Language of document : ECLI:EU:T:2005:340

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

27 ta' Settembru 2005 (*)

« Trademark Komunitarja – Sinjal verbali CARGO PARTNER – Raġuni assoluta għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Nuqqas ta' karattru distintiv »

Fil-kawża T‑123/04

Cargo Partner AG, stabbilita f'Fischamend (l-Awstrija), irrappreżentata minn M. Wolner, avocat,

rikorrenti,

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-26 ta' Jannar 2004 (kawża R 346/2003-1), dwar it-talba għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali CARGO PARTNER bħala trademark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Marzu 2004,

wara li rat it-tweġiba ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta' Lulju 2004,

wara s-seduta tad-9 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-14 ta' Mejju 2002, Cargo Partner AG ippreżentat applikazzjoni għal-trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CARGO PARTNER.

3       Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 36 u 39 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorispondu għad-deskrizzjoni li ġejja :

–       klassi 36 : "Assigurazzjonijiet" ;

–       klassi 39 : "Trasport; l-ippakkjar u l-ħżin ta’ oġġetti; arranġamenti għat-trasport".

4       Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Marzu 2003, l-eżaminatur ċaħad, skond l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trademark għas-servizzi ta' trasport, ippakkjar u ħżin ta' oġġetti, inklużi fil-klassi 39, minħabba n-nuqqas ta' karattru distintiv u minħabba l-karattru deskrittiv tas-sinjal verbali in kwistjoni.

5       Fid-19 ta' Mejju 2003, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur f'dak li jirrigwarda r-rifjut tiegħu li jirreġistra t-trademark għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar 'il fuq.

6       Permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Marzu 2004, mogħtija fil-kawża R 346/2003-1 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad ir-rikors minħabba li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u għaldaqstant ikkonferma d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur tad-19 ta' Marzu 2003.

7       Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal verbali CARGO PARTNER, il-Bord ta' l-Appell osserva li l-pubbliku kkonċernat kien il-pubbliku Anglofonu fit-totalità tiegħu.

8       Huwa essenzjalment kkunsidra li, fir-rigward tas-sinifikat tagħhom bl-Ingliż, il-kliem "cargo" u "partner" kienu neqsin minn karattru distintiv b'relazzjoni għall-lista ta' servizzi in kwistjoni, li jikkonsistu f'servizzi ta' trasport kif ukoll servizzi relatati, bħall-ippakkjar u l-ħżin ta' oġġetti. Huwa sostna li l-espressjoni Ingliża "cargo partner" setgħet tiġi tradotta bil-Ġermaniż bħala "Frachtpartner" jew "Transportpartner" u li l-formazzjoni tagħha kienet konformi mar-regoli grammatikali tal-lingwa Ingliża.

9       Billi rrefera għal sit ta' l-Internet, il-Bord ta' l-Appell enfasizza sussegwentement li s-sinjal CARGO PARTNER kien diġà użat biex jindika l-assoċjati fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija. Huwa żied jgħid li l-fatt li l-ebda dizzjunarju speċjalizzat ma kien għadu nkorpora din l-espressjoni ma kellux importanza.

10     Il-Bord ta' l-Appell sostna li l-ebda element ma jippermetti li jiġi kkonfermat li s-sinjal CARGO PARTNER, ikkunsidrat kollu kemm hu u b'relazzjoni mas-servizzi in kwistjoni, kien jirrappreżenta iktar mit-totalità ta' l-elementi li jiffurmawh. Minn dan, huwa kkonkluda li l-imsemmi sinjal kien nieqes minn livell minimu ta' karattru distintiv neċessarju għall-finijiet ta' reġistrazzjoni u li, għalhekk, kien eskluż milli jiġi rreġistrat bis-saħħa ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tirriforma d-deċiżjoni kkontestata billi tippermetti r-reġistrazzjoni tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni;

–       alternattivament, tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI;

–       f'kull każ, tordna l-ħlas lura ta' l-ispejjeż tar-rikorrenti.

12     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

13     L-UASI jqajjem qabel xejn tliet eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà, tnejn li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tar-rikors bħali tali u t-tielet waħda dwar l-ammissibbiltà ta' l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta' inammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

14     L-UASI jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li r-rappreżentazzjoni tar-rikorrenti mhijiex konformi ma' l-Artikolu 19 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jfakkar li, skond din id-dispożizzjoni, il-partijiet l-oħra minbarra l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jkun awtorizzat biex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru. Jirriżulta mir-rikors li r-rikorrenti hija rrappreżentata mill-kumpannija ta' responsabbiltà limitata Gassauer-Fleissner Rechtsanwälte. Barra minn hekk, ma' din l-indikazzjoni hemm ukoll firma fuq ir-rikors li ma kienx possibbli li tiġi identifikata bħala li tikkorrispondi ma' l-ismijiet Gassauer jew Fleissner.

15     Fit-tweġiba tiegħu, l-UASI jirrikonoxxi li persuna ġuridika tista' ukoll tkun awtorizzata li tipprattika l-professjoni ta' avukat permezz tas-soċji tagħha li huma awtorizzati li jirrappreżentawha. Madankollu, l-UASI jsostni li r-rappreżentazzjoni ta' parti minn persuna ġuridika, fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, mhijiex konformi ma' l-Artikolu 19 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Matul is-seduta, l-UASI osserva li r-rappreżentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tkun minn persuna fiżika, filwaqt li r-rikorrenti inkarigat persuna ġuridika sabiex tirrappreżentaha.

16     Barra minn hekk, l-UASI jsostni li l-proċess ma fih ebda lista tas-soċji awtorizzati li jirrappreżentaw lill-Gassauer-Fleissner Rechtsanwälte. Huwa jenfasizza li, anki jekk dokument jikkonferma l-fatt li ċertu Michael Wolner huwa awtorizzat, dan ta' l-aħħar mhuwiex imsemmi bħala rappreżentant la fil-prokura maħruġa mir-rikorrenti u lanqas fir-rikors stess. Barra minn hekk, ma ġie ppreżentat ebda estratt mir-reġistru kummerċjali fir-rigward ta' Gassauer-Fleissner Rechtsanwälte.

17     L-UASI wasal għall-konklużjoni li, fil-mument meta ġie ippreżentat ir-rikors, l-awtorizzazzjoni ta' l-avukati tar-rikorrenti sabiex jirrappreżentawha quddiem il-qrati Komunitarji kienet għada ma ġietx stabbilita, liema fatt jikkostitwixxi ksur ta' formalitajiet sostanzjali u jimplika l-inammissibbiltà ta' dan ir-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

18     Kif jirriżulta mit-tielet u r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 19 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim''Istanza bis-saħħa ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53 ta' l-istess Statut, avukat biss, li jkun awtorizzat biex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jista’ validament iwettaq atti ta' proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza f'isem partijiet oħra minbarra l-Istati u l-istituzzjonijiet [Digrieti tal-Qorti tal-Prim'Isanza ta' l-24 ta' Frar 2000, FTA et vs il-Kunsill, T-37/98, Ġabra p. II-373, punt 20, u tad-9 ta' Settembru 2004, Alto de Casablanca vs l-UASI – Bodegas Chivite (VERAMONTE), T-14/04, li għada ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 9].

19     Mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli wkoll għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza bis-saħħa ta' l-Artikolu 53, iċċitat iktar 'il fuq, jirriżulta li r-rikors għandu jkun iffirmat minn persuna awtorizzata tirrappreżenta lir-rikorrenti, konformement ma' l-Artikolu 19 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (Digriet FTA et vs il-Kunsill, iċċitat iktar 'il fuq, punti 21 u 22). Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza jeżiġi li l-oriġinali ta' l-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti. Fil-fatt, il-firma miktuba bl-idejn ta' l-avukat jew ta' l-aġent li jkun qiegħed jirrappreżenta parti, fuq l-oriġinali ta' l-atti tal-proċedura kollha, hija l-uniku mezz li jippermetti li jiġi assigurat li r-responsabbiltà ta' tali att tittieħed minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-parti quddiem il-qrati Komunitarji, konformement ma' l-Artikolu 19 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ordni FTA et vs il-Kunsill, iċċitat iktar 'il fuq, punti 23 u 26).

20     Kif jirriżulta mill-annessi tar-rikors, l-avukatura ta' Vjenna affermat li Gassauer-Fleissner Rechtsanwälte kienet irreġistrata fuq il-lista ta' kumpanniji li tipprattika l-professjoni ta' avukat u li hija kienet awtorizzata li jipprattikaw, permezz ta' l-assoċjati tagħha li huma awtorizzati li jirrappreżentawha, il-professjoni ta' avukat fl-Awstrija u li tidher quddiem il-qrati Awstrijaċi kollha.

21     Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, fl-intestatura tar-rikors hemm lista ta' soċji ta' Gassauer-Fleissner Rechtsanwälte, li fosthom jidher is-Sur Michael Wolner. Dan ta' l-aħħar, kif jirriżulta mill-proċess, huwa mniżżel bħala avukat ma' l-avukatura ta' Vjenna.

22     Minn dan jirriżulta li Gassauer-Fleissner Rechtsanwälte tista', b'mod partikolari permezz tas-Sur Michael Wolner, tipprattika l-professjoni ta' avukat u tidher quddiem il-qrati Awstrijaċi.

23     Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, is-Sur Wolner ikkonferma, permezz ta' faks li l-Qorti tal-Prim'Istanza rċeviet fis-27 ta' Ottubru 2004, li l-firma li tidher fuq id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti kienet tiegħu.

24     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-UASI għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni ta' inammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

25     L-UASI jenfasizza li r-rikors ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura minħabba l-qosor tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet invokati mir-rikorrenti, li tillimita ruħha li ssostni l-kuntrarju ta' dak li kkonkluda l-Bord ta' l-Appell. L-UASI jfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, mhuwiex biżżejjed li jiġi invokat ksur tad-dritt. Jeħtieġ fil-fatt li tali allegazzjoni tkun sostnuta minn argumenti ġuridiċi jew fattwali (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 184, u ta' l-14 ta' Lulju 1994, Parker Pen vs il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-549, punti 99 u 100). Barra minn hekk, fis-seduta, l-UASI sostna li r-rikorrenti kienet ressqet b'sostenn għal dan ir-rikors l-istess argumenti mressqa quddiem l-UASI.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

26     Skond l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa, u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex il-konvenut ikollu l-possibbiltà jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista' tiddeċiedi fuq ir-rikors. L-istess għandu japplika għat-talbiet kollha, li għandhom ikollhom magħhom raġunijiet u argumenti li jippermettu, kemm lill-konvenut kif ukoll lill-qorti, jevalwaw il-fondatezza tagħhom (sentenza Dunlop Slazenger vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 183).

27     Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex ir-rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom dan huwa bbażat ikunu evidenti, għall-inqas sommarjament, iżda b'mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors stess (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Asia Motor France et vs il-Kummissjoni, T-387/94, Ġabra p. II-961, punt 106, u d-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Novembru 1993, Koelman vs il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 21).

28     Fil-kawża preżenti, ir-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza bis-saħħa ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53 ta' dan ta' l-aħħar u ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li s-sinjal verbali li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni huwa nieqes minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għalkemm id-dikjarazzjoni ta' l-elementi b'sostenn tar-rikors hija qasira, hija biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Prim'Istanza tidentifika l-argumenti li jikkostitwixxu l-bażi ġuridika u fattwali tar-rikors.

29     Il-fatt li l-argumenti kollha jew ta' parti minnhom diġà invokati quddiem l-UASI huma ripetuti, u mhux li jerġgħu sempliċiment jiġu rinvijati lura lill-UASI, ma jikkostitwixxix ksur ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura. Ladarba rikorrenti jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-UASI, il-punti ta' dritt eżaminati minnu jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid f'rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Dan jaqa' taħt il-kontroll ġudizzjarju li għalih huma suġġetti d-deċiżjonijiet ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament 40/94, li jistipula li jista' jitressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell, b'mod partikolari fuq raġunijiet ta’ vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom.

30     Għaldaqstant, it-tieni eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-UASI għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

31     L-UASI jsostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti titlob li tinbidel id-deċiżjoni kkontestata sabiex is-sinjal CARGO PARTNER jiġi rreġistrat bħala trademark. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax taċċetta r-reġistrazzjoni ta' trademark li għaliha saret l-applikazzjoni. Min-naħa, jirriżulta mill-Artikoli 233 KE u 63(6) tar-Regolament 40/94, kif ukoll mill-ġurisprudenza, li l-UASI għandu jieħu huwa stess il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenzi tal-Qrati Komunitarji [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs l-UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punt 53]. Min-naħa l-oħra, il-pass li jmiss fil-proċedimenti ta' reġistrazzjoni bħala trademark Komunitarja mhuwiex ir-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda l-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni skond l-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

32     Skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti Komunitarja. Għaldaqstant, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tindirizza inġunzjoni lill-UASI. Huwa dan ta' l-aħħar, fil-fatt, li joħroġ il-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza meta hija tikkunsidra li r-raġunijiet tar-rikorrenti huma fondati. Talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tordna li titkompla l-proċedura ta' reġistrazzjoni hija għalhekk inammissibbli [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs l-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33, u tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12].

33     Madankollu, ir-rikorrenti, safejn hija tikkonkludi, fit-tieni kap tat-talbiet tagħha, alternattivament, ir-rinviju quddiem l-UASI, hija titlob impliċitament l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

34     Barra minn hekk jekk, minkejja l-kliem tat-talbiet tar-rikors, jirriżulta b'mod ċar mir-rikors li r-rikorrenti qiegħda titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Ġunju 1995, PIA HiFi vs il-Kummissjoni, T-169/94, Ġabra p. II-1735, punt 17, u l-ordni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ġunju 1995, Kik vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-107/94, Ġabra p. II-1717, punti 30 u 32).

35     Fil-kawża preżenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, b'rigward għall-kontenut ta' l-argumenti li r-rikorrenti tiżviluppa sabiex issistni t-talbiet tagħha, dawn fir-realtà huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tippreżenta, fir-rikors tagħha, argumenti intiżi sabiex jistabbilixxu l-illegalità tar-rifjut ta' reġistrazzjoni tas-sinjal verbali CARGO PARTNER.

36     Għaldaqstant, safejn ir-rikors għandu jiġi interpretat f'dan is-sens, dan huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

37     Ir-rikorrenti tibbaża r-rikors tagħha fuq żewġ raġunijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u t-tieni waħda fuq il-ksur tal-prinċipju ta' ebda diskriminazzjoni.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

38     Ir-rikorrenti tfakkar li, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs l-UASI (C-383/99 P, Ġabra p. I-6251), kull differenza perċettibbli fil-formulazzjoni ta' sinjal verbali li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni fir-rigward tat-terminoloġija użata, fil-lingwaġġ ta' kuljum tal-kategorija ta' konsumaturi kkonċernati, sabiex jiġi indikat il-prodott jew servizz jew il-karatteristiċi essenzjali tagħhom, hija tali li tagħti karattru distintiv lis-sinjal li jippermettilu li jiġi rreġistrat bħala trademark Komunitarja. Ir-rikorrenti żżid li, meta t-taħlita ta' żewġ kelmiet tagħti fiha nnifisha, għall-inqas b'assoċjazzjoni jew b'allużjoni, lok għal diversi tifsiriet, is-sinjal ma jkollu ebda funzjoni deskrittiva [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Wrigley vs l-UASI (DOUBLEMINT), T‑193/99, Ġabra p. II‑417]. Barra minn hekk, meta taħlita ta' kliem twassal sabiex toħloq marġni għal effett suġġestiv tas-sinjal, din tkun biżżejjed sabiex tagħti karattru distintiv lil dan is-sinjal. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs l-UASI (EASYBANK) (T-87/00, Ġabra p. II-1259).

39     Ir-rikorrenti tfakkar ukoll li, meta kelma tista' tiġi mmemorizzata faċilment u immedjatament mill-pubbliku kkonċernat, hija jkollha, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, kapaċità intrinsika li tiġi pperċepita minn dan il-pubbliku bħala sinjal distintiv. Ma jkunx neċessarju li l-kelma jkollha element ta' fantasija, kemm partikolarment oriġinali jew li jolqot l-għajn. Trademark hija bbażata biss fuq il-kapaċità tagħha li tidentifika prodotti jew servizzi fis-suq, minn prodotti jew servizzi ta' l-istess tip offerti mill-kompetituri (sentenza EUROCOOL, iċċitata iktar 'il fuq).

40     Ir-rikorrenti ssostni li, f'dan il-każ, id-denominazzjoni "cargo partner" mhijiex komuni u għalhekk adattata li tidentifika s-servizzi li hija toffri. Hija tibbaża din l-affermazzjoni essenzjalment fuq it-tliet argumenti li ġejjin. L-ewwel nett, sabiex jiġu deskritti s-servizzi in kwistjoni, normalment ma jintużax is-sinjal CARGO PARTNER iżda "your partner for cargo" jew espressjonijiet simili. Għal din ir-raġuni, id-denominazzjoni in kwistjoni tkun diġà pperċepita mill-pubbliku bħala waħda li tidentifika s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti. It-tieni nett, meta l-kelma "partner" tintuża fir-rigward ta' impriża, il-pubbliku jistenna li din tkun użata fil-plural. Barra minn hekk, kif ir-rikorrenti affermat fis-seduta, f'dan il-każ, il-kelma "partner" ma tindikax mod ta' kif tiġi organizzata l-impriża, iżda relazzjoni partikolari mal-klijenti. It-tielet nett, id-denominazzjoni "cargo partner" tidher fl-isem tan-negozju tar-rikorrenti u, għal numru ta' snin, tiddistingwih mill-kompetituri tiegħu.

41     L-UASI jfakkar li trademark hija nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta mhijiex kapaċi tikkaratterizza prodotti jew servizzi skond l-oriġini kummerċjali tagħhom. Dan huwa normalment il-każ meta trademark tillimita ruħha li tikkaratterizza t-tip ta' prodotti jew servizzi jew li tiddeskrivi l-karatteristiċi tagħhom.

42     L-UASI jenfasizza li r-rikorrenti ma tikkontestatx il-konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjal CARGO PARTNER huwa użat minn impriżi sabiex jiddeskrivu l-assoċjati tagħhom fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija. Skond l-UASI, din l-affermazzjoni ġiet issostanzjata b'referenza għal sit ta' l-internet fid-deċiżjoni kkontestata u tista' tiġi kkorroborata minn eżempji oħra, bħal komunikazzjoni ta' l-Air France fejn issejjaħ lilha nnifisha bħala "cargo partner" għal żewġ espożizzjonijiet ta' Picasso fl-Indja, u komunikazzjoni ta' Cargo Counts, kumpannija sussidjarja ta' Lufthansa, li skond din hija l-"cargo partner" il-ġdid ta' l-ajruport ta' Frankfurt.

43     Skond l-UASI, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li fil-kummerċ ma tintużax il-kelma "partner" fis-singular iżda "partners" fil-plural, hija nieqsa minn kull prova u hija manifestament żbaljata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

44     Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv". Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula l-"Paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità".

45     Jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 40/94 li karattru minimament distintiv huwa biżżejjed sabiex ma tkunx applikabbli r-raġuni għal rifjut imsemmija f'dan l-Artikolu (sentenza EUROCOOL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).

46     In-nuqqas ta' karattru distintiv ma jistax jirriżulta biss mill-konstatazzjoni li s-sinjal in kwistjoni m'għandux element ta' fantasija jew li m'għandux aspett li mhuwiex komuni jew li jolqot l-għajn (sentenza EASYBANK, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).

47     Il-karattru distintiv ta' trademark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 40/94 ifisser li din it-trademark tippermetti li prodott jew servizz li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u għalhekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott jew servizz minn dak ta' impriżi oħra u għaldaqstant hija kapaċi li tissodisfa l-funzjoni essenzjali tat-trademark (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2004, l-UASI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, għadha ma ġietx ippubblikata, punt 42 u ġurisprudenza ċċitata).

48     Il-karattru distintiv ta' trademark jista' jiġi evalwat biss, min-naħa, b'relazzjoni għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, u, min-naħa l-oħra, b'relazzjoni għall-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-UASI vs Erpo Möbelwerk, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Best Buy Concepts vs l-UASI (BEST BUY), T-122/01, Ġabra p. II-2235, punt 22; tat-3 ta' Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs l-UASI (Forma ta' flixkun), T-305/02, Ġabra p. II-5207, punt 29, u ta' l-10 ta' Novembru 2004, Storck vs l-UASI (Ippakkjar ta' ħelwa), T-402/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48].

49     Sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta' sinjal verbali li juri karattru distintiv, għandha tiġi kkunsidrata l-perspettiva ta' konsumatur li jitkellem bil-lingwa ta' l-imsemmi sinjal (sentenza Procter & Gamble vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42).

50     F'dan il-każ, għandu jiġu rrilevat li s-servizzi kkonċernati kienu t-trasport kif ukoll l-ippakkjar u l-ħżin ta' prodotti, il-pubbliku kkonċernat huwa magħmul mill-pubbliku Anglofonu fit-totalità tiegħu, kif ġustament sostna l-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

51     Mill-aspett tal-lingwa Ingliża, is-sinjal CARGO PARTNER ma jmurx kontra r-regoli grammatikali ta' din il-lingwa u, għaldaqstant, m'għandux struttura mhux tas-soltu.

52     Il-kelma "partner" hija użata f'kuntesti differenti, inkluż fil-qasam ta' provvista ta' servizzi, sabiex jiġu deskritti relazzjonijiet ta' assoċjazzjoni jew ta' soċjetà, billi jiġu invokati, f'dan ir-rigward, konnotazzjonijiet pożittivi ta' affidabbiltà u ta' kontinwità [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, MLP Finanzdienstleistungen vs l-UASI (bestpartner), T‑270/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23].

53     It-terminu "cargo" jindika li s-servizzi in kwistjoni huma t-trasport kif ukoll l-ippakkjar u l-ħżin ta' prodotti.

54     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-termini "cargo" u "partner" huma kliem ġeneriċi, li għal din ir-raġuni mhumiex adatti sabiex joħolqu distinzjoni bejn is-servizzi tar-rikorrenti u dawk ta' impriżi oħrajn.

55     F'dak li jirrigwarda t-trademarks komposti minn kliem, bħal dik li hija s-suġġett ta' din il-kontroversja, in-nuqqas ta' karattru distintiv għandu jiġi kkonstatat mhux biss għal kull wieħed mit-termini meħud separatament, iżda wkoll għat-trademark kollha kemm hi li huma jiffurmaw. Fil-fatt, kull differenza perċettibbli fil-formulazzjoni tas-sinjal verbali li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni b'relazzjoni għat-terminoloġija użata, fil-lingwaġġ ta' kuljum tal-kategorija ta' konsumaturi kkonċernati, sabiex jiġi indikat il-prodott jew servizz jew il-karatteristiċi essenzjali tagħhom, hija tali li tagħti karattru distintiv lil dan is-sinjal li jippermettilu jiġi rreġistrat bħala trademark (sentenza Procter & Gamble vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

56     F'din il-kawża, m'hemmx elementi li jindikaw li bl-Ingliż l-espressjoni "cargo partner" għandha, fil-lingwaġġ ta' kuljum, tifsira addizzjonali minn dik li tirrappreżenta l-assoċjat li joffri servizzi ta' trasport, ta' ippakkjar u ta' ħżin ta' prodotti. B'relazzjoni għat-termini li minnhom huwa kkostitwit, is-sinjal CARGO PARTNER ma juri ebda karatteristika addizzjonali li jista' jirrendi s-sinjal fit-totalità tiegħu, adattat sabiex jiddistingwi s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk ta' impriżi oħrajn f'moħħ il-pubbliku rilevanti.

57     Huwa veru li r-rikorrenti hija stabbilita fl-Awstrija, li huwa pajjiż fejn hija mitkellma l-lingwa Ġermaniża. Madankollu, peress li huwa suffiċjenti li r-raġunijiet għal rifjut jeżistu f’parti tal-Komunità sabiex ir-reġistrazzjoni ta’ trademark tkun irrifjutata, għandu jiġi kkonstatat li, malli tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġuni għal rifjut għall-parti Anglofona tal-Komunità, l-eżistenza eventwali ta’ tali raġuni f’partijiet oħrajn tal-Komunità m’għandha ebda importanza fuq ir-riżultat ta’ din il-kontroversja (sentenza bestpartner, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

58     Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, sussidjarjament, li ż-żewġ kelmiet “cargo” u “partner” jistgħu jintużaw ukoll bil-Ġermaniż sostanzjalment bl-istess tifsira li għandhom bl-Ingliż.

59     Minn dan jirriżulta li s-sinjal CARGO PARTNER huwa, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, nieqes minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 f’dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport kif ukoll ta’ ippakkjar u ħżin ta’ merkanziji.

60     F’dak li jirigwarda l-fatt invokat mir-rikorrenti li d-denominazzjoni CARGO PARTNER tidher fl-isem tan-negozju, ma jistax jqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni mwettqa s’issa.

61     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-raġuni bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tiġi milqugħa.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ebda diskriminazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

62     Permezz tat-tieni raġuni tagħha, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-Bord ta’ l-Appell marret kontra l-prassi deċiżjonali ta’ l-UASI, billi applikat, għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha, kriterju kunsiderevolment iktar strett minn każijiet ta’ applikanti oħrajn, bi ksur tal-prinċipju ta’ ebda diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tinvoka r-reġistrazzjoni bħala trademarks tas-sinjali Finishing Partner, Partner Marketing, Partner Store, YOUR CULINARY PARTNER, INHOUSE-OUTSOURCING, TRANSEUROPA, alltravel, MEGATOURS, Data Intelligence Group. Skond ir-rikorrenti, dawn it-trademarks, u b’mod partikolari Finishing Partner, mhumiex differenti mis-sinjal CARGO PARTNER. Għalhekk, il-prassi ta’ l-UASI fil-qasam ta’ reġistrazzjoni hija favur ir-reġistrazzjoni tas-sinjal CARGO PARTNER bħala trademark Komunitarja.

63     Fis-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-kawża preżenti hija differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza bestpartner, iċċitata iktar ‘il fuq, fuq tliet aspetti. L-ewwel nett, din il-kawża kienet tikkonċerna pubbliku speċjalizzat, filwaqt li fil-kawża preżenti l-pubbliku kkonċernat huwa magħmul minn konsumaturi medji. It-tieni nett, best partner huwa iktar slogan milli huwa CARGO PARTNER. It-tielet nett, jekk il-kelma “best” hija indikazzjoni ta’ kwalità ta’ l-impriża kkonċernata, dan mhuwiex il-każ għall-kelma “cargo”.

64     L-UASI jammetti li ġustament il-partijiet fi proċedimenti quddiemu jistennew li fatti simili jagħtu lok għal deċiżjonijiet simili. Madankollu, huwa jikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn tali aspettattiva u l-kwistjoni jekk il-partijiet fi proċedimenti paralleli jistgħux jinvokaw b’mod utli r-riżultat ta’ proċedimenti parallelli meta l-eżaminatur ta’ l-UASI u l-Bord ta’ l-Appell, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi in kwistjoni, jaslu, f’każ ieħor, għal riżultat li mhuwiex, jew mhuwiex kompletament, konformi ma’ l-ewwel deċiżjoni.

65     Skond l-UASI, ir-rikorrenti ma tispjega bl-ebda mod kif id-deċiżjonijiet preċedenti ta’ l-UASI, li hija tiċċita, huma simili għas-sitwazzjoni tal-kawża preżenti.

66     Barra minn hekk, l-UASI josserva li, anki jekk wieħed jissoponi li huma każijiet effettivament simili, id-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu ma jipproduċux effetti ġuridiċi vinkolanti. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi ghas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs l-UASI (STREAMSERVE) (T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66), li skontha l-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandha tkun ikkunsidrata unikament fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn.

67     Minn dan, l-UASI tasal għall-konklużjoni li jekk id-deċiżjonijiet preċedenti jkunu kontra l-liġi, qatt ma jkunu jistgħu jiġġustifikaw deċiżjoni ġdida li hija kontra l-liġi. Min-naħa l-oħra, jekk dawn ikunu konformi mad-dritt u li jikkonċernaw effettivament każijiet simili għal dik in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, din ma tkunx tista’ tiġi annullata ħlief f’każ ta’ implimentazzjoni ħażina tar-Regolament Nru 40/94 u mhux minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ebda diskriminazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

68     Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, anki jekk ir-raġunijiet ta’ fatt jew ta’ dritt li jinsabu f’deċiżjoni preċedenti jistgħu jikkostitwixxu argumenti b'sostenn għar-raġuni bbażata fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, xorta jibqa’ il-fatt li l-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandha tkun ikkunsidrata unikament fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn (sentenza STREAMSERVE, iċċitata iktar 'il fuq, punti 66 u 69).

69     Jeżistu fil-fatt żewġ ipotesijiet. Jekk, f’kawża preċedenti fejn jiġi aċċettat li sinjal għandu karattru li jippermettilu li jiġi rreġistrat bħala trademark Komunitarja, il-Bord ta’ l-Appell implimenta korrettament id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 40/94 u li, f’kawża sussegwenti, simili għall-ewwel waħda, il-Bord ta’ l-Appell wasal għal deċiżjoni kuntrarja, il-Qorti Komunitarja tkun obbligata li tannulla din l-aħħar deċiżjoni minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, f’din l-ewwel ipotesi, ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ebda diskriminazzjoni hija mingħajr effett (sentenza STREAMSERVE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67).

70     Min-naħa l-oħra, jekk, f’kawża preċedenti fejn jiġi aċċettat li sinjal għandu karattru li jippermettilu li jiġi rreġistrat bħala trademark Komunitarja, il-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ dritt, u li, f’kawża sussegwenti, simili għall-ewwel waħda, il-Bord ta’ l-Appell wasal għal deċiżjoni kuntrarja, l-ewwel deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi invokata b’mod utli b'sostenn għal talba għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju ta’ trattament indaqs ma jistax jiġi invokat ħlief fil-kuntest tar-rispett tal-legalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1972, Besnard et vs il-Kummissjoni, 55/71 sa 76/71, 86/71, 87/71 u 95/71, Ġabra p. 543, punt 39, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1993, Magdalena Fernández vs il-Kummissjoni, T-90/92, Ġabra p. II-971, punt 38) u li ħadd ma jista’ jinvoka għall-vantaġġ tiegħu stess illegalità mwettqa favur persuna oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 15, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2000, Rose vs il-Kummissjoni, T‑22/99, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑115, punt 39). Għaldaqstant, f’din it-tieni ipotesi, ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ebda diskriminazzjoni hija wkoll mingħajr effett (sentenza STREAMSERVE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67).

71     Għaldaqstant, ir-raġuni dwar ksur allegat tal-prassi deċiżjonali ta’ l-UASI mhijiex valida.

72     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel li peress li l-ebda waħda mir-raġunijiet mressqa ma ġiet milqugħa, ir-rikors preżenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata m’għandu ebda bażi u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

73     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż subiti mill-UASI, konformement mat-talbiet tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Cooke

García-Valdecasas

Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta' Settembru 2005

H. Jung

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.