Language of document : ECLI:EU:T:2013:292

Kawża T‑213/12

Elitaliana SpA

vs

Eulex Kosovo

“Rikors għal annullament — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo — Ċaħda ta’ offerta minn offerent — Assenza ta’ locus standi tal-konvenuta — Inammissibbiltà”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2013

1.      Rikors għal annullament — Locus standi tal-konvenuta — Missjoni ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni li ma għandhiex personalità ġuridika — Assenza ta’ kwalità ta’ entità jew korp tal-Unjoni — Atti adottati mill-kap ta’ tali missjoni fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi — Imputabbiltà lill-Kummissjoni– Inammissibbiltà tar-rikors

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 54(2)(d))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tal-konvenuta — Indikazzjoni bħala konvenuta, mingħajr ebda żball tar-rikorrenti, ta’ persuna oħra li ma hijiex l-awtriċi tal-att ikkontestat — Inammissibbiltà — Limiti — Elementi li jippermettu mingħajr ambigwità tali identifikazzjoni u leġittimazzjoni passiva tal-konvenuta — Assenza — Obbligu ta’ identifikazzjoni tal-konvenuta mill-Qorti Ġenerali — Assenza

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Rikors għad-danni — Talbiet marbuta mill-qrib ma’ dawk ta’ rikors għal annullament iddikjarat inammissibbli — Inammissibbiltà ta’ rikors għad-danni

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u Artikolu 340 TFUE)

1.      Missjoni stabbilita b’azzjoni konġunta tal-Kunsill fil-kuntest tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni li ma għandhiex personalità ġuridika u li fir-rigward tagħha ma huwiex previst li tista’ tkun parti fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, tikkostitwixxi biss sempliċi azzjoni li ma tistax titqies li hija entità jew korp tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Barra minn hekk, l-atti adottati bis-saħħa tas-setgħat delegati jiġu normalment imputati lill-istituzzjoni deleganti, li għandha tiddefendi ġudizzjarjament l-att inkwistjoni. Peress li, minn naħa, il-Kummissjoni ddelegat ċerti kompiti ta’ eżekuzzjoni tal-baġit ta’ missjoni ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni lil kap ta’ din tal-aħħar skont l-Artikolu 54(2)(d) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat, u peress li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi kap tal-missjoni jista’ jikkonkludi atti ta’ ftehim tekniċi li jirrigwardaw il-provvista ta’ tagħmir, ta’ servizzi u ta’ postijiet iżda biss b’riżerva għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-atti adottati mill-kap tal-imsemmija missjoni fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għal servizzi huma imputabbli lill-Kummissjoni li għandha l-locus standi skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, dawn l-atti jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ġenerali li l-atti kollha li jirriżultaw minn istituzzjoni, entità jew korp tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament.

(ara l-punti 26, 31-35)

2.      L-indikazzjoni fir-rikors, bi żball, ta’ konvenuta minflok dik tal-awtur tal-att ikkontestat ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors, jekk dan tal-aħħar ikun jinkludi elementi li jippermettu l-identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-parti li tkun indirizzata mir-rikors, bħall-indikazzjoni tal-att ikkontestat u l-awtur tiegħu. Huwa biss f’tali każ li jeħtieġ li jitqies li huwa konvenut l-awtur tal-att ikkontestat, anki jekk dan ma jkunx issemma fil-parti introduttiva tar-rikors. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tidentifika l-parti li kellha tiġi indirizzata mir-rikors bil-għan li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punti 38, 39)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40, 42)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 45)