Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-17 ta’ Novembru 2023 – AVR-Afvalverwerking BV vs NV BAR-Afvalbeheer et

(Kawża C-692/23, AVR-Afvalverwerking)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Gerechtshof Den Haag

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AVR-Afvalverwerking BV

Konvenuti: NV BAR-Afvalbeheer, Gemeente Barendrecht, Gemeente Albrandswaard, Gemeente Ridderkerk, NV Irado, Afvalsturing Friesland NV

Domandi preliminari

Il-kriterju tal-attivitajiet previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artiklu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-perċentwali tal-attivitajiet imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa stabbilit abbażi tad-dħul mill-bejgħ u meta l-persuna ġuridika kkontrollata tagħmel parti minn grupp,

huwa biss id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata stess li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jew għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji kemm jekk affiljati jew le fi ħdan il-grupp, bħal, pereżempju:

id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidatat li fih id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkonċernata għandu jiżdied ma’ dak tal-entitajiet l-oħra ta’ grupp abbażi tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE 1 ; jew

id-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet li magħhom il-persuna ġuridika kkontrollata tifforma unità ekonomika fis-sens tal-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li huwa unikament id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata stess li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, il-kriterju tal-attivitajiet imsemmi f’din id-domanda għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dħul mill-bejgħ li joriġina minn utenti terzi li jiddepożitaw skart f’landfill li l-persuna ġuridika kkontrollata topera fuq ordni tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala dħul mill-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lil dik il-persuna ġuridika mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-persuna ġuridika kkontrollata hija f’kompetizzjoni, fost l-oħrajn, ma’ operaturi privati fil-kuntest ta’ dan l-operat?

____________

1     ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68 u fil-ĠU L 2023/90063.

1     ĠU 2013, L 182, p. 19.