Language of document : ECLI:EU:T:2023:376

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

5 ta’ Lulju 2023 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja – Dazji antidumping definittivi – Talba għal reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri – Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 5(3) u (9) tar-Regolament 2016/1036 – Terminu legali – Natura suffiċjenti tal-provi – Proċedura għall-ikkompletar tal-informazzjoni – Informazzjoni ppreżentata barra mit-terminu legali”

Fil-Kawża T‑126/21,

AO Nevinnomysskiy Azot, stabbilita f’Nevinnomyssk (ir-Russja),

AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”, stabbilita f’Novomoskovsk (ir-Russja),

irrappreżentati minn P. Vander Schueren u T. Martin‑Brieu, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Fertilizers Europe, irrappreżentata minn B. O’Connor u M. Hommé, avocats,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn D. Spielmann, President, U. Öberg (Relatur), R. Mastroianni, M. Brkan u I. Gâlea, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, AO Nevinnomysskiy Azot u AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”, jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2100 tal‑15 ta’ Diċembru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2020, L 425, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti huma produtturi u esportaturi ta’ nitrat tal-ammonju stabbiliti fir-Russja.

3        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2022/95 tas‑16 ta’ Awwissu 1995 li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU 1995, L 198, p. 1), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li jaqgħu taħt il-kodiċi ta’ nomenklatura magħquda 3102 30 90 u 3102 40 90 u li joriġinaw mir-Russja.

4        Wara l-ewwel reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, prevista fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), u l-ewwel reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, inżamm dazju antidumping definittiv fuq l-esportazzjonijiet mir-Russja permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 658/2002 tal‑15 ta’ April 2002 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat ta’ ammonju li joriġina fir-Russja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 67).

5        Wara t-tieni reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri u t-tieni reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament Nru 384/96, il-Kunsill żamm il-miżuri fis-seħħ permezz tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 tat‑8 ta’ Lulju 2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat ta’ l-ammonju li joriġinaw
mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skond
l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2008, L 185, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 339, p. 59).

6        Wara t-tielet reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri, il-Kummissjoni Ewropea żammet il-miżuri fis-seħħ permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 999/2014 tat‑23 ta’ Settembru 2014 l li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2014, L 280, p. 19).

7        Wara reviżjoni interim u skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1722 tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 999/2014 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (EU) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 287, p. 3).

8        Għaldaqstant, ir-rikorrenti baqgħu suġġetti għal dazju antidumping ta’ bejn EUR 28.78 u EUR 32.71 għal kull tunnellata skont it-tip ta’ prodott, applikabbli għat-territorju Russu kollu.

9        Fil‑21 ta’ Ġunju 2019, l-intervenjenti, Fertilizers Europe, assoċjazzjoni Ewropea ta’ produtturi ta’ fertilizzanti, ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għall-ftuħ ta’ reviżjoni tal-iskadenza ta’ dawn id-dazji, abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem it-“talba inizjali”). Dan it-tressiq seħħ wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping (ĠU 2019, C 53, p. 3), li fosthom kien hemm id-dazju msemmi fil-punt 8 iktar ’il fuq.

10      It-talba inizjali kienet issostni li kien hemm provi ta’ kontinwazzjoni tad-dumping fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri, fuq il-bażi ta’ paragun bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u valur normali maħdum. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti kienet invokat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fir-Russja, minħabba ftehim ta’ limitazzjoni tal-prezzijiet u minħabba l-istrateġija tal-Gvern Russu li jiffissa prezzijiet artifiċjalment baxxi għall-gass naturali, li jikkostitwixxi l-input prinċipali tan-nitrat tal-ammonju.

11      Wara talba tal-Kummissjoni, l-intervenjenti, fl‑20 ta’ Awwissu 2019, ippreżentat informazzjoni addizzjonali (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni addizzjonali”), li ġiet integrata f’verżjoni kkonsolidata tat-talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri (iktar ’il quddiem it-“talba kkonsolidata”). L-informazzjoni addizzjonali miżjuda b’dan il-mod mat-talba kkonsolidata kienet ibbażata fuq valur normali bbażat fuq il-prezzijiet reali fis-suq intern Russu.

12      Fit‑23 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat in-Notifika ta’ bidu għar-rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU 2019, C 318, p. 6, iktar ’il quddiem in-“Notifika ta’ bidu”), billi qieset li kien hemm biżżejjed provi sabiex tinbeda reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri u sabiex issir investigazzjoni.

13      Wara l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara jekk il-miżuri antidumping fis-seħħ fuq in-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja jiskadu. Għaldaqstant, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, hija ddeċidiet li testendi dawn il-miżuri għal perijodu ta’ ħames snin.

 Ittalbiet talpartijiet

14      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà ta’ prova addizzjonali

16      Wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, fis-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrenti ppreżentaw prova supplimentari, li tikkonsisti f’tabella pprovduta mill-aġenzija ta’ informazzjoni u ta’ analiżi Chem-courier, li tagħti informazzjoni dwar il-prezzijiet medji mensili tan-nitrat tal-ammonju tal-fabbrika Acron Novgorod għas-sena 2018 (iktar ’il quddiem l-“Anness G.1”).

17      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni u l-intervenjenti sostnew li din il-prova kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Huma allegaw li hija kienet tardiva, fis-sens tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u li r-rikorrenti ma kinux iġġustifikaw id-dewmien fil-produzzjoni ta’ din il-prova ġdida.

18      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi b’mod esplitiċu li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti jibqgħu rriżervati. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punti 71 u 72).

19      F’dan il-każ, it-tabella tal-prezzijiet medji mensili tan-nitrat tal-ammonju tal-fabbrika Acron Novgorod għas-sena 2018, li tinsab fl-Anness G.1, ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li ġiet prodotta waqt is-seduta bi ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

20      Din il-prova hija intiża sabiex tirrispondi għall-argumenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punti 30 u 32 tat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fil‑25 ta’ Lulju 2022.

21      Fil-fatt, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑25 ta’ Lulju 2022, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tindika r-raġunijiet li għalihom, fil-kuntest tal-kalkoli tal-marġni ta’ dumping li jinsabu fit-talba kkonsolidata, kien iġġustifikat għall-intervenjenti li tieħu inkunsiderazzjoni punti ta’ tluq u punti ta’ wasla differenti, u għalhekk aġġustamenti differenti tal-ispejjeż ta’ trasport, jiġifieri l-fabbrika Novomoskovsk Eurochem għall-paragun tal-prezzijiet realment ipprattikati fis-suq intern Russu mal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet lejn l-Estonja, lejn il-bqija tal-Unjoni Ewropea u lejn il-Brażil, u l-fabbrika Acron Novgorod għall-paragun tal-valur normali maħdum mal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Estonja, lejn il-bqija tal-Unjoni u lejn il-Brażil.

22      Fir-risposta tagħha għall-ħames mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li wieħed ma setax raġonevolment jistenna li l-intervenjenti tkun tista’ tikseb informazzjoni kemm fuq l-ispejjeż kif ukoll fuq il-prezzijiet tal-istess fabbrika fir-Russja, f’liema każ l-istess punt ta’ tluq seta’ jintuża fiż-żewġ metodi. Wara li indikat li l-fabbrika Acron Novgorod kienet relattivament eqreb il-fruntiera mal-Estonja mill-fabbrika Novomoskovsk Eurochem, b’tali mod li hija kienet ikkonfrontata bi spejjeż ta’ trasport inqas għoljin, il-Kummissjoni żiedet b’mod partikolari li l-aġġustamenti kienu saru abbażi tal-provi li raġonevolment kienu għad-dispożizzjoni tal-intervenjenti.

23      Il-pożizzjoni espressa b’dan il-mod mill-Kummissjoni ma tirriżultax min-Notifika ta’ bidu, mir-Regolament ikkontestat, mir-risposta, u lanqas mill-kontroreplika, b’tali mod li r-rikorrenti saru jafu biha biss bit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

24      Issa, permezz tal-produzzjoni tal-Anness G.1, ir-rikorrenti jipprovaw jikkontradixxu lill-Kummissjoni u jistabbilixxu li huwa żbaljat li jiġi allegat li l-intervenjenti ma setgħetx tikseb informazzjoni dwar l-ispejjeż u dwar il-prezzijiet tal-istess fabbrika fir-Russja, inkluż għal Acron Novgorod. Huma jsostnu li Chem-courier, ikkunsidrata mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti bħala sors espert indipendenti, tistabbilixxi tali listi ta’ prezzijiet għal kull fabbrika tan-nitrat tal-ammonju u jipproduċu, għal dan l-għan, it-tabella tal-prezzijiet medji mensili tan-nitrat tal-ammonju tal-fabbrika Acron Novgorod għas-sena 2018.

25      Għaldaqstant, l-Anness G.1, ippreżentat mir-rikorrenti waqt is-seduta, għandu jiġi kkunsidrat bħala prova kuntrarja, u r-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex applikabbli, b’tali mod li huwa ammissibbli.

 Fuq ilmertu

26      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 11(2) u (5) tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-Artikolu 5(3) tal-istess regolament, sa fejn il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, bdiet il-proċedura ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, minkejja l-assenza ta’ provi suffiċjenti sabiex tagħmel dan.

27      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss it-talba inizjali sabiex tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura suffiċjenti tal-provi prodotti sabiex tinbeda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri u mhux informazzjoni addizzjonali, li allegatament biddlet is-sustanza tal-imsemmija talba. Hija kellha wkoll teżamina l-eżattezza u l-adegwatezza tal-provi prodotti mill-intervenjenti fit-talba inizjali. Fit-tieni lok, huma jsostnu li t-talba inizjali ma kienx fiha provi suffiċjenti ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri. Fit-tielet lok, huma jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li t-talba kkonsolidata kienet tinkludi provi suffiċjenti ta’ tali probabbiltà.

28      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li qabel kollox teżamina l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali fid-dawl tal-kriterji legali applikabbli għat-talbiet għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri ppreżentati minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom, abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq listħarriġ talQorti Ġenerali u lprinċipji li jirregolaw linterpretazzjoni tarRegolament bażiku

29      Fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-kuntest, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jinterferixxix fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-imsemmija istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda sempliċement jirrileva jekk dawn l-elementi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet misluta minnhom. (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ sħiħ, li jinkludi l-interpretazzjoni li għandha ssir ta’ dispożizzjonijiet legali abbażi ta’ elementi oġġettivi kif ukoll il-verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni humiex issodisfatti jew le. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34, u tad‑9 ta’ Novembru 2022, Il-Kambodja u CRF vs il-Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2022:694, punt 45).

32      F’dan ir-rigward, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni dwar it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, f’konformità mal-imsemmija ftehimiet. (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta obbligu speċifiku assunt fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehimiet tad-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 49; tad‑9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 54, u tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 30), li jimplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adotta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ April 2022, Yieh United Steel vs Il-Kummissjoni, C‑79/20 P, EU:C:2022:305, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għalhekk, mill-premessi 2 u 3 tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan tal-aħħar għandu b’mod partikolari l-għan li jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli tal-Ftehim dwar l-Implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping”), li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, dawk dwar it-tul u r-reviżjoni tal-miżuri antidumping, u dan sabiex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti tal-imsemmija regoli. Il-premessa 4 tar-Regolament bażiku żżid li huwa essenzjali, sabiex jinżamm il-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mill-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal‑1994, li l-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli mill-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha.

35      B’mod iktar speċifiku, permezz tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplimenta l-obbligi partikolari li jinvolvi l-Artikolu 11.3 tal-Ftehim Antidumping. (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑45/06, EU:T:2008:398, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      L-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jikkostitwixxi, min-naħa tiegħu, essenzjalment, it-traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-Artikoli 5.1 sa 5.9 u tal-Artikolu 6.1.3 tal-Ftehim Antidumping, fid-dawl ta’ liema huwa għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, kif ukoll fid-dawl tal-interpretazzjoni tiegħu li saret mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO. (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il-Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 90, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:740, punt 90).

37      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni bdietx ir-reviżjoni skont il-kriterji legali applikabbli għat-talbiet għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, imressqa minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom, abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

 Fuq innatura suffiċjenti talprovi li jinsabu fittalba inizjali fiddawl talkriterji legali applikabbli għattalbiet għal reviżjoni taliskadenza talmiżuri

38      Skont ir-rikorrenti, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-istess artikolu, in-natura suffiċjenti tal-provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara għandha tiġi evalwata b’relazzjoni mal-provi li jinsabu fit-talba għal reviżjoni mressqa “mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin” li fi tmiemu l-miżuri antidumping jiskadu (iktar ’il quddiem it-“terminu legali”).

39      Verżjoni kkonsolidata tat-talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, ippreżentata wara t-terminu legali u matul it-tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin, ma tikkostitwixxix bażi valida, peress li ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tippermetti li jiġu ppreżentati provi ġodda wara t-terminu legali, sabiex tiġi kkumpensata jew irrimedjata l-assenza ta’ provi suffiċjenti fil-mument tat-tressiq tat-talba għal reviżjoni fl-imsemmi terminu.

40      Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tinbeda reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri ma tistax tiġi ġġustifikata minn argumenti jew provi ġodda li ma kinux jeżistu fil-mument tat-tressiq tat-talba għal reviżjoni fit-terminu legali. Huma biss il-kjarifiki li jippermettu li jiġu mifhuma jew ikkoreġuti l-provi diġà prodotti fl-imsemmi terminu, jew li jippermettu li tiġi kkonfermata n-natura suffiċjenti tagħhom, li jistgħu jintalbu jew jiġu ppreżentati matul it-tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin.

41      Skont ir-rikorrenti, f’dan ir-rigward għandha ssir distinzjoni bejn il-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali, irregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li ma huwa suġġett għal ebda terminu li fih ilment li jinkludi provi suffiċjenti għandu jiġi ppreżentat, u l-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, abbażi tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament, li jeħtieġ li talba għal reviżjoni li tinkludi biżżejjed provi titressaq fit-terminu legali. L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(9) tal-imsemmi regolament għall-proċeduri ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri hija allegatament, barra minn hekk, eskluża mill-Artikolu 11(5) tal-istess regolament.

42      Ir-rikorrenti jżidu li, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament huwa applikabbli għar-reviżjonijiet tal-iskadenza tal-miżuri, b’tali mod li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina l-eżattezza u l-adegwatezza tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali.

43      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li mill-ġurisprudenza tad-WTO jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-kriterju tal-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali stabbilit fl-Artikolu 5.3 tal-Ftehim Antidumping sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata barra mit-terminu legali, peress li dan ma huwiex applikabbli għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

44      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku hija kkonfermata mid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas‑17 ta’ Marzu 2016 li tagħlaq l-investigazzjoni dwar l-ilment 577/2014/MDC dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess, konformement mar-Regolament Nru 1225/2009, għal talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Ombudsman dwar l-ilment 577/2014/MDC”).

45      Issa, f’dan il-każ, kienet biss it-talba inizjali li allegatament tressqet fit-terminu legali u l-uniċi provi relatati ma’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri ppreżentati fl-imsemmija talba kienu jirrigwardaw il-kalkoli tal-marġni ta’ dumping ibbażati fuq valur normali maħdum.

46      Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni addizzjonali, ippreżentata fl‑20 ta’ Awwissu 2019, jiġifieri kważi xahrejn wara l-iskadenza tat-terminu legali, li tinsab fit-talba kkonsolidata, tistabbilixxi marġni ta’ dumping ibbażat fuq prezzijiet interni reali fir-Russja. Għalhekk dawn huma allegatament provi ġodda, irregolati minn dispożizzjonijiet legali distinti u bbażati fuq metodoloġija ta’ kalkolu differenti, li kienu jbiddlu s-sustanza tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx teħodhom inkunsiderazzjoni.

47      L-assenza ta’ provi suffiċjenti li jinsabu fit-talba inizjali tirriżulta wkoll mill-premessa 23 tar-Regolament ikkontestat, li tindika essenzjalment li, mingħajr il-kjarifiki ppreżentati mill-intervenjenti barra mit-terminu legali, ma kienx ikun hemm provi suffiċjenti li jippermettu li jiġi ġġustifikat il-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

48      Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta indikat, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 20 tar-Regolament ikkontestat, li ma kienx rilevanti li t-talba inizjali ġiet ikkompletata b’valuri normali stmati abbażi ta’ informazzjoni disponibbli dwar il-prezzijiet interni reali fir-Russja, u meta ddeċidiet li tibda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri “abbażi tat-talba għal reviżjoni kkonsolidata”, peress li din tinkludi provi ġodda, ippreżentati barra mit-terminu legali. B’hekk hija kisret l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku meta ddeċidiet li tibda l-imsemmija proċedura ta’ reviżjoni minkejja l-assenza ta’ provi suffiċjenti ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping.

49      Il-Kummissjoni ssostni li ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tillimita l-analiżi tagħha għall-informazzjoni li tinsab fit-talba għal reviżjoni kif ippreżentata fit-terminu legali. Il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tal-provi għandha tiġi sodisfatta biss fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni li tinbeda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li l-prova tal-kontinwazzjoni tad-dumping tkun diġà ġiet stabbilita.

50      Jingħad li l-proċess stabbilit mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku huwa proċess dinamiku. Jekk ikun il-każ, verżjoni kkonsolidata tat-talba għal reviżjoni, imressqa matul it-tliet xhur ta’ qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin, li warajh jiskadu l-miżuri antidumping, tista’ tikkomplementa jew tiċċara t-talba għal reviżjoni ppreżentata fit-terminu legali permezz ta’ informazzjoni addizzjonali u kjarifiki ppreżentati mill-produtturi tal-Unjoni fuq inizjattiva tagħhom stess jew wara skambji mal-Kummissjoni. Din il-verżjoni kkonsolidata ma tistax tissostitwixxi t-talba għal reviżjoni mressqa fit-terminu legali, u lanqas tbiddel is-sustanza tagħha, u ma tistax tikkostitwixxi tressiq ġdid.

51      F’dan ir-rigward, il-paragrafi 3 u 9 tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, li jirregolaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni antidumping inizjali, huma, skont l-Artikolu 11(5) tal-imsemmi regolament, applikabbli għall-bidu ta’ reviżjonijiet abbażi tal-iskadenza tal-miżuri u jikkonfermaw l-interpretazzjoni li tgħid li huwa fil-mument li fih il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni li tibda tali reviżjonijiet li hija għandha tiġġustifika l-eżistenza ta’ provi suffiċjenti li skonthom l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping dannuż, u li hija tista’ tiġbor informazzjoni addizzjonali għal dan l-għan.

52      Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-verifika tal-eżattezza u tal-adegwatezza tal-provi li jinsabu f’talba għal reviżjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Bażiku, hija mezz sabiex tiġi ddeterminata n-natura suffiċjenti tagħhom, il-kriterju legali li għandu jiġi applikat, meta jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar jekk huwiex xieraq li tinfetaħ investigazzjoni ta’ reviżjoni, huwa marbut biss man-“natura suffiċjenti” tal-provi fil-mument tal-bidu tal-imsemmija reviżjoni, u mhux mal-adegwatezza u l-eżattezza tagħhom.

53      Skont il-Kummissjoni, kull interpretazzjoni differenti tillimita l-possibbiltà tagħha li teżamina n-natura suffiċjenti tal-provi, u dan huwa allegatament ikkonfermat mid-deċiżjoni tal-Ombudsman dwar l-ilment 577/2014/MDC, iċċitata mir-rikorrenti.

54      Il-Kummissjoni żżid, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-investigazzjonijiet inizjali u dawk applikabbli għar-reviżjonijiet tal-iskadenza tal-miżuri, inklużi t-termini, ma jippreżupponux li, fil-kuntest tal-imsemmija reviżjonijiet, l-assenza ta’ provi suffiċjenti fit-talba inizjali ma tistax tiġi rrettifikata permezz ta’ talbiet sussegwenti tal-Kummissjoni.

55      F’dan il-każ, it-talba inizjali ma ġietx eżaminata b’mod iżolat, iżda flimkien mal-informazzjoni addizzjonali ppreżentata matul it-tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin u li tinsab fit-talba kkonsolidata.

56      Il-kalkoli tal-marġni ta’ dumping imwettqa abbażi tal-prezzijiet reali fis-suq intern Russu, li jinsabu fit-talba kkonsolidata, allegatament ikkonfermaw u kkompletaw il-provi essenzjali li jirrigwardaw paragun bejn il-valur normali maħdum u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni li jinsabu fit-talba inizjali, mingħajr ma biddlu l-fondatezza tal-allegazzjonijiet li jinsabu f’din tal-aħħar.

57      Barra minn hekk, ir-rikorrenti allegatament jagħmlu qari żbaljat tal-premessa 23 tar-Regolament ikkontestat, li tipprovdi b’mod ċar li r-reviżjoni nbdiet abbażi kemm tat-talba inizjali kif ukoll tal-informazzjoni addizzjonali u ma tindirizzax il-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni pprovduta fit-talba inizjali kinitx suffiċjenti sabiex tinbeda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

58      Għaldaqstant, jingħad li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta bbażat ruħha, fil-mument li fih iddeċidiet li tibda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, fuq it-talba kkonsolidata sabiex tikkunsidra li hija kellha biżżejjed provi f’dan ir-rigward.

59      L-intervenjenti tirreferi essenzjalment għall-argumenti tal-Kummissjoni.

60      Għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ilmenti tar-rikorrenti dwar, fl-ewwel lok, il-ksur tal-kriterji legali applikabbli għall-kontenut ta’ talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri mressqa fit-terminu legali u, fit-tieni lok, in-natura suffiċjenti tal-provi fit-talba inizjali u n-natura tal-informazzjoni addizzjonali.

–       Fuq ilkriterji legali applikabbli għallkontenut ta’ talba għal reviżjoni

61      Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, dazju antidumping għandu jkun applikabbli biss sakemm u sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi kontrobbilanċjat dumping li kkawża ħsara.

62      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jipprevedi li miżura antidumping tiskadi ħames snin wara li hija tiġi stabbilita jew ħames snin wara d-data tal-konklużjoni tar-reviżjoni l-iktar reċenti li tkun kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jkunx ġie stabbilit f’reviżjoni li l-iskadenza tal-miżura x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara. Reviżjoni ta’ miżuri li jkunu waslu għall-iskadenza għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn produtturi tal-Unjoni, jew f’isimhom, u l-miżura għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm joħorġu r-riżultati ta’ din ir-reviżjoni.

63      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jispeċifika, b’mod partikolari, li ssir reviżjoni ta’ miżuri li jkunu waslu għall-iskadenza meta t-talba jkun fiha biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara. Skont ir-raba’ subparagrafu tal-imsemmi artikolu, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jressqu talba għal reviżjoni skont it-tieni paragrafu, mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.

64      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha ssir tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-tieni u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku kif ukoll fir-rigward tal-verifika tal-fatt li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom huma ssodisfatti.

65      Fl-ewwel lok, minn qari letterali tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jirriżulta li t-talba għal reviżjoni li għandha titressaq minn jew f’isem produtturi tal-Unjoni, sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin li fi tmiemu l-miżuri antidumping jiskadu, għandha diġà tinkludi biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara.

66      Fil-fatt, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi t-terminu legali li fih it-talba għal reviżjoni għandha titressaq mill-produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom, jirreferi b’mod espliċitu għat-tieni subparagrafu, li jispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontenut tal-imsemmija talba li jippermettu li ssir reviżjoni.

67      Peress li mill-formulazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jirriżulta li talba għal reviżjoni, imressqa mill-produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin, għandha tkun konformi mat-tieni subparagrafu, hija għandha għalhekk, mhux iktar tard minn din id-data, tkun tinkludi biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, sabiex jiġi ġġustifikat il-bidu tar-reviżjoni.

68      Tali interpretazzjoni tat-tieni u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku ġiet adottata wkoll mill-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu dwar l-ilment 577/2014/MDC, li kien jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess ta’ parti kkonċernata għall-verżjoni inizjali ta’ talba għal reviżjoni mressqa fit-terminu legali, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti. F’din id-deċiżjoni, l-Ombudsman osserva ġustament li t-tressiq, fit-terminu legali, ta’ talba li tinkludi biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara kienu ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu li ssir reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri. L-aċċess għall-verżjoni ta’ talba għal reviżjoni mressqa fit-terminu legali jippermetti għalhekk lill-partijiet ikkonċernati jivverifikaw jekk, f’dan l-istadju tal-proċedura, il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu kinux issodisfatti.

69      L-għan tat-tieni u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku li jiġi żgurat li l-provi prodotti lill-Kummissjoni fit-terminu legali jkunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri ma jistax jintlaħaq jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li l-produtturi tal-Unjoni għandhom tliet xhur addizzjonali, wara l-iskadenza tat-terminu legali, sabiex jissodisfaw din il-kundizzjoni.

70      L-istabbiliment tat-terminu ta’ tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin li fi tmiemu l-miżuri antidumping jiskadu jikkontribwixxi għalhekk sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, billi jippermetti lill-operaturi fis-suq ikunu jafu, fi żmien xieraq, jekk il-miżuri antidumping jistgħux jinżammu, u dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni matul is-seduta, kif ukoll lil din tal-aħħar li jkollha tul ta’ żmien raġonevoli sabiex tevalwa l-provi li jinsabu f’talba għal reviżjoni mressqa fit-terminu legali minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom u sabiex tiżgura ruħha min-natura suffiċjenti u rilevanti tagħhom, sabiex jiġi evitat li miżura antidumping tinżamm indebitament lil hinn miż-żmien previst.

71      Fit-tieni lok, kif jaqblu l-partijiet, il-produtturi tal-Unjoni għandhom il-possibbiltà, wara t-terminu legali u matul it-terminu ta’ tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin, li jippreżentaw informazzjoni addizzjonali abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Għandu jitqies ukoll, kif jirrikonoxxu l-partijiet, li tali provi ma jistgħux jikkostitwixxu argumenti ġodda, u lanqas ma jistgħu jissostitwixxu t-talba għal reviżjoni mressqa fit-terminu legali jew jagħmlu tajjeb għan-natura insuffiċjenti tal-provi li jinsabu fiha. Fil-fatt, għalkemm, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni sostniet li d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-investigazzjonijiet inizjali u dawk applikabbli għar-reviżjonijiet tal-iskadenza tal-miżuri, ma jippreżupponux li, fil-kuntest tal-imsemmija reviżjonijiet, l-assenza ta’ provi suffiċjenti fit-talba inizjali ma tistax tiġi rrettifikata permezz ta’ talbiet sussegwenti tal-Kummissjoni, hija madankollu rtirat din l-allegazzjoni waqt is-seduta.

72      Kif jirriżulta mill-punt 70 iktar ’il fuq, it-terminu ta’ tliet xhur qabel l-iskadenza tal-miżuri antidumping jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-provi li jinsabu fit-talba għal reviżjoni, kif tressqet fit-terminu legali, u tivverifika n-natura suffiċjenti u rilevanti tagħhom, qabel ma tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tinbeda r-reviżjoni. Għal dan l-għan, hija tista’ tirċievi jew titlob kjarifiki addizzjonali matul it-tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin, li jwasslu għal verżjoni kkonsolidata tat-talba.

73      Għalkemm il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata b’dan il-mod minn produttur tal-Unjoni sabiex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni wara talba għal reviżjoni mressqa minn jew f’isem produtturi tal-Unjoni, dawn il-produtturi tal-Unjoni jistgħu biss jikkompletaw jew jikkorroboraw provi suffiċjenti mibgħuta fit-terminu legali. Min-naħa l-oħra, huma ma jistgħux jikkostitwixxu argumenti jew provi ġodda, u lanqas ma jistgħu jagħmlu tajjeb għan-natura insuffiċjenti tal-provi li jinsabu fihom, li għandu jiġi evalwat f’relazzjoni mal-provi mibgħuta fit-terminu legali.

74      Għalhekk, u kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-assenza ta’ provi suffiċjenti prodotti fit-terminu legali mill-produtturi tal-Unjoni ma tistax tiġi rrettifikata ex officio mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura għall-ikkompletar ta’ informazzjoni mingħand l-imsemmija produtturi matul il-perijodu ta’ tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin.

75      Għalhekk, il-kwistjoni deċiżiva tirrigwarda kemm l-informazzjoni użata mill-Kummissjoni fil-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni abbażi ta’ talba minn, jew f’isem, produtturi tal-Unjoni, kif ukoll il-mument li fih il-Kummissjoni rċeviet din l-informazzjoni, u l-punt sa fejn l-informazzjoni rċevuta fil-perjodu legali tikkostitwixxi provi suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara.

76      Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li t-tliet xhur eżattament qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin kienu inklużi fit-terminu li fih talba għal reviżjoni li tinkludi biżżejjed provi setgħet titressaq u li l-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tal-provi kellha tiġi ssodisfatta biss fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni li tinbeda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

77      Tali interpretazzjoni kuntrarja tneħħi s-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku billi tirrendi mingħajr skop l-obbligu legali previst fih u tmur kontra l-għan tal-proċedura ta’ reviżjoni, li huwa li jintalab li t-talba mressqa minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin tkun konformi mar-rekwiżit ta’ prova meħtieġ, previst fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li abbażi tiegħu hija għandha tinkludi provi suffiċjenti tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri.

78      Ir-riferiment li l-Kummissjoni tagħmel għall-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju din il-konklużjoni.

79      Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku jipprevedi li d-disposizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament rigward il-proċeduri u t-twettieq tal-investigazzjonijiet, ħlief dawk li jirrigwardaw it-termini, japplikaw għal kull reviżjoni li titwettaq, b’mod partikolari, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

80      Minkejja li dan l-artikolu ma jirreferix b’mod espliċitu għad-dispożizzjonijiet rilevanti msemmija f’dan il-każ, diġà ġie deċiż li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku ma jestendix għall-proċeduri ta’ reviżjoni d-dispożizzjonijiet kollha dwar il-proċeduri u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet applikabbli fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali. L-Artikolu 11(5) tal-imsemmi regolament jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni għan-natura rilevanti tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2018, Foshan Lihua Ceramic vs Il‑Kummissjoni, T‑654/16, EU:T:2018:525, punt 37).

81      Għalhekk, il-proċedura ta’ reviżjoni hija separata mill-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament bażiku. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li wħud mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-investigazzjoni inizjali ma humiex intiżi li japplikaw għall-proċedura ta’ reviżjoni, fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tas-sistema stabbilita mir-Regolament bażiku. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 77).

82      Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, meta jkun jidher li hemm biżżejjed provi sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura, il-Kummissjoni għandha tibda din il-proċedura fi żmien ħamsa u erbgħin jum minn meta jkun tressaq l-ilment u għandha tħabbar il-bidu tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Meta l-provi jkunu insuffiċjenti, min jagħmel l-ilment għandu jkun informat b’dan fi żmien ħamsa u erbgħin jum mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment quddiem il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istati Membri informazzjoni li tikkonċerna l-eżami tagħha tal-ilment normalment fi żmien wieħed u għoxrin jum mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment quddiem il-Kummissjoni.

83      L-espressjoni “[f]ejn ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ proċedimenti”, li permezz tagħha jibda l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, ma tistax tinqara indipendentement mill-bqija ta’ din id-dispożizzjoni, li mill-kliem tagħha jirriżulta b’mod ċar li hija għandha l-għan li tispeċifika t-termini li fihom il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali mid-data tat-tressiq ta’ lment, tinforma lil-lanjant bl-assenza ta’ investigazzjoni jew tipprovdi lill-Istati Membri l-informazzjoni dwar l-eżami tal-ilment.

84      Issa, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku jirriżulta espliċitament li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi regolament li jikkonċernaw it-termini ma humiex applikabbli għar-reviżjonijiet tal-iskadenza tal-miżuri.

85      Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku huwa dispożizzjoni li tikkonċerna t-termini relatati mal-investigazzjonijiet antidumping inizjali, huwa ma jistax japplika għall-proċeduri ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, skont l-Artikolu 11(5) tal-imsemmi regolament, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti.

86      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Bażiku, “[i]l-Kummissjoni għandha, sa fejn ikun possibbli, teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-evidenza mogħtija fl-ilment, biex tiddetermina jekk hemmx biżżejjed evidenza biex tiġġustifika li jingħata bidu lill-investigazzjoni”.

87      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku jirrigwarda biss l-eżami, mill-Kummissjoni, tal-eżattezza u tal-adegwatezza tal-provi li jinsabu fi lment sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx provi suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali, u ma jistax jiġġustifika l-bidu ex officio ta’ proċedura għall-ikkompletar ta’ informazzjoni meta l-provi ppreżentati fit-terminu legali previst għat-talbiet għal reviżjoni tal-iskadenza ppreżentati minn jew f’isem produtturi tal-Unjoni ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara.

88      Ċertament, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tindika li l-ftuħ ta’ investigazzjoni, kemm jekk mal-bidu ta’ proċedura antidumping jew fil-kuntest ta’ reviżjoni ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping, huwa dejjem suġġett għall-eżistenza ta’ provi suffiċjenti tal-eżistenza ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnu (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Rima Eletrometalurgia vs Il-Kunsill, C‑216/91, EU:C:1993:912, punt 16).

89      Madankollu, din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88 tal‑11 ta’ Lulju 1988 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1988, L 209, p. 1), li fih id-dispożizzjoni dwar il-bidu ta’ reviżjoni kienet tirreferi b’mod espliċitu għall-artikolu dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali.

90      Fil-fatt, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2423/88, iddedikat kompletament għall-proċedura ta’ reviżjoni, kien jirreferi, fir-rigward tas-sistema tal-investigazzjoni, għall-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura inizjali. Permezz ta’ dan ir-riferiment espliċitu, il-leġiżlatur Komunitarju kien esprima li kellhom jiġu segwiti l-istess regoli fil-qasam ta’ investigazzjoni “inizjali” jew “ta’ reviżjoni” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, C‑245/95 P, EU:C:1997:400, punt 81).

91      Issa, ir-Regolament Nru 2423/88 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94 tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1994, L 349, p. 1), li fih il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni nbidlet, u sussegwentement inżammet fl-istat attwali tal-Artikoli 5 u 11 tar-Regolament bażiku, li ma għadhomx jinkludu tali riferiment espliċitu.

92      Ma hemm xejn fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku li jindika li l-kriterji fil-qasam tal-provi li huwa jistabbilixxi japplikaw għal proċeduri oħra minbarra l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet antidumping inizjali, u lanqas li l-kriterji stabbiliti fih jistgħu jkunu applikabbli wkoll għall-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni mal-iskadenza tal-miżuri wara talba għal reviżjoni mressqa minn jew f’isem produtturi tal-Unjoni.

93      Il-Kummissjoni tinterpreta wkoll b’mod żbaljat ir-rapporti tal-korpi tad-WTO li jinterpretaw l-Artikolu 5.3 tal-Ftehim Antidumping, li l-formulazzjoni tiegħu tikkoinċidi ma’ dik tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku, meta hija ssostni li minnhom jirriżulta li n-natura suffiċjenti tal-provi għandha tiġi evalwata fil-mument li fih hija tiddeċiedi dwar jekk huwiex xieraq li tiftaħ investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri u li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni addizzjonali ppreżentata barra mit-terminu legali għal dan l-għan.

94      Fil-fatt, l-analiżi mwettqa fir-rapport tal-grupp speċjali intitolat “Pakistan – Miżuri antidumping li jirrigwardaw il-film tal-polipropilen b’orjentazzjoni bijassjali mill-Emirati Għarab Magħquda”, adottat fit‑18 ta’ Jannar 2021 (WT/DS 538/R, paragrafu 7.30), kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha ssir tal-Artikolu 5.3 tal-Ftehim Antidumping rigward il-ftuħ ta’ investigazzjoni antidumping inizjali abbażi ta’ lment. Fir-rigward tal-analiżi li saret fir-rapport tal-grupp speċjali intitolat “L-Istati Uniti – Reviżjoni tal-estinzjoni li tirrigwarda l-azzar ittrattat kontra l-korrużjoni”, adottata fl‑14 ta’ Awwissu 2003 (WT/DS 244/R, paragrafi 7.27 sa 7.39 u 7.45), hija kienet tirrigwarda l-kriterji fil-qasam tal-provi stabbiliti fl-Artikoli 5.6 u 11.2 tal-Ftehim Antidumping, rigward, rispettivament, il-ftuħ ta’ investigazzjoni antidumping inizjali fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet, mingħajr ma titressaq quddiemhom talba bil-miktub għal dan l-għan minn fergħa ta’ produzzjoni nazzjonali jew f’isimha, u r-reviżjoni tal-miżuri antidumping fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet jew fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata. Issa, dawn il-kwistjonijiet ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża, b’tali mod li l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti f’dan ir-rigward huma ineffettivi.

95      Barra minn hekk, fir-rapport tal-grupp speċjali intitolat “Unjoni Ewropea – Metodi ta’ aġġustament tal-ispejjeż II (ir-Russja)”, adottat fl‑24 ta’ Lulju 2020 (WT/DS 494/R, paragrafi 7.332 u 7.333), ġie indikat b’mod espliċitu li, fl-Artikolu 11.3 tal-Ftehim Antidumping, l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għall-Artikolu 5.3 tal-imsemmi ftehim kellha tinftiehem bħala li timplika li l-kriterju għall-ftuħ ta’ reviżjoni tal-iskadenza huwa differenti mill-kriterju meħtieġ għall-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali, u li l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 5.3 tal-imsemmi ftehim ma japplikax għal reviżjoni tal-iskadenza.

96      Huwa minnu li, fir-rigward tar-rapport tal-grupp speċjali WT/DS 494/R, il-Kummissjoni indikat li kienet ippreżentat appell fit‑28 ta’ Awwissu 2020, segwita mill-Federazzjoni Russa, li appellat fit‑2 ta’ Settembru 2020. Peress li, attwalment, il-korp tal-appell ma huwiex f’pożizzjoni li jeżamina dawn l-appelli, peress li għad hemm postijiet vakanti fi ħdanu, il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li dan ir-rapport ma għandux valur bħala preċedent u li din it-tilwima ma tistax, fil-futur qarib, issib soluzzjoni legali.

97      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, l-intervenjenti sostniet li ma kienx mixtieq li l-qorti tal-Unjoni tittrasponi, bħala tali, estratt minn deċiżjoni ta’ korp tad-WTO u li timponih bħala interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet kellhom formulazzjoni u għan differenti.

98      Madankollu, fl-assenza ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ dumping mill-korp tal-appell, li l-qorti tal-Unjoni tista’, jekk ikun il-każ, tispira ruħha minnha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li l-formulazzjoni tagħhom tikkoinċidi fid-dritt tal-Unjoni, l-awtorità ta’ deċiżjoni ta’ grupp speċjali li hija s-suġġett ta’ appell “li waqa’ fuq widnejn torox” quddiem il-korp tal-appell tista’ biss, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq is-saħħa probatorja tar-raġunament li fuqu hija bbażata l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-korpi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO.

99      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li jinbeda “proċess dinamiku” li jikkonsisti f’li jintalbu l-kjarifiki ġodda meħtieġa mingħand il-produtturi tal-Unjoni sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit ta’ provi ta’ “natura suffiċjenti” fil-mument tal-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

100    Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Antidumping, jiġifieri l-paragrafi 3 u 9 tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, ma humiex applikabbli għar-reviżjonijiet tal-iskadenza tal-miżuri li jsegwu talba għal reviżjoni mressqa minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom, abbażi tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament. L-istruttura ġenerali u l-għanijiet tas-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament jipprekludu lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 11(5) tal-imsemmi regolament sabiex tikkumpensa għall-obbligu li tiżgura ruħha li t-talba għal reviżjoni hekk imressqa fit-terminu legali jkun fiha biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara.

101    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-differenza oġġettiva bejn proċedura ta’ reviżjoni u proċedura ta’ investigazzjoni inizjali tinstab fil-fatt li l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ reviżjoni huma dawk li diġà kienu s-suġġett tal-istabbiliment ta’ miżuri antidumping definittivi u li fir-rigward tagħhom, bħala prinċipju, ġew prodotti provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-iskadenza ta’ dawn x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara. Bil-kontra, meta importazzjonijiet ikunu suġġetti għal investigazzjoni inizjali, l-għan ta’ din huwa preċiżament li tiġi ddeterminata l-eżistenza, il-livell u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat (sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C‑422/02 P, EU:C:2005:56, punt 50, u tat‑28 ta’ April 2015, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑169/12, EU:T:2015:231, punt 60).

102    Għalhekk, f’investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-iskadenza ta’ miżuri wara talba għal reviżjoni mressqa minn jew f’isem il-produtturi tal-Unjoni, jekk il-provi prodotti fil-perjodu legali ma jkunux biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, il-miżura antidumping eżistenti tiskadi awtomatikament. Min-naħa l-oħra, jekk tali provi jkunu suffiċjenti u l-Kummissjoni tiftaħ l-imsemmija reviżjoni, id-dazji antidumping jinżammu awtomatikament matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

103    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu f’talba għal reviżjoni mressqa minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, hija ssodisfatta meta tali provi jiġu ppreżentati mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin, skont ir-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

104    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta affermat, fil-premessa 20 tar-Regolament ikkontestat, li ma kienx rilevanti li t-talba inizjali ġiet ikkompletata b’informazzjoni addizzjonali u li l-bidu tar-reviżjoni seta’ jiġi ġġustifikat abbażi tat-talba kkonsolidata.

–       Fuq innatura suffiċjenti talprovi fittalba inizjali u nnatura talinformazzjoni addizzjonali

105    Mill-analiżi mwettqa iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi n-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali, imressqa fil‑21 ta’ Ġunju 2019. Hija kellha t-terminu ta’ tliet xhur, jiġifieri sal‑25 ta’ Settembru 2019, data li fiha l-miżuri antidumping kellhom jiskadu, sabiex tagħmel dan. Fir-rigward tal-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-intervenjenti fl‑20 ta’ Awwissu 2019, barra mit-terminu legali, hija setgħet teħodha inkunsiderazzjoni biss sa fejn din kienet tikkompleta jew tikkorrobora provi suffiċjenti inklużi fit-talba inizjali u li ma kinux provi ġodda jew argumenti ġodda.

106    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-provi li jinsabu fit-talba inizjali, li servew bħala bażi għall-allegazzjonijiet ta’ kontinwazzjoni tad-dumping fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri, kienu bbażati fuq valur normali maħdum, peress li l-intervenjenti invokat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fir-Russja, minħabba ftehim ta’ limitazzjoni tal-prezzijiet, u l-istrateġija tal-Gvern Russu li jiffissa prezzijiet artifiċjalment baxxi għall-gass naturali, li jikkostitwixxi l-input prinċipali tan-nitrat tal-ammonju.

107    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-provi li jinsabu fl-informazzjoni addizzjonali, li tinsab fit-talba kkonsolidata, kienu jirrigwardaw valur normali ddeterminat abbażi tal-prezzijiet interni reali fis-suq Russu.

108    Issa, il-Qorti Ġenerali tosserva li jeżistu differenzi sostanzjali bejn il-provi esposti fit-talba inizjali għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u dawk ippreżentati fl-informazzjoni addizzjonali.

109    Fil-fatt, fir-rigward tat-talba inizjali, l-intervenjenti rrikorriet għall-valur normali maħdum. Hija invokat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fir-Russja, minħabba l-prezzijiet irregolati fis-suq intern Russu, b’tali mod li ma kienx hemm data affidabbli dwar il-prezzijiet interni għar-Russja matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, hija pproduċiet lista tal-prezzijiet massimi ddikjarati għall-fertilizzanti minerali għall-użu tal-produtturi agrikoli, ippubblikata fit‑18 ta’ April 2017, li kienet tkopri perijodu ta’ erba’ xhur fl‑2017.

110    L-intervenjenti għalhekk bniet il-valur normali abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tan-nitrat tal-ammonju fir-Russja u stmat l-ispiża reali tiegħu, qabel l-aġġustament tal-prezz tal-gass, għal 104.88 dollaru Amerikan (USD) għal kull tunnellata, jew 6387.19 rublu Russu (RUB) għal kull tunnellata. Minħabba l-prezzijiet artifiċjalment baxxi tal-gass fir-Russja, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-gass ikkunsinnat lil Waidhaus, fil-Ġermanja. Dawn l-ispejjeż reġgħu ġew aġġustati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tat-trasport li jammontaw għal EUR 6 għal kull tunnellata, l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra kif ukoll marġni ta’ qligħ medju ta’ 8 % u marġni ta’ qligħ Amerikan ta’ 29 %. Wara aġġustamenti tal-ispejjeż tal-gass, tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ spejjeż ġenerali oħra kif ukoll tal-marġnijiet ta’ qligħ, il-valur normali maħdum li ttieħed inkunsiderazzjoni kien, għall-Estonja u għall-bqija tal-Unjoni, ta’ EUR 191 għal kull tunnellata, bl-applikazzjoni tal-marġni ta’ qligħ ta’ 8 %, u ta’ EUR 247 għal kull tunnellata, bl-applikazzjoni tal-marġni ta’ qligħ ta’ 29 %.

111    Il-marġnijiet ta’ dumping ġew ikkalkolati billi tqabblu l-valuri normali maħduma mal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Estonja, lejn il-bqija tal-Unjoni u lejn il-Brażil, billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet medji tal-esportazzjoni li jammontaw għal EUR 139 għal kull tunnellata għall-Estonja, EUR 152 għal kull tunnellata għall-bqija tal-Unjoni u EUR 142 jew EUR 143 għal kull tunnellata għall-Brażil. Għall-Unjoni bl-eċċezzjoni tal-Estonja, l-intervenjenti waslet għal marġni ta’ dumping ta’ EUR 39 għal kull tunnellata, billi applikat il-marġni ta’ qligħ ta’ 8 %, u ta’ EUR 95 għal kull tunnellata, billi applikat il-marġni ta’ qligħ ta’ 29 %. Għall-Estonja, ir-riżultat kien, rispettivament, ta’ EUR 52 għal kull tunnellata u ta’ EUR 108 għal kull tunnellata.

112    Min-naħa l-oħra, fl-informazzjoni addizzjonali, l-intervenjenti bbażat ruħha fuq valur normali bbażat fuq il-prezzijiet reali pprattikati fis-suq intern Russu. Hija ħadet inkunsiderazzjoni lista ta’ prezzijiet kummerċjali għas-sena kalendarja 2018 u l-medja annwali tal-prezzijiet kummerċjali li joriġinaw mill-espert indipendenti Chem-courier. Hija użat prezz intern għan-nitrat tal-ammonju Russu li jammonta għal EUR 142 għal kull tunnellata, jew 10 501 RUB għal kull tunnellata, li ġie aġġustat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tat-trasport ta’ EUR 25 għal kull tunnellata.

113    Il-marġni ta’ dumping ġie għalhekk ikkalkolat billi sar il-paragun tal-prezzijiet realment ipprattikati fis-suq intern Russu mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz medju tal-esportazzjoni li jammonta għal EUR 133 għal kull tunnellata. L-intervenjenti waslet għal marġni ta’ dumping ta’ EUR 9 għal kull tunnellata.

114    Il-provi li jinsabu fl-informazzjoni addizzjonali huma għalhekk ibbażati fuq metodu ta’ kalkolu differenti għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping u huma bbażati fuq data differenti minn dik li tinsab fit-talba inizjali.

115    Barra minn hekk, dawn il-provi huma bbażati fuq bażi legali distinta u jirrigwardaw ċirkustanzi differenti.

116    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott tikkostitwixxi wieħed mill-istadji essenzjali li għandhom jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ eventwali dumping (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20; ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Sabiex jiġi ddeterminat dan il-valur normali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jesponi l-metodu prinċipali u jipprevedi li dan normalment huwa bbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn xerrejja indipendenti fil-pajjiż esportatur. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika li, meta l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali huwa stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 77; ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il-Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Dan il-prinċipju ġenerali japplika bi prijorità fid-determinazzjoni tal-valur normali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-istruttura tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-valur normali, huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, bi prijorità, sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 79; u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, ma huwiex possibbli li ssir deroga mill-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament ħlief fil-każ fejn ebda bejgħ tal-prodott simili ma jseħħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, meta dan il-bejgħ ma jkunx suffiċjenti, jew meta, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, tali bejgħ ma jippermettix paragun validu, billi jiġi kkalkolat il-valur normali jew abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini miżjuda b’ammont għall-ispejjeż u b’marġni ta’ qligħ raġonevoli, jiġifieri valur normali maħdum, jew abbażi ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni rappreżentattivi. Dawn id-derogi mill-metodu ta’ ffissar tal-valur normali skont il-prezzijiet reali huma ta’ natura eżawrjenti. (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 80; u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jistabbilixxu għalhekk ġerarkija bejn il-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur normali stabbiliti fih. Minn dan isegwi li s-sitwazzjonijiet koperti minn kull wieħed mill-imsemmija metodi ma jikkoinċidux (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 81).

121    Issa, f’dan il-każ, il-provi li jinsabu fit-talba inizjali, dwar valur normali maħdum, huma bbażati fuq l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, li jispeċifika l-kriterji għall-esklużjoni tal-metodu ta’ stabbiliment tal-valur normali u l-metodi sussidjarji għall-kalkolu ta’ dan il-valur. Dawn id-derogi mill-metodu ta’ ffissar tal-valur normali skont il-prezzijiet reali huma ta’ natura eżawrjenti. Barra minn hekk, dawn jirrigwardaw sitwazzjoni partikolari, peress li l-intervenjenti kkunsidrat li l-kalkoli tal-marġni ta’ dumping ma setgħux jiġu bbażati fuq il-prezzijiet kummerċjali realment ipprattikati fir-Russja.

122    Min-naħa l-oħra, il-provi li jinsabu fl-informazzjoni addizzjonali huma bbażati fuq il-valur normali li jissodisfa l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

123    Peress li l-kunċetti ta’ valur normali u ta’ valur normali maħdum huma rregolati minn dispożizzjonijiet legali differenti u huma bbażati fuq metodoloġija kummerċjali separata, ma jistax jiġi sostnut li l-użu ta’ metodu ieħor għall-kalkolu tal-valur normali fl-informazzjoni addizzjonali, sostanzjalment differenti minn dak ippreżentat fit-talba inizjali u bbażat fuq dispożizzjoni legali u prinċipju distinti, jista’ jiġi kklassifikat bħala informazzjoni intiża sabiex tikkompleta jew tikkorrobora l-provi li jinsabu fit-talba inizjali.

124    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-lista tal-prezzijiet reali fis-suq intern Russu pprovduta fost l-informazzjoni addizzjonali ma tistax titqies li hija intiża sabiex tikkompleta l-prezzijiet imsemmija fit-talba inizjali. Fil-fatt, it-talba inizjali ma kinitx tinkludi lista ta’ prezzijiet realment ipprattikati fis-suq intern Russu għall-ewwel erba’ xhur tas-sena 2017, iżda lista tal-prezzijiet massimi ddikjarati għall-fertilizzanti minerali għall-użu mill-produtturi agrikoli fir-Russja, kif ġiet ippubblikata fit‑18 ta’ April 2017. Barra minn hekk, din il-lista ta’ prezzijiet massimi ma kinitx intiża sabiex tistabbilixxi valur normali bbażat fuq prezzijiet reali, iżda kienet isservi ta’ bażi għall-allegazzjonijiet tal-intervenjenti dwar sitwazzjoni partikolari tas-suq, minħabba l-istrateġija tal-Gvern Russu li jiffissa prezzijiet artifiċjalment baxxi.

125    Għaldaqstant, l-inklużjoni, fit-talba kkonsolidata, tal-kalkoli ta’ marġni ta’ dumping ibbażati fuq l-allegati prezzijiet interni Russi ma tikkonsistix f’sempliċi kjarifika tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali, abbażi tal-valur normali maħdum. Dawn huma provi ġodda, li biddlu b’mod sostanzjali d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping kif ġew stabbiliti fit-talba inizjali u biddlu l-kontenut essenzjali ta’ din tal-aħħar. Peress li ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu legali, il-Kummissjoni ma setgħetx tużahom sabiex tiddeċiedi li tibda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri wara t-talba għal reviżjoni mressqa mill-intervenjenti.

126    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkunsidrat, kif jirriżulta mill-premessi 20, 23, 25, 26 u 29 tar-Regolament ikkontestat, li hija setgħet tibbaża ruħha fuq it-talba kkonsolidata, li tinkludi l-provi li jinsabu fl-informazzjoni addizzjonali, biex tistabbilixxi n-natura suffiċjenti tal-provi sabiex jiġi ġġustifikat il-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

127    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet għall-ewwel darba li mill-punti 1 u 4.1 tan-Notifika ta’ bidu kif ukoll mill-premessa 23 tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta li t-talba inizjali waħedha kien fiha biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni tad-dumping. Hija żiedet li hija setgħet tibda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri biss abbażi tat-talba inizjali.

128    Madankollu, imkien ma jirriżulta min-Notifika ta’ bidu u mir-Regolament ikkontestat li hija kkunsidrat li t-talba inizjali kien fiha biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx kienet ser twassal għall-kontinwazzjoni tad-dumping.

129    Fil-fatt, il-premessa 23 tar-Regolament ikkontestat tindika b’mod espliċitu li r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri nbdiet fuq il-bażi tat-talba kkonsolidata u tispeċifika li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-talba inizjali “kien fiha biżżejjed evidenza li, soġġetta għall-kjarifiki pprovduti [mill-intervenjenti] wara l-proċess ta’ defiċjenza [għall-ikkompletar tal-informazzjoni] biex jissupplimenta t-talba inizjali tagħha”, kienet tiġġustifika l-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

130    Il-formulazzjoni tal-premessa 23 tar-Regolament ikkontestat f’verżjonijiet lingwistiċi oħra minbarra l-verżjoni Franċiża, bħall-verżjoni Ingliża, li tuża l-espressjoni “subject to the concications provided by the applicants following the deficiency process to supplement its initial request”, jew il-verżjoni Ġermaniża, li tindika “nach Anforderung noch fehlender Informationen”, tikkonferma li l-informazzjoni addizzjonali ntalbet mill-Kummissjoni sabiex tiġi rrimedjata l-informazzjoni nieqsa jew insuffiċjenti tat-talba inizjali.

131    Barra minn hekk, il-premessa 25 tar-Regolament ikkontestat tispeċifika li “ma hemm l-ebda ambigwità dwar il-fatt li r-reviżjoni ta’ skadenza nbeda fuq il-bażi [tat-talba kkonsolidata]” u li “[d]an jista’ jiġi kkonfermat mill-qari tat-Taqsima 4.1 tan-Notifika ta’ Bidu, li rreferiet b’mod ċar għal evidenza li tirriżulta mit-talba għal rieżami konsolidata”. Bl-istess mod, fil-premessa 29 tal-imsemmi regolament, huwa affermat mill-ġdid li “[l]-bidu [ta’] din ir-reviżjoni ta’ skadenza mhuwiex ibbażat biss fuq l-informazzjoni kif waslet fit-talba oriġinali għal reviżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2019, iżda wkoll fuq aktar evidenza ssupplimentata [mill-intervenjenti] qabel il-bidu u li ġiet inkluża fit-talba għal reviżjoni kkonsolidata”.

132    Fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kummissjoni barra minn hekk sostniet kontinwament li hija kkonkludiet li kienu jeżistu provi suffiċjenti dwar il-probabbiltà ta’ dumping u ta’ ħsara abbażi tat-talba kkonsolidata, u li t-talba inizjali, inkwantu tali, ma kinitx ġiet eżaminata b’mod iżolat, iżda flimkien mal-eventwali provi oħra li l-Kummissjoni kellha, inklużi l-kjarifiki addizzjonali magħmula mill-intervenjenti, b’tali mod li “[i]r-Regolament ikkontestat ma [kienx] jindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni pprovduta fit-talba inizjali kinitx suffiċjenti sabiex tinbeda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri”.

133    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li effettivament bdiet ir-reviżjoni abbażi tat-talba kkonsolidata. Hija żiedet li, f’investigazzjonijiet oħra, ir-reviżjoni kienet inbdiet abbażi ta’ talba mressqa fit-terminu legali u abbażi ta’ valur normali maħdum.

134    Il-punt 1 tan-Notifika ta’ bidu jsemmi wkoll kemm it-talba inizjali kif ukoll it-talba kkonsolidata, peress li l-Kummissjoni speċifikat li din tal-aħħar kienet indikata fih bħala l-“verżjoni pubblika tat-talba”. Fir-rigward tal-punt 4.1 tan-Notifika ta’ bidu, hija ssemmi li l-intervenjenti pproduċiet “biżżejjed evidenza tan-nuqqas ta’ data affidabbli dwar il-prezzijiet domestiċi għar-Russja […] fl-andament ordinarju tal-kummerċ”, u li din tal-aħħar għalhekk bniet il-valur normali. In-natura suffiċjenti tal-provi li għaliha jsir riferiment tirrigwarda għalhekk il-ġustifikazzjoni tal-użu ta’ valur normali maħdum fit-talba inizjali, iżda bl-ebda mod ma tfisser li l-imsemmija talba kien fiha biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni tad-dumping, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

135    Konsegwentement, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta espliċitament li r-Regolament ikkontestat ma jistax jinqara bħala li jistabbilixxi li t-talba inizjali kien fiha biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni tad-dumping. Min-naħa l-oħra, mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li, mingħajr il-kjarifiki li jinsabu fl-informazzjoni addizzjonali, ippreżentata mill-intervenjenti fl‑20 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni ma kinitx neċessarjament tipproċedi bil-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

136    Il-Qorti Ġenerali tqis għalhekk li t-talba magħmula mill-Kummissjoni lill-intervenjenti sabiex tikseb il-prezzijiet reali fis-suq intern Russu għas-sena 2018 kollha kemm hi ma tistax tinftiehem li kienet intiża sabiex tikkompleta l-provi li jinsabu fit-talba inizjali, peress li dawn huma bbażati biss fuq kalkoli ta’ marġni ta’ dumping stabbiliti bil-valur normali maħdum, iżda kienet intiża sabiex tagħmel tajjeb għal nuqqas ta’ informazzjoni.

137    Issa, kif jirriżulta mill-analiżijiet imwettqa iktar ’il fuq, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li titlob lill-produtturi tal-Unjoni, li jkunu ressqu talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri fit-terminu legali, li tagħmel tajjeb għall-eventwali natura insuffiċjenti tal-provi li jinsabu fiha.

138    Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha terminu ta’ tliet xhur li jippreċedu l-iskadenza tal-miżuri sabiex tiżgura ruħha min-natura suffiċjenti ta’ dawn il-provi u tista’ tikseb informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward, mingħajr madankollu ma tkun tista’ tagħmel tajjeb għal, jew tirrimedja, l-assenza ta’ provi suffiċjenti fit-talba mressqa fit-terminu legali, u lanqas ma tista’ tissostitwixxi elementi nieqsa jew b’xi mod ieħor difettużi tal-imsemmija talba b’informazzjoni ġdida.

139    Fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tan-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali flok dik tal-Kummissjoni kif tirriżulta min-Notifika ta’ bidu u mir-Regolament ikkontestat.

140    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivi invokati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni u fir-Regolament ikkontestat b’motivi oħra invokati għall-ewwel darba quddiemha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jikkostitwixxu tali motivi invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-fatt li t-talba inizjali kien fiha biżżejjed provi ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri, b’tali mod li hija setgħet tiddeċiedi li tibda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri fuq din il-bażi biss.

141    Għalhekk, l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku għandhom jintlaqgħu.

142    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq lispejjeż

143    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

144    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2100 tal15 ta’ Diċembru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn AO Nevinnomysskiy Azot u AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”.

3)      Fertilizers Europe għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Spielmann

Öberg

Mastroianni

Brkan

 

      Gâlea

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Lulju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.