Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2021 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-499/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, F.-C. Laprévote, V. Blanc, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-23 ta’ April 2021 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.62304 (2021/N) – Il-Portugall – COVID-19: Kumpens għad-danni lil TAP Portugal 1 ; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv: il-konvenuta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tagħha tal-proporzjonalità tal-għajnuna mad-danni kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19.

It-tieni motiv: il-konvenuta kisret dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt ta-Unjoni Ewropea li servew ta’ bażi għal-liberalizzazzjoni tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni sa mill-aħħar tad-deċennju 1980 (jiġifieri, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi – applikata għat-trasport bl-ajru permezz tar-Regolament Nru 1008/2008 1 – u l-libertà ta’ stabbiliment).

It-tielet motiv: il-konvenuta naqset milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv: il-konvenuta kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

____________

1     ĠU 2021, C 240, p. 33.

1     Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU 2008, L 293, p. 3).