Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija) fl-1 ta’ Awwissu 2023 – AF vs Guvernul României, Ministerul Sănătăţii, Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Mureș

(Kawża C-489/23, Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Mureș et)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AF

Konvenuti: Guvernul României, Ministerul Sănătăţii, Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Mureș

Domandi preliminari

L-Artikolu 49, l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 7(7) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta awtomatikament ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-persuna assigurata b’mod obbligatorju fl-Istat Membru ta’ residenza għal evalwazzjoni medika mwettqa minn persunal mediku li jipprovdi servizzi mediċi fis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa ta’ dak l-Istat u għall-ħruġ sussegwenti minn dan il-persunal mediku ta’ talba għal dħul fl-isptar, mingħajr ma din il-persuna titħalla tissottometti dokumenti mediċi ekwivalenti maħruġa minn istituzzjonijiet mediċi tas-saħħa parti mis-sistema privata, anki fis-sitwazzjoni fejn id-dħul fl-isptar ġa seħħ u s-servizz mediku kien ipprovdut fi Stat Membru differenti min dak tar-residenza tal-persuna assigurata?

L-Artikolu 49, l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 22(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità 1 , il-prinċipji ta’ moviment liberu tal-pazjenti u tas-servizzi, kif ukoll il-prinċipju ta’ effiċjenza u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, tistabbilixxi l-ammont ta’ servizzi li jridu jitħallsu fil-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu mill-Istat Membru ta’ residenza, kieku l-assistenza medika kienet ingħatat fit-territorju tiegħu, permezz ta’ formola ta’ kalkolu li tillimita l-ammont ta’ dan il-kumpens b’mod sinjifikattiv meta mqabbla mal-ispejjeż fil-fatt sostnuti mill-persuna assigurata fl-Istat Membru li pprovda dawn is-servizzi mediċi?

____________

1     ĠU 2011, L 88, p. 45.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.