Language of document : ECLI:EU:T:2005:336

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (il-Ħames Awla)

tat-22 ta’ Settembru 2005(*)

"Sistema ta’ assoċjazzjoni ta’ l-OCT – Zokkor li ma jibbenefikax minn oriġini OCT – Talba għal deroga mir-regoli ta’ l-oriġini – Rifjut ta’ talba għal deroga – Obbligu ta’ motivazzjoni"

Fil-kawża T-101/03

Suproco NV, stabbilita f’Curaçao (Antilles Olandiżi), irrappreżentata minn M. Slotboom u N. J. Helder, Avukati,

ir-rikorrenti

sostnuta mir-

Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. Sevenster, bħala aġent,

l-intervenjenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

il-konvenuta

sostnuta mill-

Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn G. Houttuin u M. Bishop, u wara minn Houttuin u D. Canga Fano, bħala aġenti,

u mir-

Renju ta’ Spanja, irrappreżentati minn N. Díaz Abad, abogado del Estado, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

l-intervenjenti

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/34/KE ta’ l-10 ta’ Jannar 2003 li rrifjutat li tikkonċedi d-deroga għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ l-oriġini applikabbli għaz-zokkor li ġej mill-Antilles Olandiżi (ĠU L 11, p. 50),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Il-kumpannija Suproco NV, stabbilita f’Curaçao (Antilles Olandiżi), hija intrapriżi li l-attività tagħha hija t-trasformazzjoni taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat f’zokkor tal-kannamieli sfuż u f’dadi.

2       Sa mill-1995, id-data tal-kreazzjoni tagħha, Suproco ittrasformat zokkor tal-kannamieli li joriġina prinċipalment mill-pajjiżi ta’ l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) u f’miżura iċken mill-Komunità Ewropea. Il-prodotti maħduma kienu jibbenefikaw mis-sistema imsejħa "kumulu ta’ oriġini" u għalhekk kienu kkunsidrati bħala li joriġinaw minn pajjiżi u territorji extra-ewropej (OCT) u għalhekk setgħu jiġu esportati lejn il-Komunità b’eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni.

3       Wara li ġew ikkunsidrati d-diffikultajiet konnessi mal-provvista ta’ materja prima kif ukoll tat-tpoġġija fis-seħħ mill-Komunità ta’ miżuri ta’ salvagwardja partikolarment għaz-zokkor li għandu oriġini akkumulat ACP u OCT, Suproco bdiet tbiegħ iz-zokkor fuq il-bażi tas-sistema imsejħa "30/70", inizjalment prevista mill-Anness 2 ta’ l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal-25 ta’ Lulju 1991 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 263, p. 1). Din is-sistema tippermetti li wieħed jikseb oriġini OCT għaz-zokkor, bil-kundizzjoni li l-valur taz-zokkor tal-kannamieli jew tal-pitravi u tas-sakkarosju kimikament pur li jkun ser jintuża, hi x’inhi l-oriġini tagħhom, ma jaqbiżx 30 % tal-prodott meta jitlaq mill-fabbrika (Ex-works price). Fil-kuntest ta’ din is-sistema, ir-rikorrenti tat il-kulur u l-aroma liz-zokkor li kien ġej mill-Kolombja bl-użu tal-Molassi (għasel iswed).

4       Madankollu, l-Artikolu 5(1)(g) ta’ l-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-ewropej mal-Komunità Ewropea (ĠU L 314, p. 1) (iktar ’il quddiem id-"Deċiżjoni OCT") jippreċiża li "il-proċessi li jikkonsistu fiż-żieda tal-kuloranti liz-zokkor jew fil-formazzjoni ta’ dadi taz-zokkor" huma operazzjonijiet u trasformazzjonijiet insuffiċjenti sabiex jikkonferixxu l-karattru oriġinarju tal-prodotti.

5       F’dawn iċ-ċirkostanzi, fl-20 ta’ Frar 2002, ir-Renju ta’ l-Olanda ppreżenta quddiem il-Kummissjoni talba għal deroga abbażi ta’ l-Artikolu 37 ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT. Preċiżament, huwa talab għal deroga għall-kwantità annwali ta’ 3 000 tunnellata favur Suproco, irreġistrat fil-kuntest tal-kwota annwali ta’ 28 000 tunnellata ta’ zokkor li jibbenefika mill-kumulu ta’ oriġini ACP/OCT/KE, previst mill-Artikolu 6(4) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT.

6       Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2002, bħala risposta għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni u għall-ewwel diskussjonijiet fil-kuntest tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, ir-Renju ta’ l-Olanda indika li kien ser jirtira t-talba tiegħu sakemm ma javżax mod ieħor, u dan sabiex iwettaq riċerka ulterjuri dwar il-possibbiltajiet ta’ forniment ta’ zokkor ACP tar-rikorrenti.

7       Fl-4 ta’ Ottubru 2002, wara li twettqu r-riċerki ulterjuri, ir-Renju ta’ l-Olanda ppreżenta ittra lill-Kummissjoni sabiex "jerġa jattiva" l-applikazzjoni għal deroga.

8       Fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/34/KE li biha rrifjutat li tikkonċedi d-deroga għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ l-oriġini applikabbli għaz-zokkor ta’ l-Antilles Olandiżi (ĠU L 11, p. 50, iktar ’il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata").

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti ippreżentat ir-rikors preżenti permezz ta’ rikors irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Marzu 2003.

10     Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja ġew ammessi sabiex jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-konvenuta u r-Renju ta’ l-Olanda ġie ammess sabiex jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tar-rikorrenti. Konformament ma’ l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti talbet li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fir-replika jkunu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti. Hija ppreżentat verżjoni mhux kunfidenzjali tar-replika tagħha u l-komunikazzjoni ta’ l-atti tal-proċedura lill- intervenjenti ġiet limitata għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti ma oġġezzjonawx għal dan u ddepożitaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu li ġie impost fuqhom.

11     Fuq ir-rapport ta’ l-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ l-organizzazzjoni tal-proċedura, Suproco, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ l-Olanda ġew mistiedna sabiex jissottomettu d-dokumenti.

12     Fis-seduta pubblika tal-25 ta’ Novembru 2004 instemgħu l-argumenti u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni kienet mistiedna tirrispondi bil-miktub għal mistoqsija supplimentari, u hi għamlet dan fit-terminu impost fuqha. Suproco ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposta mogħtija mill-Kummissjoni u pproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ l-osservazzjonijiet tagħha. Il-komunikazzjoni lill-intervenjenti ta’ l-osservazzjonijiet ta’ Suproco kienet limitata għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti ma għamlu ebda oġġezzjoni dwar dan. Il-proċedura orali ntemmet fil-25 ta’ Jannar 2005.

13     Suproco titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiddikjara r-rikors tagħha fondat;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas l-ispejjeż.

14     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–       tikkundanna lil Suproco sabiex tħallas l-ispejjeż.

15     Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni.

16     Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiddikjara bħala inammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità imqajma kontra l-Artikolu 5(1)(g) ta’ l-Anness III tad-Deċiżjoni OCT u, sussidjarjament, li tiċħadha;

–       tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lil Suproco sabiex tħallas l-ispejjeż.

17     Ir-Renju ta’ l-Olanda jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

 Id-Dritt

18     Suproco ressqet tliet motivi sabiex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel motiv, ippreżentat prinċipalment, huwa ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità invokata kontra l-Artikolu 5(1)(g) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT. It-tieni motiv, ippreżentat sussidjarjament, jattakka l-inkompetenza tal-Kummissjoni. It-tielet motiv, invokat sussidjarjament jekk ma jintlaqawx l-ewwel żewġ motivi, huwa bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 37 ta’ l-Anness III tad-Deċiżjoni OCT kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

19     Hemm lok sabiex jiġi kkonstatat, preliminarjament, li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni skond is-sens ta’ l-Artikolu 249 ir-raba’ inċiż KE u għalhekk trid tkun motivata mill-Artikolu 253 KE. Id-difett jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni turi l-ksur tal-forom sostanzjali u tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubblika li trid tiġi mqajjma ex ufficcio mill-imħallef Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval et Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, UK Coal vs il-Kummissjoni, T‑12/99 et T‑63/99, Ġabra p. II‑2153, punt 199).

20     Skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE trid tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u f’mod inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni li kitbet l-att b’mod li tagħmilha possibbli għall-interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u għall-qorti kompetenti li twettaq il-kontroll tagħha. Il-ħtieġa tal-motivazzjoni trid tiġi mifhuma fiċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari, partikolarment tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew ta’ nies oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhux meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, minħabba li l-mistoqijsa dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tisodissfaxx l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE trid tiġi mifhuma fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mill-globalità tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni vs Sytraval et Brink’s France, punt 19 supra, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I‑9919, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, il-Portugall vs il-Kummissjoni, C‑42/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66).

21     Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jingħad li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni għal deroga ppreżentata mir-Renju ta’ l-Olanda fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 37 ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, kienet ibbażata fuq ċertu numru ta’ fatti u ta’ informazzjoni ekonomika kkomunikata lill-Kummissjoni. B’mod partikolari, ir-Renju ta’ l-Olanda mela l-formularju li jidher fl-appendiċi 7 ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT u previst mill-Artikolu 37(2) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT. Dan il-formularju, kif ikkompletat mill-awtoritajiet Olandiżi, kien jinkludi informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-valur miżjud miġjub fil-kuntest ta’ l-użu ta’ materja prima li toriġini mill-Kolumbja. Hemm lok li jingħad li l-Kummissjoni ma ressqitx evidenza fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-insuffiċjenza ta’ l-informazzjoni trasmessa mir-Renju ta’ l-Olanda. Għalhekk, hija kkunsidrat li hija kienet tiddisponi mill-elementi kollha meħtieġa mill-Artikolu 37(2) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT.

22     Fit-tieni lok, jeħtieġ li jingħad li r-Renju ta’ l-Olanda, bħala l-applikant tad-deroga, u Suproco, bħala l-benefiċjarja tad-deroga, kieku din ġiet milqugħa, kellhom interess li jirċievu spjegazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni.

23     Fit-tielet lok, jeħtieġ li jingħad li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża fuq l-Artikolu 37 ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, u b’mod partikolari fuq il-paragrafi 4 u 7, iċċitati rispettivament fil-premessi 1 u 8 sabiex tiġi rifjutata l-applikazzjoni għal deroga ppreżentata mir-Renju ta’ l-Olanda.

24     Skond l-Artikolu 37(4) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, għandu jiġi eżaminat, fil-każijiet kollha, jekk ir-regoli dwar il-kumulu ta’ oriġini jippermettux li tiġi solvuta l-problema. Dan ifisser li jekk ir-regoli dwar il-kumulu ta’ oriġini jippermettu li tiġi solvuta l-problema, il-Kummissjoni hija intitolata li tirrifjuta l-applikazzjoni għal deroga.

25     Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 37(7) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, dan jgħid li "mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 6, id-deroga hija konċessa meta l-valur miżjud għall-prodotti mhux oriġinarji, użati fl-OCT kkonċernat huwa għal ta’ l-inqas ta’ 45 % tal-valur tal-prodott mitmum, dejjem jekk id-deroga mhix ta’ natura li tikkawża preġudizzju gravi lil settur ekonomiku tal-Komunità jew ta’ wieħed jew aktar ta’ Stati Membri tagħha". L-użu ta’ termini "mingħajr preġudizzju" ifisser li r-regola imposta mill-paragrafu 7 iħalli integralment fis-seħħ il-paragrafi 1 sa 6 ta’ l-Artikolu 37 ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT. B’mod partikolari, anki fl-ipoteżi koperta mill-Artikolu 37(7) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, il-Kummissjoni hija marbuta li, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 37(4) ta’ dan l-istess anness, teżamina jekk ir-regoli dwar il-kumulu ta’ oriġini jippermettux li l-problema tiġi solvuta. Jekk dan huwa l-każ, kif ġie indikat iktar ’l fuq, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-applikazzjoni għal deroga. Fi kwalunkwe każ, kemm jekk il-Kummissjoni tiddeċidi li tapplika l-Artikolu 37(7) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT u kemm jekk le, l-argumenti li jsostnu d-deċiżjoni tagħha jridu jidhru b’mod suffiċjentement ċar.

26     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfax, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE.

27     Id-deċiżjoni kkontestata hija magħmula minn disa’ premessi u minn dispożizzjoni, li tinkludi żewġ artikoli u li tistabbilixxi r-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal deroga.

28     Il-premessa 1 tippreċiża l-kuntest ġuridiku ta’ l-applikazzjoni għal deroga ppreżentata mir-Renju ta’ l-Olanda billi tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 37(1) u (4) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT.

29     Il-premessa 2 tfakkar l-għan ta’ l-applikazzjoni għal deroga ppreżentata inizjalment mir-Renju ta’ l-Olanda fl-20 ta’ Frar 2002.

30     Il-premessa 3 tindika li r-Renju ta’ l-Olanda rtira din l-applikazzjoni fit-13 ta’ Mejju 2002.

31     Il-premessa 4 tirrileva li "l-produtturi ta’ zokkor ta’ ħames Stati differenti ACP irrifjutaw, f’Mejju u f’Ġunju 2002, li jfornu z-zokkor neċessarju għall-produttur in kwistjoni, produttur stabbilit f’Guyana li kien aċċetta li jikkunsinja l-kwantità u l-kwalità meħtieġa, iżda għal prezz [450 dollaru ta’ l-Istati Uniti (USD) għal kull tunnellata FOB Georgetown] nettament aktar għoli minn dak taz-zokkor Kolumbjan (275 USD għal kull tunnellata, sal-maħżen tax-xerrej)". Din l-informazzjoni ġiet trasmessa lill-Kummissjoni mir-Renju ta’ l-Olanda fl-4 ta’ Ottubru 2002.

32     Il-premessa 5 tindika li r-Renju ta’ l-Olanda jsostni li l-ispejjeż tax-xogħol u l-ispejjeż imħallsa fl-Antilles telgħu għal 1 095 570 EUR għal 3 000 tunellata ta’ prodotti mitmuma, u dawn ta’ l-aħħar għandhom valur ta’ 3 241 200 Euro. Din l-informazzjoni tirriżulta mill-formularju mehmuż ma’ l-applikazzjoni għal deroga.

33     Il-premessa 6 tippreċiża li l-eżami ta’ l-informazzjoni fornuta turi li l-valur miżjud mill-attività hija għola minn 45 % tal-prezz meta jitlaq mill-fabbrika (Ex-works price), fil-każ tal-kunsinna taz-zokkor Kolumbjan kif ukoll taz-zokkor mill-Guyana. L-affermazzjoni fir-rigward tal-valur miżjud għaz-zokkor tal-Guyana jirriżulta minn kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni, liema kalkolu sar fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni trasmessa mir-Renju ta’ l-Olanda.

34     Il-premessa 7 tfakkar li Suproco bbenefikat, fil-limiti tal-kwota annwali ta’ 28 000 tunellata għall-2002, minn liċenzja ta’ importazzjoni għall-kwantità ta’ 6 222 tunellata. Din l-informazzjoni ġiet trasmessa mir-Renju ta’ l-Olanda lill-Kummissjoni fl-ittra tiegħu ta’ l-4 ta’ Ottubru 2002.

35     Jirriżulta li jekk il-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata tfakkar ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT u l-premessa 2 is-suġġett ta’ l-applikazzjoni għal deroga, il-premessi 3 sa 7 jillimitaw ruħhom sabiex jerġgħu jipproponu l-elementi fattwali ppreżentati mir-Renju ta’ l-Olanda (premessi 3 sa 5 u 7) jew determinati fuq il-bażi ta’ informazzjoni trasmessa minnu (premessa 6). Għal dak li jirrigwarda l-premessa 9, din tindika li l-miżuri previsti mid-deċiżjoni kkontestata huma konformi mal-parir tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

36     Hija l-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li tesprimi l-motivazzjoni, fid-dritt, għar-rifjut mill-Kummissjoni ta’ l-applikazzjoni għal deroga ppreżentata mir-Renju ta’ l-Olanda.

37     Il-premessa 8 tgħid li "fid dawl ta’ dawn l-elementi kollha, id-deroga mitluba mhix ġustifikata fir-rigward ta’ l-Artikolu 37(1) ta’ l-Anness III. L-informazzjoni mogħtija turi li r-regoli applikabbli għall-kumulu ta’ oriġini jistgħu jagħtu soluzzjoni għall-problema. Fil-fatt, l-ebda informazzjoni ma ngħatat li turi li l-użu taz-zokkor minn Guyana tkun tant mhux renditizzja li hija twassal lill-produttur jieqaf mill-attività tiegħu. Minbarra dan, jekk il-valur miżjud li jirriżulta mill-attività fil-każ ta’ kunsinna ta’ zokkor Kolumbjan u ta’ zokkor minn Guyana huwa għola minn 45 % tal-prezz meta jitlaq mill-fabbrika (Ex-works price), l-Artikolu 37(7), ma japplikax".

38     It-tieni frażi ta’ din il-premessa titratta d-dħul fis-seħħ ta’ l-Artikolu 37(4) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, peress li hija tindika li r-regoli dwar kumulu ta’ oriġini jippermettu li l-problema tiġi solvuta. Minkejja dan, l-affermazzjoni kategorika u konċiża li hemm f’din il-frażi ma ssib l-ebda sostenn minn ebda motivazzjoni preċiża.

39     B’mod partikolari, l-affermazzjoni tat-tieni frażi tal-premessa 8 ma għandhiex ġustifikazzjoni suffiċjenti fit-tielet frażi ta’ l-istess premessa.

40     Il-kliem użat f’din it-tielet frażi tindika li il-Kummissjoni probabbilment użat kalkolu ta’ renditu f’każ ta’ użu ta’ zokkor mill-Guyana. Tali kalkolu kien neċessarju sabiex ikun stabbilit jekk ir-regoli dwar il-kumulu ta’ oriġini jippermettux li tiġi solvuta l-problema ffaċċjata minn Suproco. Madankollu, la l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex jitwettaq tali kalkolu, u lanqas is-sempliċi riżultat ta’ dan il-kalkolu ma jidher fid-deċiżjoni kkontestata. Lanqas ma jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li dan il-metodu jew dan ir-riżultat kien magħruf mir-Renju ta’ l-Olanda, u a fortiori minn Suproco, waqt il-proċedura amministrattiva. Anki kieku l-kalkolu in kwistjoni seta kien dedott minn elementi differenti li jinsabu fil-premessi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, tali kalkolu kien jibqa’ inċert, minħabba l-kambju monetarju li jkollu jsir. Fil-fatt, il-prezzijiet taz-zokkor ta’ Guyana, imsemmija fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, huma espressi f’Dollari ta’ l-Istati Uniti (USD) filwaqt li l-informazzjoni ekonomika msemmija fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata huma espressi f’Euro. Iżda, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas dokumenti tal-proċess dwar il-proċedura amministrattiva ma jirreferu għar-rata tal-kambju li ġiet użata mill-Kummissjoni.

41     Min-naħa l-oħra, it-tielet frażi tal-premessa 8 ma tispjegax kif intrapriża li tiddedika ruħha għal attività "mhux renditizzja" (jew "mhux ekonomika" skond verżjonijiet oħra lingwistiċi tad-deċiżjoni kkontestata) setgħet tiddeċiedi, minkejja kollox, li tkompli bil-produzzjoni tagħha.

42     Jirriżulta minn dawn l-elementi li mhux possibbli li tiġi stabbilita b’mod suffiċjentement ċar, il-motivazzjoni li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li r-regoli dwar il-kumulu ta’ oriġini jppermettu li l-problema tiġi solvuta u li l-użu taz-zokkor minn Guyana ma jwassalx lill-produttur milli jieqaf mill-attività tiegħu. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan ir-rigward, ma tippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza li twettaq il-kontroll tagħha.

43     Din il-motivazzjoni ma tippermettiex lanqas lir-Renju ta’ l-Olanda u lill-Suproco li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Hemm lok li fuq dan il-punt jingħad li Suproco qajmet fir-rikors tagħha, argument ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 37(3)(b) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, argument sostnut mir-Renju ta’ l-Olanda fis-sottomissjoni għall-intervent tiegħu. B’mod partikolari, Suproco tqis li l-Kummissjoni kienet kisret din id-dispożizzjoni meta hi kkunsidrat li l-waqfa ta’ l-attività kienet kundizzjoni essenzjali għall-konċessjoni tad-deroga. Iżda, huwa diffiċli li jiġi stabbilit mis-sempliċi qari tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-Artikolu 37 (3)(b) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT ġiex applikat, jew le, mill-Kummissjoni, partikolarment fid-dawl ta’ l-affermazzjoni li tidher fil-premessa 8 tagħha li skond din l-użu taz-zokkor minn Guyana ma wassalx lill-produttur milli jwaqqaf l-attività tiegħu.

44     Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni li tinsab fl-aħħar frażi tal-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-Artikolu 37(7) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 253 KE.

45     Mingħajr ma jkollha l-lok li tippronunzja ruħha dwar l-applikazzjoni possibbli f’dan il-każ partikolari, ta’ l-Artikolu 37(7) ta’ l-Anness III tad-deċiżjoni OCT, huwa biżżejjed li jingħad li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni rigward il-valur miżjud għaz-zokkor li ġej minn Guyana mhux identifikabbli fid-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni tat riżultati differenti minn dan il-kalkolu fl-atti tagħha (punt 35 r-risposta), waqt is-seduta (in segwitu ta’ mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza) u wara s-seduta (fil-kuntest ta’ risposta bil-miktub tas-6 ta’ Diċembru 2004 għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza).

46     F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ispjegazzjonijet mogħtija mill-Kummissjoni li, għall-kalkolu, f’persentaġġ, għall-parti tal-valur miżjud (intiz bħala l-prezz tal-prodotti meta jitilqu mill-fabbrika (Ex-works price), imnaqqas mill-valur għal skopijiet tad-dwana tal-materjali importati minn pajjiżi terzi fil-Komunità, l-Istati ACP jew l-OCT) għal zokkor importat fil-valur tal-prodott mitmum, ir-rata ta’ kambju applikabbli kien ikun dak fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 2002, jiġifieri 1 USD għal 1,0111 EUR. Minkejja dan, il-Kummissjoni tammetti, fir-risposta miktuba tagħha li applikat rata ta’ kambju differenti ta’ 1 USD għal 1 EUR, sabiex tikkalkola il-valur għal skopijiet tad-dwana taz-zokkor importat. Minbarra dan, din l-aħħar rata ta’ kambju kienet ġiet utilizzata fil-kalkolu li sar sa minn ammont (3 241 200 EUR) li jirriżulta minn konverżjoni magħmula skond tielet rata ta’ kambju (1 USD għal 1,1505 EUR, fis-seħħ fl-20 ta’ Frar 2002). Minbarra dan, dan l-ammont ta’ 3 241 200 EUR, li d-deċiżjoni kkontestata tafferma, mingħajr ebda dettalji, li dan jirrapreżenta l-valur tal-prodotti mitmuma, u ma jikkorrispondux għall-prezz tal-prodotti meta jitilqu mill-fabbrika (Ex-works price), iżda għal dan il-prezz awmentat bl-ispejjeż tal-kunsinna lix-xerrejja.

47     Barra minn hekk, jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess, li l-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ 37,2 USD għal kull tunnellata għall-ispejjeż ta’ trasport taz-zokkor importat huwa ġustifikat sabiex jiġi kkalkulat il-valur miżjud għaz-zokkor li ġej minn Guyana, meta wieħed jikkunsidra li l-ammont ta’ 85 USD għal kull tunnellata imsemmi mir-Renju ta’ l-Olanda fl-ittra tiegħu ta’ l-4 ta’ Ottubru 2002, huwa eċċessiv. Iżda, l-ammont ta’ 37,2 USD għal kull tunnelata ma jidhirx fid-deċiżjoni kkontestata. Lanqas ma jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess konnessi mal-proċedura amministrattiva li dan l-ammont kien magħruf mir-Renju ta’ l-Olanda u, a fortiori, minn Suproco.

48     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-motivazzjoni li tidher fl-aħħar frażi tal-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tippermetti lir-Renju ta’ l-Olanda u lill-Suproco li jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli teżerċità l-kontroll tagħha.

49     Għal dawn il-motivi kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodissfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE u li għalhekk trid tiġi annullata, għal din ir-raġuni, mingħajr ma hu neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti fuq il-mertu mressqa minn Suproco sabiex issostni r-rikors tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

50     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, konformement mat-talbiet ta’ Suproco.

51     Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeciedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/34/KE ta’ l-10 ta’ Jannar 2003 li rrifjutat li tikkonċedi d-deroga għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ l-oriġini applikabbli għaz-zokkor li ġej mill-Antilles Olandiżi hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk magħmula minn Suproco.

3)      Il-Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju ta’ l-Olanda għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta’ Settembru 2005.

Reġistratur

 

       il-President

H. Jung

 

       M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.