Language of document : ECLI:EU:C:2008:461

Kawżi magħquda C-402/05 P u C-415/05 P

Yassin Abdullah Kadi u Al Barakaat International Foundation

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Nazzjonijiet Uniti — Kunsill tas-Sigurtà — Riżoluzzjonijiet adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti — Implementazzjoni fil-Komunità — Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK [PBSK] — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Miżuri li jikkonċernaw persuni u entitajiet inklużi f’lista redatta minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit bil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Kumitat tas-Sanzjonijiet) — Inklużjoni ta’ dawn il-persuni u entitajiet fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Kompetenza tal-Komunità — Bażi legali tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE meħuda flimkien — Drittijiet fundamentali — Dritt għar-rispett tal-proprjetà, dritt għal smigħ u dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

Sommarju tas-sentenza

1.        Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

(Artikoli 57(2) KE, 60 KE, 133 KE u 301 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Atti Komunitarji b’għanijiet li jaqgħu taħt it-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonjiet barranin — Artikolu 308 KE — Inammissibbiltà

(Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE; Artikolu 3 UE)

3.        Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

(Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002)

4.        Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Att li jimplementa riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti — Stħarriġ inċidentali tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà — Esklużjoni

(Artikolu 220 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002)

5.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

(Artikoli 220 KE, 307 KE; Artikolu 6(1) UE)

6.        Dritt internazzjonali pubbliku — Karta tan-Nazzjonijiet Uniti — Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti

7.        Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

8.        Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

9.        Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

10.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Regolament li jimponi miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

(Artikolu 231 KE)

1.        Jekk wieħed jinterpreta l-Artikoli 60 KE u 301 KE li jkun biżżejjed li l-miżuri restrittivi previsti mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1390 (2002) u implementati mir-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, jikkonċernaw persuni jew entitajiet li jinsabu f’pajjiż terz jew li huma assoċjati miegħu b’mod ieħor, tkun qed tingħata portata eċċessivament wiesgħa lil dawn id-dispożizzjonijiet u ma tkun bl-ebda mod qed tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, li tirriżulta mill-kliem stess tagħhom, li l-miżuri deċiżi fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu kontra pajjiż terz.

Minn naħa, interpretazzjoni tal-Artikolu 301 KE li tgħid li dan jistabbilixxi rabta proċedurali bejn il-Komunità u l-Unjoni Ewropea b’tali mod li dan għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa daqs il-kompetenzi Komunitarji rilevanti, fosthom dawk dwar il-politika kummerċjali komuni u l-moviment libertu tal-kapital, tista’ tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, l-effett utli tiegħu għaliex din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-istess kliem tagħha, tkopri l-adozzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terzi potenzjalment differenti ħafna u li għaldaqstant, a priori, m’għandhomx ikunu limitati għall-oqsma li jaqgħu taħt kompetenzi materjali Komunitarji oħra bħal dawk dwar il-politika Kummerċjali komuni jew il-moviment liberu tal-kapital. Din l-interpretazzjoni barra minn hekk lanqas ma ssib sostenn fil-kliem tal-Artikolu 301 KE, peress li dan jagħti kompetenza materjali lill-Komunità li l-portata tagħha hija, bħala regola ġenerali, awtonoma meta mqabbla ma’ dik ta’ kompetenzi Komunitarji oħra.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-għan u tas-suġġett tal-imsemmi regolament, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan ir-regolament jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali inkwantu huwa essenzjalment intiż sabiex jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ u ma setax għaldaqstant ikun ibbażat fuq il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Fil-fatt, att Komunitarju jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 133 KE biss meta jkun jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali fis-sens li jkun intiż essenzjalment sabiex jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ u jkollu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati. Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmi regolament jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti, inkwantu dan jipprojbixxi t-trasferiment ta’ riżorsi ekonomiċi lil individwi f’pajjiżi terzi. Fir-rigward, qabel kollox, tal-Artikolu 57(2) KE, il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji ta’ miżuri elenkati f’din id-dispożizzjoni. Fir-rigward, sussegwentement, tal-Artikolu 60(1) KE, din id-dispożizzjoni ma tistax lanqas tiġġustifika r-regolament inkwistjoni, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa ddeterminat minn dak tal-Artikolu 301 KE. Fl-aħħar, fir-rigward tal-Artikolu 60(2) KE, din id-dispożizzjoni ma tinkludix kompetenza Komunitarja għal dan il-għan, peress li din sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jadottaw, għal ċerti raġunijiet eċċezzjonali, miżuri unilaterali kontra pajjiż terz dwar il-moviment tal-kapital u l-pagamenti, bla ħsara għas-setgħa tal-Kunsill li jimponi fuq Stat Membru li jemenda jew iħassar tali miżuri.

(ara l-punti 168, 176-178, 183, 185, 187-191, 193)

2.        Interpretazzjoni, li abbażi tagħha l-Artikolu 308 KE jippermetti, fil-kuntest partikolari tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-adozzjoni ta’ atti Komunitarji li jikkonċernaw mhux xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, iżda wieħed mill-għanijiet li jaqgħu taħt it-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonjiet barranin, li fosthom tinsab il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 308 KE.

Għalkemm huwa eżatt li ġiet stabbilita rabta bejn l-azzjonijiet tal-Komunità li jinvolvu miżuri ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE kif ukoll l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, fosthom il-PBSK, la l-kliem tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u lanqas l-istruttura tiegħu ma jipprovdu bażi għal interpretazzjoni li abbażi tagħha din ir-rabta testendi ruħha għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat KE, u b’mod partikolari għall-Artikolu 308 KE.

Użu tal-Artikolu 308 KE jitlob li l-azzjoni kkunsidrata, minn naħa, tikkonċerna l-“funzjonament tas-suq komuni” u, min-naħa l-oħra, huwa intiż li jwettaq “xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità”. Issa, dan l-aħħar kunċett, fid-dawl tal-kliem tiegħu ċari u preċiżi, ma jista’ fl-ebda każ jinftihem li jinkludi l-għanijiet tal-PBSK.

Il-koeżistenza tal-Unjoni u tal-Komunità bħala sistemi legali integrati iżda distinti kif ukoll l-arkitettura kostituzzjonali tat-tliet pilastri, li l-awturi tat-Trattati attwalment fis-seħħ riedu, jikkostitwixxu barra minn hekk kunsiderazzjonijiet ta’ natura istituzzjonali li jimmilitaw kontra estensjoni tal-imsemmija rabta mal-artikoli tat-Trattat KE għajr dawk li magħhom din tistabbilixxi konnessjoni b’mod espress.

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 308 KE jifforma parti integrali minn sistema istituzzjonali bbażata fuq il-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni, dan ma jistax jikkostitwixxi bażi sabiex jitwessa’ l-qasam ta’ kompetenzi tal-Komunità iktar mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE meħuda flimkien u, b’mod partikolari, dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-azzjonijiet tal-Komunità.

Bl-istess mod l-Artikolu 3 UE, b’mod partikolari t-tieni paragrafu tiegħu ma jistax iservi ta’ bażi sabiex il-qasam ta’ kompetenzi tal-Komunità jitwessa lil hinn mill-għanijiet tal-Komunità.

(ara l-punti 197-204)

3.        L-Artikolu 308 KE huwa intiż sabiex ipatti għan-nuqqas ta’ setgħa ta’ azzjoni mogħtija espressament jew b’mod impliċitu lill-istituzzjonijiet Komunitarji mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat safejn dawn is-setgħat jidhru mandankollu neċessarji sabiex il-Komunità tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha bil-għan li jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet stabbiliti minn dan it-Trattat.

Ir-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, inkwantu jimponi miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika u finanzjarja, jaqa’ manifestament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Peress li dawn l-artikoli ma jipprevedux madankollu setgħat ta’ azzjoni espressi jew impliċiti sabiex jiġu imposti tali miżuri lil destinatarji li m’għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz bħal dawk intiżi mill-imsemmi regolament, dan in-nuqqas ta’ setgħa, dovut għal-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija dispożizzjonijiet, jista’ jiġi rrimedjat billi jintuża l-Artikolu 308 KE bħala bażi legali tal-imsemmi regolament flimkien mal-ewwel żewġ artikoli li jiġġustifikaw dan l-att mill-perspettiva tal-portata materjali tiegħu, sakemm madankollu l-kundizzjonijiet l-oħra li għalihom l-applikabbiltà tal-Artikolu 308 KE hija suġġetta kienu ġew sodisfatti.

Issa, peress li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa dak li jeskludi minnufih lill-persuni assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al Qaida u t-Taliban mid-disponibbiltà mir-riżorsi finanzjarji u ekonomiċi kollha biex jiġi evitat il-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi, dan jista’ jkun marbut ma’ wieħed mill-għanijiet tal-Komunità skont l-Artikolu 308 KE. Fil-fatt, l-Artikoli 60 KE u 301 KE, inkwantu dawn jipprevedu kompetenza Komunitarja sabiex jiġu imposti miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika sabiex jiġu implementati azzjonijiet deċiżi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, huma l-espressjoni ta’ għan impliċitu u sottostanti, jiġifieri dak li ssir possibbli l-adozzjoni ta’ tali miżuri permezz tal-użu effettiv ta’ strument Komunitarju. Dan jista’ jiqies li huwa għan tal-Komunità fis-sens tal-Artikolu 308 KE.

L-implementazzjoni ta’ tali miżuri permezz tal-użu ta’ strument Komunitarju ma toħroġx’il barra mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat, peress li, minn natura tagħhom, dawn jippreżentaw barra minn hekk konnessjoni mal-funzjonament tas-suq komuni, filwaqt li din il-konnessjoni tikkostitwixxi kundizzjoni oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 308 KE. Fil-fatt, għalkemm miżuri ekonomiċi u finanzjarji bħal dawk imposti mill-imsemmi regolament kienu imposti unilateralment minn kull Stat Membru, proliferazzjoni ta’ dawn il-miżuri nazzjonali tkun tista’ taffettwa l-funzjonament tas-suq komuni.

(ara l-punti 211, 213, 216, 222, 225-227, 229-230)

4.        Il-Komunità Ewropea hija Komunità ta’ dritt f’dak illi la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħux jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-Trattat u li dan tal-aħħar stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi li jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet. Ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika l-ordni tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali Komunitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li tiġi rrispettata bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni esklużiva li hija għandha permezz tal-Artikolu 220 KE, ġurisdizzjoni li tirriżulta mill-bażi stess tal-Komunità.

Fir-rigward ta’ att Komunitarju li, bħar-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, huwa intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-qorti Komunitarja ma għandhiex, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni esklużiva li jipprevedi l-Artikolu 220 KE, tistħarreġ il-legalità ta’ tali riżoluzzjoni adottata minn dan il-korp internazzjonali, sa fejn dan l-istħarriġ ikun limitat għall-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din ir-riżoluzzjoni mal-jus cogens, iżda iktar li tistħarreġ il-legalità tal-att Komunitarju ta’ implementazzjoni.

Sentenza ta’ qorti Komunitarja li biha jiġi deċiż li att Komunitarju intiż sabiex jimplementa tali riżoluzzjoni imur kontra regola superjuri li tirriżulta mis-sistema ġudirika Komunitarja ma timplikax li titqiegħed inkwistjoni s-supremazija ta’ din ir-riżoluzzjoni fuq livell tad-dritt internazzjonali.

(ara l-punti 281-282, 286-288)

5.        Id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. F’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha sinjifikat partikolari. Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi għaldaqstant kundizzjoni tal-legalità tal-atti Komunitarji u ma jistgħux ikunu aċċettati fil-Komunità miżuri inkompatibbli mar-rispett tagħhom.

F’dan ir-rigward, l-obbligi li ftehim internazzjonali jimponi ma jistgħux ikollhom bħala effett li jippreġudikaw il-prinċipji kostituzzjonali tat-Trattat KE, li fosthom jinsab il-prinċipju li l-atti Komunitarji kollha għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, peress li dan ir-rispett jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tagħhom li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji li dan it-Trattat jistabbilixxi.

Il-prinċipji li jirregolaw is-sistema legali internazzjonali li rriżultat min-Nazzjonijiet Uniti ma jimplikawx li stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità interna tar-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali jkun eskluż minħabba l-fatt li dan l-att huwa intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Tali immunità ġudizzjarja ta’ att Komunitarju inkwantu korollarja għall-prinċipju ta’ supremazija fuq il-livell tad-dritt internazzjonali tal-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari ta’ dawk dwar l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta, ma ssib ebda bażi fit-Trattat KE. L-Artikolu 307 KE ma jistax fil-fatt fl-ebda każ jippermetti li jitqiegħdu inkwistjoni prinċipji li jirriżultaw mill-istess bażi tas-sistema legali Komunitarja, fosthom il-prinċipji ta’ libertà, ta’ demokrazija kif ukoll tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 6(1) UE bħala bażi tal-Unjoni. Jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 300(7) KE, li jipprevedi li kull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet fih stipulati għandu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri, kienet applikabbli għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, din tagħti lil din tal-aħħar is-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju. Madankollu, fuq il-livell tad-dritt Komunitarju, din is-supremazija ma testendix ruħha għad-dritt primarju u, b’mod partikolari, għall-prinċipji ġenerali li minnhom jiffurmaw parti d-drittijiet fundamentali.

Il-qrati Komunitarji għandhom għaldaqstant, bis-saħħa tat-Trattat KE, jiggarantixxu stħarriġ, bħala regola ġenerali komplet, tal-legalità tal-atti Komunitarji kollha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkluż tal-atti Komunitarji li, bħar-regolament inkwistjoni, huma intiżi sabiex jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(ara l-punti 283-285, 299, 303-304, 306-308, 326)

6.        Il-kompetenzi tal-Komunità għandhom ikunu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazzjonali u att adottat bis-saħħa ta’ dawn il-kompetenzi għandu jiġi interpretat, u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu limitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali.

Fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ adozzjoni ta’ atti Komunitarji meħuda fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE biex timplementa riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Komunità għandha tagħti importanza partikolari għall-fatt li, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-adozzjoni, mill-Kunsill tas-Sigurtà, ta’ riżoluzzjonijiet taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta tikkostitwixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà prinċipali li biha dan il-korp internazzjonali huwa inkarigat li jżomm, fuq livell dinji, il-paċi u s-sigurtà, responsabbiltà li, fil-kuntest tal-imsemmi Kapitolu VII, tinkludi s-setgħa li jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi theddida kontra l-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti.

Madankollu, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ma timponix l-għażla ta’ mudell speċifikat minn qabel għall-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta, peress li din l-implementazzjoni għandha ssir skont il-modalitajiet applikabbli f’dan ir-rigward fis-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru tal-ONU. Fil-fatt, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tħalli fil-prinċipju lill-Istati Membri tal-ONU l-għażla libera bejn mudelli differenti ta’ adozzjoni ta’ tali riżoluzzjonijiet fis-sistema legali interna tagħhom.

(ara l-punti 291, 293-294, 298)

7.        Għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi bħal dawk li jimponi r-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, ma jistax ikun meħtieġ mill-awtoritajiet Komunitarji li dawn jikkomunikaw, qabel l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet koperti minn dawn il-miżuri, il-motivi li fuqhom hija bbażata din l-inklużjoni. Fil-fatt, tali komunikazzjoni minn qabel tkun tali li tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li dan ir-regolament jimponi. Għal raġunijiet relatati wkoll mal-għan tal-imsemmi regolament u l-effikaċja tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet Komunitarji ma kinux lanqas obbligati jisimgħu lill-appellanti qabel l-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tagħhom fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ att Komunitarju intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha jistgħu jopponu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lill-partijiet ikkonċernati u, għaldaqstant, għas-smigħ tagħhom fuq dawn l-elementi.

Madankollu, id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ bla dubju ta’ xejn mhumiex irrispettati peress li la r-regolament inkwistjoni u lanqas il-Pożizzjoni Komuni 2002/402 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Usama bin Laden, il-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, li għaliha l-imsemmi regolament jirreferi ma jipprevedu proċedura ta’ komunikazzjoni tal-elementi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-ismijiet tal-partijiet ikkonċernati fl-Anness I tal-imsemmi regolament u ta’ smigħ ta’ dawn tal-aħħar, kemm jekk fl-istess ħin ta’ din l-inklużjoni kif ukoll jekk ulterjorment u li, sussegwentement il-Kunsill la kkomunika lill-appellanti l-elementi meqjusa kontrihom sabiex jiġġustifika l-miżuri restrittivi li ġew imposti fuqhom, u lanqas tagħhom id-dritt li jsiru jafu bl-imsemmija elementi f’terminu raġonevoli wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

(ara l-punti 334, 338-339, 341-342, 345,348)

8.        Il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li barra minn hekk ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rispett tal-obbligu li l-motivi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, huwa neċessarju kemm sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-miżuri restrittivi jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedu b’għarfien komplet tal-fatti jekk huwiex utli li l-każ jitressaq quddiem il-qorti Komunitarja kif ukoll sabiex iqegħdu lil din tal-aħħar kompletament f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ tal-legalità tal-att Komunitarju inkwistjoni li hija għandha tagħmel bis-saħħa tat-Trattat.

Għaldaqstant, peress li l-imsemmija persuni jew entitajiet mhumiex informati bl-elementi meqjusa kontrihom, fid-dawl tar-relazzjonijiet eżistenti bejn id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, dawn lanqas ma jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-imsemmija elementi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-qorti Komunitarja, u din mhijiex f’pożizzjoni li tipproċedi għall-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmi regolament inkwantu dan jikkonċerna lill-dawn il-persuni jew entitajiet, b’tali mod li ksur tal-ismemmi dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jkun ikkonstatat.

(ara l-punti 335-337, 349, 351)

9.        L-importanza tal-għanijiet segwiti minn att Komunitarju hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, inklużi dawk li m’għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, iżda li jinsabu b’mod partikolari affettwati fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom.

Fir-rigward ta’ għan ta’ interess ġenerali wkoll fundamentali għall-Komunità internazzjonali bħall-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li hemm wara l-atti ta’ terroriżmu, l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li huma assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban ma jistax, fih innisfu, jitqies li huwa inadegwat jew sproporzjonat. F’dan ir-rigward, il-miżuri restrittivi li jimponi r-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għad-dritt għal proprjetà li, bħala regola ġenerali, jistgħu jkunu ġġustifikati.

Madankollu, il-proċeduri applikabbli għandhom joffru lill-persuna jew entità kkonċernata okkażjoni adatta biex tressaq il-każ tagħha lill-awtoritajiet kompetenti, kif jeħtieġ l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Għaldaqstant, l-impożizzjoni għall-miżuri restrittivi li l-imsemmi regolament jinkludi, fir-rigward ta’ persuna jew entità, minħabba l-inklużjoni ta’ din ta’ aħħar fil-lista li tinsab fl-Anness I tiegħu tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata tad-dritt għal proprjetà tagħha, peress li dan ir-regolament ġie adottat mingħajr ma pprovda ebda garanzija li tippermetti lil din il-persuna jew entità tressaq il-każ tagħha lill-awtoritajiet kompetenti, u dan f’sitwazzjoni li fiha r-restrizzjoni tad-drittijiet għal proprjetà tagħha għandha tiġi kkwalifikata bħala kunsiderevoli, fid-dawl tal-applikazzjoni ġenerali u tat-tul effettiv tal-miżuri restrittivi li hija suġġett għalihom.

(ara l-punti 361, 363, 366, 368-370)

10.      Sa fejn regolament bħar-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, għandu jiġi annullat, inkwantu dan jikkonċerna lill-appellanti, minħabba ksur ta’ prinċipji applikabbli fil-kuntest tal-proċedura segwita fl-adozzjoni tal-miżuri restrittivi stabbiliti minn dan ir-regolament, ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni ta’ tali miżuri fuq l-appellanti tista’ xorta waħda tirriżulta ġġustifikata.

L-annullament ta’ dan ir-regolament b’effett immedjat jista’ għaldaqstant jippreġudika b’mod serju u irriversabbli l-effikaċja tal-miżuri restrittivi li dan ir-regolament jimponi u li l-Komunità għandha timplementa, peress li, fl-intervall li jippreċedi s-sostituzzjoni eventwali tiegħu b’regolament ġdid, l-appellanti jistgħu jieħdu miżuri intiżi sabiex jiġi evitat li miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jistgħu jerġgħu jiġu applikati fir-rigward tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, issir applikazzjoni korretta tal-Artikolu 231 KE jekk l-effetti tal-imsemmi regolament jinżammu, inkwantu dan jikkonċerna lill-appellanti, għal perijodu li ma jistax jeċċedi tliet xhur mid-data li fiha tingħata s-sentenza.

(ara l-punti 373-374, 376)