Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Mejju 2009 - Formenti Seleco vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-210/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Formenti Seleco SpA (Pordenone, l-Italja) (rappreżentanti: A. Malatesta, avvocato, G. Terracciano, avvocato, S. Malatesta, avvocato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' r-rikors.

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħlas ta' kumpens li jammonta għas-somma komplessiva ta' EUR 156 208 915.03 favur Formenti Seleco s.p.a., li qed tiġi llikwidata taħt amministrazzjoni straordinarja, kif ukoll l-interessi bir-rata stabbilita skont il-liġi, liema interessi jiddekorru mid-data tad-dikjarazzjoni tal-istat ta' insolvenza jew inkella bil-mod differenti kif il-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tiddeċiedi.

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż u għall-ispejjeż legali tal-kawża preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, waħda mill-produtturi prinċipali Taljani tat-televixins tal-kulur, ġiet iddikjarata insolventi u ġiet suġġettata għal proċeduri ta' amministrazzjoni straordinarja wara importazzjoni kbira fis-suq Ewropew ta' televixins tal-kulur prodotti minn kumpanniji Torok u li kienu jinbiegħu bi prezzijiet li jikkostitwixxu dumping.

Din is-sitwazzjoni allegatament ġiet ikkawżata direttament fit-territorju Komunitarju mill-ksur min-naħa tar-Repubblika tat-Turkija tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-KE tal-1963 u tar-regoli sussegwenti kumplimentari, inkwantu l-Gvern Tork ipprovda għal regoli li jinjoraw l-obbligi imposti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Komunità, li jirrigwardaw b'mod partikolari l-istabbiliment tal-oriġini Torka tat-televixins tal-kulur importati fil-Komunità, u l-Kummissjoni kienet ilha taf b'dan l-injorar għall-inqas sa mill-1993.

B'mod partikolari Formenti Seleco s.p.a. tikkunsidra lill-Kummissjoni responsabbli għall-motivi segwenti, li huma ideonei biex jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u l-obbligu konsegwenti ta' kumpens għad-danni:

1) ksur tal-obbligi imposti fir-rigward tagħha mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Protokoll addizjonali relattiv, sa fejn, kemm fil-perijodu tranżitorju tat-twettiq tal-unjoni doganali tal-Komunità mar-Repubblika Turka, jiġifieri sa mill-1994, kif ukoll, a fortiori, fil-fażi ta' unjoni doganali kompluta, għalkemm kienet taf bin-nuqqas ta' osservanza tal-ftehimiet min-naħa tar-Repubblika tat-Turkija naqset milli tivverifika l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali rilevanti.

2) ksur tal-Artikolu 211 tat-Trattat KE u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba peress li billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Protokoll addizzjonali huma parti mid-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni hija obbligata tagħmel verifiki anki fuq dispożizzjonijiet ta' dawn u tiggarantixxi amministrazzjoni tajba.

3) il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, billi, bl-aġir imsemmi iktar 'il fuq, kisret l-aspettattivi tal-operatur kummerċjali Komunitarju singolu, u b'mod partikolari tar-rikorrenti, fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-unjoni doganali mat-Turkija, aspettattivi li kellhom ikunu ggarantiti permezz tal-kontrolli u l-verifika li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel.

4) il-ksur u/jew l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli antidumping inkwantu l-Kumissjoni, għalkemm kienet taf sa mill-1993 dwar l-irregolaritajiet gravi mwettqa mill-esportaturi Torok, ma adottatx miżuri ta' protezzjoni fil-konfront ta' dawn, u aġixxiet mingħajr ma użat id-diliġenza u l-prudenza normalment meħtieġa minn amministrazzjoni.

____________