijiet ta’ premura, ta’ bona fide u ta’ amministrazzjoni tajba ma jistgħux jiġġustifikaw li l-amministrazzjoni tadotta miżuri fl-interess tar-rikorrent fl-assenza ta’ kull bażi legali.

Isegwi li, fl-assenza ta’ bażi legali sabiex jingħata lil wieħed mill-membri tal-persunal tagħha benefiċċju marbut max-xiri ta’ snin ta’ assigurazzjoni addizzjonali jew ta’ kull obbligu legali ta’ għoti ta’ kumpens għall-iżvantaġġ finanzjarju subit minn dan il-membru tal-persunal minħabba l-assenza ta’ ftehim ta’ trasferiment bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istat Membru fejn dan ikun kiseb id-drittijiet tiegħu tal-pensjoni, ma jistax jiġi allegat li l-BEI ma addottax l-imsemmi benefiċċju, bi ksur ta’ dmirijietu ta’ premura, ta’ bona fide u ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l-punti 83 u 84)

Referenza:

It-Tribunal għas-Sevizz Pubbliku: 19 ta’ Frar 2013, BB vs Il-Kummissjoni, F-17/11, punt 61

5.      Skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, parti, anki rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata parzjalment, jew totalment għall-ispejjeż, jekk din tkun tidher iġġustifikata minħabba l-komportament tagħha. Dan ikun il-każ meta l-parti rebbieħa tkun ippreżentat għall-ewwel darba, waqt is-seduta, argumenti li kienu jaffettwaw b’mod fundamentali l-ġestjoni tal-kawża fil-każ li wieħed minn dawn l-argumenti kien fondat, mingħajr ma tagħti spjegazzjoni dwar il-preżentata tardiva ta’ dawn l-argumenti.

(ara l-punti 94 u 96)