Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Mejju 2009 - Mars vs UASI - Marc (MARC Marlon Abela Restaurant Corporation)

(Kawża T-208/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Mars, Inc. (McLean, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: A. Bryson, Barrister u V. Marsland, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Marc Ltd (Londra, ir-Renju Unit)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-5 ta' Marzu 2009 fil-Każ R 1827/2007-2; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva "MARC Marlon Abela Restaurant Corporation", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33, 35 u 43

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Trade marks Komunitarji verbali u figurattivi "MARS" irreġistrati għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 29, 30, 32 u 35

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Laqgħet l-oppożizzjoni parzjalment

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hija

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] (i) sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidra (jew ikkonstata) b'mod ħażin, mingħajr ebda bażi ta' provi, li t-trade marks ikkonċernati kellhom tifsira ċara u speċifika għall-pubbliku tal-Istati Baltiċi, b'mod li dan il-pubbliku seta' jagħrafha immedjatament. Dan wassal lill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi, b'mod ħażin, li kien hemm differenza kunċettwali bejn it-trade marks ikkonċernati fuq ix-xebh viżiv u verbali u ġġustifika l-konklużjoni li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili; u (ii) naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni jew suffiċjentement inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanzi tal-bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni u l-impatt ta' dawn iċ-ċirkustanzi fuq (a) l-evalwazzjoni tax-xebh viżiv u fonetiku bejn it-trade marks; (b) il-piż relattiv li għandu jingħata, fl-evalwazzjoni globali tax-xebh/tal-probabbiltà ta' konfużjoni, lill-elementi differenti (viżiv, verbali u kunċettwali), li jippermettu l-evalwazzjoni tax-xebh. Ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009) peress li l-Bord tal-Appell, b'mod ħażin, ċaħad l-oppożizzjoni bbażata fuq l-imsemmija dispożizzjoni, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx stabbiliet li l-kundizzjonijiet kumulattivi kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħha kienu ġew issodisfatti. Ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009) billi l-Bord tal-Appell ikkunsidra b'mod ħażin li l-probabbiltà ta' konfużjoni kellha tiġi evalwata skont l-istess prinċipji għall-finijiet tal-Artikoli 8(1)(b) u 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

____________