Language of document : ECLI:EU:T:2005:339

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

27 ta' Settembru 2005 (*)

"Tnaqqis ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 3319/94 – Fatturazzjoni diretta lill-importatur – Kunċett ta’ ‘grupp ta’ esperti’ skond l-Artikolu 907 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Drittijiet tad-Difiża – ‘Negliġenza ċara’ skond l-Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Obbligu ta' motivazzjoni"

Fil-kawżi magħquda T‑134/03 u T‑135/03

Common Market Fertilizers SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn A. Sutton, barrister, u N. Flandin, Avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandhom bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet C (2002) 5217 u C (2002) 5218 finali tal-Kummissjoni, ta’ l-20 ta' Diċembru 2002, li jikkonstataw li t-tnaqqis ta’ dazji fuq l-importazzjoni mhuwiex iġġustifikati f’każ partikolari,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn B. Vesterdorf, President, J. D. Cooke, R. García-Valdecasas, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest Ġuridiku

1        It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3319/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d- dumping fuq l-importazzjonijiet ta' soluzzjoni mħallta ta' urea u ta' nitrat ta' l-ammonju li toriġina mill-Bulgarija u mill-Polonja, esportata minn kumpanniji għajr dawk li huma eżenti mid-dazju u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost (ĠU L 350, p. 20) jistabbilixxi s-segwenti dazju speċifiku kontra d-dumping :

"[...] Għall-importazzjonijiet irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera li mhumiex iffatturati direttament lill-importatur li huwa indipendenti mill-esportaturi jew mill-produtturi msemmija aktar 'il fuq li jinsabu fil-Polonja, id-dazju segwenti huwa stabbilit:

għall-prodott […] iċċertifikat minn Zaklady Azotowe Pulawy […] dazju speċfiku ta' EKU 19 għal kull tunnellata ta' prodott [...] (kodiċi addizzjonali TARIC: 8795)." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        L-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302 p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2700/2000, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 311 p.17) (aktar 'il quddiem il- "Kodiċi Doganali") jipprovdi:

1. "Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f'sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

–        li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-Kumitat;

–        li jirriżultaw minn ċirkustanzi li fihom ebda ingann [qerq] jew traskuraġni ovvja [negliġenza evidenti] ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista' tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kundizzjonijiet speċjali.

2. Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċju doganali [...]

3        Mill-Artikolu 4(24) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li skond l-imsemmi Kodiċi t-terminu "proċedura tal-kumintat għandu jfisser, b'mod partikolari, il-proċedura prevista fl-Artikoli 247 u 247a.

4        L-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li "[i]l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament, [...] għandhom jiġu adotti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 247a(2) [...]".

5        L-Artikoli 247 a tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

"Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana (minn issa ′l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE [...]

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu tal-Proċedura."

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

"1..L-istedina għal-laqgħa, l-aġenda, l-abbozzi ta' miżuri li dwarhom il-Kumitat huwa mitlub jagħti l-opinjoni tiegħu u kull dokument ta' ħidma ieħor għandhom jintbagħtu mill-President-Rappreżentanti Permanenti u lill-membri tal-Kumitat skond l-Artikolu 14(2), bħala regola ġenerali mhux aktar tard minn erbatax-il jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa

2. F'każijiet urġenti u meta l-miżuri li għandhom jittieħdu jkunu jridu jiġu applikati minnufih, il-President jista', fuq talba ta' membru tal-Kumitat jew b'inizjattiva tiegħu stess, iqassar it-terminu msemmi fil-paragrafu preċedenti sa ħamest ijiem kalendarji qabel id-data tal-laqgħa […]"

3. F'każijiet urġenti ħafna, il-President jista’ ma japplikax it-termini stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. Kemm-il darba jkun propost li tiddaħħal kwistjoni bħala parti mill-aġenda ta’ l-istess laqgħa, hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat. »[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU 1999 L 184, p. 23) jgħid hekk :

“Proċedura regolatorja

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat regolatorju kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

4. Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tresssaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew (...)”

8        L-Artikolu 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L253 p.1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98, tad-29 ta’ Lulju 1998 (ĠU L212 p.18, aktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' Applikazzjoni") b’mod partikolari jipprovdi:

"1. Meta l-awtorità doganali ta' deċiżjoni li lilha l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni skond l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi tkun ġiet sottomessa, ma tkunx tista' tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 899, imma l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta' l-interessat ma tkun attribwita lil dan, l-Istat Membru li lilu tkun tappartieni din l-awtorità għandu jittrasmetti l-każ lill-Kummissjoni biex dan ikun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909.

Madanakollu, ħlief jekk l-awtorità doganali li tieħu d-deċiżjonijet hija f'dubju, tista' tiddeċiedi hija nfisha li tagħti ħlas lura jew tirrinunzja mid-dazji f'każijiet fejn hija tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi huma eżawriti, kemm-il darba l-ammont ikkonċernat għal kull operatur fejn għandha x'taqsam ħidma ta' l-importazzjoni jew l-esportazzjoni waħda jew aktar, imma li jitqajmu mill-istess sitwazzjoni waħda u l-istess waħda speċjali, huwa inqas minn 50 000 ECU.

Il-frażi "il-persuna interessata" għandha tinftiehem fis-sens ta' l-Artikolu 899.

Fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtorità doganali ta' deċiżjoni għandha tiċħad l-applikazzjoni..

2. Il-każ li jintbagħat lill-Kummissjoni għandu jinkludi l-fatti meħtieġa għall-ezami sħiħ tal-każ ippreżentat. Għandha wkoll tinkludi stqarrija, iffirmata mill-applikant għal pagament l-ura jew remissjoni, jiċċertifika li huwa kien qara l-każ u jistqarr jew li huwa ma jkollu xejn xi jżid jew iniżżel l-informazzjoni addizzjonali li huwa jikkunsidra li għandha tkun inkluża

Malli tirċievi l-każ il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif xieraq

Jekk jinstab li l-informazzjoni fornuta mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed ħalli tkun tista tittieħed deċiżjoni dwar il-każ ikkonċernat fid-dawl tal-fatti kollha magħrufa, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali"

9        L-Artikolu 906 tar-Regolament ta’ l-applikazzjoni jipprovdi:

"Fi żmien ħmistax–il jum minn mindu tirċievi l-każ kif imsemmi fl-Artikolu 905(2), il-Kummissjoni għandha tgħaddi kopja tiegħu lill-Istati Membri.

L-eżami tal-każ għandu jkun inkluż malajr kemm jista jkun fl-aġenda ta' laqgħa tal-Kumitat previst fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi."

10      Wara l-fatti tal-kawża, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni ġiet emendata kif ġej mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2003 tal-25 ta’ Lulju 2003, li jemenda r-Regolament ta' Applikazzjoni (ĠU L 187 p.16):

"Il-kunsiderazzjoni ta' dak il-każ għandha tkun inkluża malajr kemm jista' jkun possibli fl-aġenda tal-laqgħa tal-grupp ta' l-esperti li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 907".

11      L-Artikolu 906 a tar-Regolament ta' Applikazzjoni jipprovdi:

"Meta, f'kull ħin fil-proċedura pprovduta fl-Artikoli 906 u 907, il-Kummissjoni taħseb li tieħu kull deċiżjoni li mhix favorevoli lejn l-applikant għall-ħlas lura jew rinunzja, għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha lilu/lilha bil-miktub, flimkien ma' kull dokumenti li fuqu tibbaża dawk l-oġġezzjonijiet. L-applikant għall-ħlas lura jew rinunzja għandu j(/t)esprimi l-fehma tiegħu/tagħha bil-miktub f'kull perjodu ta' xahar mid-data li fiha l-objezzjonijiet kienu ntbagħtu. Jekk hu/hi ma j/tagħtix il-fehma tiegħu/tagħha fi żmien dak il-perjodu, hu/hi għandu/ha j/tiġi meqjus/a li kien/et injora/t id-dritt li j/tesprimi kull pożizzjoni".

12      L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 907,tar-Regolament ta' Applikazzjoni jipprovdi:

"Wara li tikkonsulta grupp ta' esperti magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri kollha, li jiltaqa' fil-kwadru tal-Kumitat biex jikkunsidraw dak il-każ partikolari, il-Kumissjoni għandha tiddeċiedi jekk ikun hemm jew le sitwazzjoni speċjali li tiġġustifika r-rimbors jew ir-remissjoni".

13      L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958 17, p. 385) jgħid li:

"Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta' dak l-Istat".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Ir-rikorrenti, stabbilita fil-Belġju, hija bejjiegħ bl-ingross ta’ prodotti kimiċi u b'mod partikolari ta’ soluzzjonijiet ta’ ażotu (urea u nitrat ta’ ammonja). Il-grupp tar-rikorrenti jinkludi b’mod partikolari, Rellmann GmbH, stabbilita f’Amburgu (il-Ġermanja), sussidjarja 100% tar-rikorrenti, u Agro Baltic GmbH, ibbażata f’Rostock (il-Ġermanja) u li hija 100% sussidjarja ta' Rellmann. Fl-1989, ir-rikorrenti akkwistat il-kumpannija Champagne Fertilisants, li hija r-rappreżentanta fiskali għall-operazzjonijiet kollha tagħha fi Franza.

15      L-esportatur, il-kumpannija Pollakka Zaklady Azotowe Pulawy (aktar ‘il quddiem "ZAP" tbiegħ il-prodotti lill-Agro Baltic. Fi ħdan il-grupp tar-rikorrenti, l-istruttura kummerċjali hija din li ġejja: Agro Baltic terġa tbiegħ il-prodotti lill-Rellmann li min-naħa tagħha terġa tbiegħhom lir-rikorrenti. Jinħarġu l-kontijiet relatati.

16      Fil-kawża T‑134/03, bejn Marzu u Settembru ta’ l-1997, Agro Baltic xtrat mingħand ZAP tliet kunsinji ta’ taħlita ta’ urea u nitrat ta’ ammonja. Dawn il-kunsinji segwew l-istruttura kummerċjali deskritta fil-punt 15 aktar 'il fuq.

17      Cogema, aġenzija doganali awtorizzata, kienet inkarigata sabiex, f'isem Agro Baltic, tqiegħed il-prodotti fiċ-ċirkulazzjoni libera u sabiex, f'isem ir-rikorrenti, toħroġ il-prodotti għall-konsum..

18      Il-prodotti, għaldaqstant, kienu l-ewwel maħruġa fis-suq f’isem l-Agro Baltic, b’dikjarazzjoni EU0 annessa bil-fatturi ta' ZAP lill-Agro Baltic u ċ-ċertifikat EUR.1 li jixhed l-oriġini Pollakka tal-prodotti. Il-prodott, fl-istess ħin, tqiegħdu taħt il-proċedura ta' immagazzinaġġ doganali minfejn inħarġu ftit minuti wara sabiex joħorġu għall-konsum f’isem Champagne Fertilisants.

19      Fil-kawża T‑135/03, f’Jannar 1995, Agro Baltic xtrat kunsinna mingħand ZAP li aktar tard segwiet l-istruttura kummerċjali deskritta fil-punt 15 aktar 'il fuq.

20      Agro Baltic qabdet lill-aġenzija doganali awtorizzata SCAC Rouen (aktar ‘il quddiem "SCAC"), sabiex, f'isem Agro Baltica, tqiegħed il-merkanzija fiċ-ċirkulazzjoni libera u sabiex, f'isem ir-rikorrenti, toħroġha għall-konsum. Għaldaqstant, dan kien fisser li kienu qegħddin jiġu depożitati żewġ dikjarazzjonijiet doganali għall-istess prodotti, ma’ l-istess uffiċju doganali, li jagħmlu referenza għal żewġ destinatarji differenti, sabiex issir distinzjoni bejn il-ħlas tad-dwana u l-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

21      SCAC użat proċedura għar-rilaxx doganali ssimplifikata għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera u għall-ħruġ għall-konsum f’isem ir-rikorrenti biss. B’dan il-għan, SCAC iddepożitat dikjarazzjoni IM4 f’isem ir-rikorrenti, annessa bil-fattura li Rellmann ħarġet lir-rikorrenti u ċertifikat EUR.1li jixhed l-oriġini Pollakka tal-prodotti.

22      Għall-ewwel, l-awtorità kompetenti Franċiża aċċettat id-dikjarazzjonijiet relatati ma dawn iż-żewġ kawżi, tagħat eżenzjoni mill-ħlas ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni abbażi taċ-ċertifikat EUR.1, u ma talbitx il-ħlas tad-dazji kontra d-dumping.

23      Wara stħarriġ a posteriori, l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi madankollu qiesu li d-dazju speċifiku ta’ ECU 19 kull tunnellata stabbilit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 kellu jiġi applikat għall-kunsinji kollha in kwistjoni f'dawn il-kawżi. Fl-opinjoni tagħhom, fil-fatt, l-importatur reali tal-merkanzija kienet ir-rikorrenti, li ma kinitx iffatturata direttament minn ZAP, għalkemm l-prodotti in kwistjoni kienu ċċertifikati minn ZAP. Fil-fajl li beda l-kawża T-134/03, b’mod aktar preċiż, l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi b’mod partikolari kkunsidraw li d-depożitu intermedju tal-merkanzija jikkostitwixxi fictio iuris, minħabba l-perjodu qasir ħafna ta’ żmien tiegħu u peress li r-rikorrenti kienet diġà xtrat il-prodotti fit-tliet operazzjonijiet in kwistjoni saħansitra qabel ma kienu ddepożitati d-dikjarazzjonijiet ta' tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera f’isem l-Agro Baltic. Fil-fajl li beda l-kawża T-135/03, b’mod aktar preċiż, l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi kkunsidraw li kienet saret dikjarazzjoni waħda għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera u għall-ħruġ għall-konsum f’isem ir-rikorrenti.

24      Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li fil-fajl li beda l-kawża T-134/03, l-aġenti taċ-Centre du renseignement d'orientation et de contrôle de Poitiers (Ċentru ta’ informazzjoni, orjentament u kontroll ta’ Poitiers), fl-4 ta’ Diċembru 1998, ikkumpilaw verbal li fih kien iddikjarat li kienu ġew evażi dazji u taxxi għal total komplessiv ta’ 3 991 497 Frank Franċiżi (FRF) (EUR 564 855). Fil-fajl li beda l-kawża T-135/03, fit-13 ta’ Novembru 1997, id-Direction interrégionale des douanes de Rouen (Uffiċju doganali interreġjonali ta’ Rouen) ikkumpila verbal li minnu jirriżulta li kellhom ikunu applikati dazji u taxxi li komplessivament jammontaw għal 840 271 Frank Franċiżi (FRF) (EUR 128 098).

25      F’Novembru u f'Diċembru 1999, ir-rikorrenti ppreżentat talba għall-remissjoni ta’ dazji lill-amministrazzjoni doganali Franċiża, skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Fl-14 ta’ Frar 2002, l-amministrazzjoni doganali Franċiża bagħtet dawn it-talbiet lill-Kummissjoni, li rreġistrathom bin-numru ta’ referenza REM 02/02 (kawża T-134/03) u REM 03/02 (kawża T-135/03).

26      Permezz ta' l-ittri tad-9 u ta' l-10 ta’ Settembru 2002, li kienu mwieġba fil-11 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li kellha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni negattiva fil-fajls REM 02/02 u REM 03/02.

27      Fit-12 ta’ Novembru 2002 il-grupp ta’ esperti REM/REC iltaqgħa fi ħdan il-Kumitat doganali, sezzjoni tar-rifużjonijiet. Skond kif jirriżulta mir-rendikont sommarju ta’ din il-laqgħa, ikkumpilat fid-29 ta’ Novembru 2002, il-vot finali meħud mill-grupp ta’ esperti, wassal għal dan ir-riżultat, f'dak li jirrigwarda l-fajls REM 02/02 u REM 03/02: "sitt delegazzjonijiet jivvutaw favur il-proposta tal-Kummissjoni, erba’ delegazzjonijiet jastjenu u ħames delegazzjonijiet jivvutaw kontra l-proposta tal-Kummissjoni".

28      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni, peress li qieset li kien hemm negliġenza ċara minn naħa tar-rikorrenti, li ma kien hemm l-ebda sitwazzjoni partikolari u li, għaldaqstant, ma kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, adottat id-Deċiżjonijiet C (2002) 5217 finali (fajl REM 02/02) u C (2002) 5218 finali (fajl REM 03/02), li jikkonstataw li r-remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni ma kinitx iġġustifikata (aktar ‘il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati"). Il-Kummissjoni nnotifikat lill-amministrazzjoni doganali Franċiża b’dawn id-deċiżjonijiet li, min-naħa tagħha, għaddiethom lir-rikorrenti fl-10 ta’ Frar 2003.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta’ April 2003, ir-rikorrenti għamlet dawn ir-rikorsi.

30      Wara li semgħet lill-Imħallef Relatur , il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet biex iwieġbu ċerti mistoqsijiet matul is-seduta. Wara li nstemgħu l-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza għaqqdet il-kawżi T‑134/03 u T‑135/03 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

31      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-25 ta’ Jannar 2005.

32      Ir-rikorrenti talbet sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza joġobgħa:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni talbet sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza joġobgħa:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

34      Sabiex issostni r-rikorsi tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali,u tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, u t-tielet wieħed fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni;

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali u tad-drittijiet tad-difiża

35      Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel nett, ta’ l-Artikolu 7 KE u ta’ l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Kumitat, it-tieni nett, ta' l-Artikolu 906(1)1 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, it-tielet nett, ta' l-Artikolu 4(1), tar-Regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, r-raba’ nett, ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1, u fl-aħħar nett tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7 KE u ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat

–       L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, b’mod partikolari ta' l-Artikolu 239 tiegħu, għandhom, skond l-Artikolu 247 ta' l-imsemmi Kodiċi, jiġu adottati, b'mod konformi mal-proċedura ta' regolamentazzjoni prevista fl-Artikolu 247a (2). Hija tfakkar li, skond din l-aħħar disposizzjoni, il-Kummissjoni hija mgħejuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u tirreferi speċifikatament għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat, li tirrigwarda l-Kumitat ta’ regolamentazzjoni.

37      Ir-rikorrenti ssostni li l-"Kumitat" mlaqqa’ fit-12 ta’ Novembru 2002 (ara punt 27 aktar 'il fuq) kien neċessarjament Kumitat ta’ regolamentazzjoni skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat.

38      Hija tkompli billi ssostni li l-applikazzjoni tal-piż previst fl-Artikolu 205 KE għar-riżultat tal-vot tal-"Kumitat" ma kinitx tippermetti li l-proposta tal-Kummissjoni tikseb il-maġġoranza kwalifikata meħtieġa ta’ 62 vot.

39      Għalhekk, ir-rikorrenti tqis li kien hemm nuqqas ta’ għoti ta' opinjoni min-naħa tal-"Kumitat" skond l-Artikolu 5(4), tad-Deċiżjoni tal-Kumitat, u li l-Kummissjoni kellha għalhekk, mingħajr dewmien, tgħaddi l-proposta tagħha lill-Kunsill u tinforma b'dan lill-Parlament Ewropew, ħaġa li hija astjeniet ruħha milli tagħmel. Meta, minkejja dan kollu, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha, bi ksur ta’ l-Artikolu 7 KE u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat. Għaldaqstant id-deċiżjonijiet ikkontestati huma effetwati minn vizzju essenzjali.

40      Fir-rigwarda ta' dak li ssostni l-Kummissjoni (ara punt 45 aktar 'il quddiem) li l-"Kumitat" in kwistjoni fir-realtà huwa grupp ta' esperti li hija stabbilirt għaliha nifisha meta addottat l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, ir-rikorrenti tikkonfuta li bl-adozzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 907 il-Kummissjoni ma nidetx miżura ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali iżda indebitament attribwiet lilha nfisha kompetenza bi ksur ta’ l-Artikolu 7 KE.

41      Hija tgħid ukoll li l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud peress li huwa ta' natura tali li jagħmel l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 907 illegali minħabba nuqqas ta' bażi ġuridika. Fil-każ li din l-argumentazzjoni tkun milqugħa mil-Qorti tal-Prim'Istanza, hija teċepixxi, fir-replika tagħha, skond l-Artikolu 241 KE, l-illegalità ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni. Barra minn hekk ir-rikorrenti tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta’ Jannar 2003 għall-kawża T‑147/00, Laboratoires Servier vs Il-Kummissjoni (Ġabra. p. II-85, punt 45), li tgħid li "skond ġurisprudenza stabbilita, l-inkompetenza ta’ l-istituzzjoni li adottat l-att ikkuntestat, tikkosttwixxi motiv għall-annullament għal raġunijiet ta' ordni pubbliku li għandu jiġi osservat ex ufficio mill-Qorti Komunitarja.

42      Għal-kompletezza r-rikorrenti ssostni li l-kliem użat fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu tar-Regolament ta' Applikazzjoni, li jipprovdi għal-laqgħa tal-grupp ta' esperti fi ħdan "[il]-Kumitat", u mhux "ta’ Kumitat", jiffavorixxi l-interpretazzjoni li tgħid li l-Kumitat in kwistjoni huwa l-uniku wieħed li ssir referenza għaliħ fir-Regolament ta' Applikazzjoni, jiġifieri dak previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, jiġifieri, il-Kumitat ta’ regolamentazzjoni previst fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li jekk l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija korretta, il-proċedura stabbilita fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, mil-liema jirriżulta li l-Kumitat previst mill-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali għandu jiltaqa’ qabel l-adozzjoni ta' kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda ħlas lura jew remissjoni, għalhekk ma kinitx ġiet rispettata. Għalhekk, jirriżulta li kien hemm ksur tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni.

43      Dan l-argument mhuwiex imdgħajjef mill-kliem il-ġdid użat fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni (ara punt 10 aktar 'il fuq), fejn l-espressjoni "tal-Kumitat" inbidlet bl-espressjoni "tal-grupp ta' l-esperti li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 907", safejn din l-emenda seħħet wara l-laqgħa tal "Kumitat" in kwistjoni f'dan il-każ..

44      Ir-rikorrenti, fl-aħħar nett, tosserva li l-fatt li l-Kummissjoni pproċediet fuq inizjattiva tagħha stess għall-għadd tal-voti wara l-votazzjoni tal-Kumitat fil-laqgħa tat-12 ta’ Novembru 2002 skond il-piż previst fl-Artikolu 205 KE jikkonferma effettivament li l-"Kumita" in kwistjoni huwa Kumitat ta’ regolamentazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat. Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li l-grupp ta' esperti huwa entita separata mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, għalkemm huwa "kollegat" miegħu peress li jiltaqa’ fi ħdan dan il-Kumitat skond l-Artikou 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni (ara punt 49 aktar 'il quddiem), ir-rikorrenti ssostni n-nuqqas ta’ saħħa ta' sezzjoni tal-baġit iddedikata għal dan il-grupp ta' esperti, li l-kompożizzjoni tiegħu hija identika ma’ dik tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u l-fatt li mhemm l-ebda referenza għaliħ fid-disposizzjonijiet tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali li jirrigwardaw l-aġenda tiegħu.

45      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti hija żbaljata meta tikkwalifika lill-grupp ta' esperti bħala Kumitat tar-regolamentazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat. Hija tesponi li l-imsemmi grupp ta' esperti la huwa Kumitat tar-regolamentazzjoni u lanqas, min-naħa l-oħra, xi Kumitat ieħor irregolat mid-Deċiżjoni tal-Kumitat. Fir-realtà, dan huwa grupp ta' esperti li hija stabbilirt għaliha nifisha meta addottat l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, l-unika dispożizzjoni li tirregola n-natura ġuridika, il-kompetenza u l-funzjonament tagħha.

46      Il-Kummissjoni tesponi ukoll li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma jimponix fuqha li tiddeċiedi fuq każijiet individwali ta’ remissjoni jew ħlas lura bl-għajnuna tal-Kumitat previst fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali, iżda jirrigwarda "sitwazzjonijiet" u "metodi proċedurali". Għalhekk, l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jattribwixxi lill-Kummissjoni d-dmir li taddotta "l-metodi proċedurali" skond il-proċedura tal-Kumitat kif stipulata fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali.

47      Issa, il-Kummissjoni ddeterminat speċifikament dawn is-sitwazzjonijiet u dawn il-metodi proċedurali fl-Artikoli 905 u ta' warajħ tar-Regolament ta' Applikazzjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali, billi pprovdiet li tkun hija hija li tiddeċiedi fuq ċerti talbiet individwali ta’ remissjoni jew ħlas lura

48      Konsegwentement, la huwa meħtieġ u lanqas loġiku li l-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni jkun Kumitat ta’ regolamentazzjoni fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kumitat, għaliex dan l-istess grupp diġà huwa msejjaħ jagħti opinjoni lill-Kummissjoni fuq il-proposti ta' deċiżjonijiet individwali ta’ remissjoni jew ħlas lura, bħal f'dan il-każ u mhux fuq emenda tal-liġi doganali.

49      Skond il-Kummissjoni, il-grupp ta' esperti jiltaqa’ skond l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni "fi ħdan" il-Kumitat, li jkun "kollegat" miegħu. Dan effettivament ifisser li l-grupp ta' esperti jiltaqa’ fl-istess kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, iżda b’funzjonijiet differenti. Il-fajl individwali ta’ remissjoni jew ħlas lura jintbagħat lill-Kumitat sabiex jiddiskutieħ bħala grupp ta' esperti skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni li din is-sistema ta’ grupp ta' esperti jopera skond regoli speċifiċi għaliħ fi ħdan il-Kumitati fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kumitat, għalkemm hija fil-proċes ta' razzjonalizzazzjoni neċessarja, madankollu, din ilha tiffunzjona għal għexieren ta’ snin fid-diversi oqsma tal-ħidma Komunitarja. Hija tallega li n-nuqqas ta’ koerenza msemmi mir-rikorrenti (ara punt 44 aktar 'il fuq), mhuwiex ta' natura tali li jikkontesta r-rwol u n-natura tal-grupp ta' esperti.

50      Il-Kummissjoni għalhekk tqis li r-regoli ta’ l-għadd tal-voti skond l-Artikolu 205 KE li japplikaw għal-proċedura ta’ regolamentazzjoni, mhumiex applikabbli f’dan il-każ. F'dan ir-rigward, il-fatt li l-voti tal-grupp ta' esperti jingħataw piż m’għandux iwassal għal żball jew misinterpretazzjoni tan-natura ġuridika u fuq l-istatus ta’ dan il-grupp ta' esperti fi ħdan il-Kumitat. Il-Kummissjoni tfakkar li l-maġġoranza tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membr tal-grupp ta' esperti ddikjarat ruħha favur il-proposta tagħha, u li għalhekk kien hemm effettivament opinjoni tal-grupp imsemmi. Hija tgħid ukoll li, fi kull każ din l-opinjoni hija biss konsultattiv ma torbothiex.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

51      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li din kienet invokata biss fir-replika. Issa, il-Qorti tal-Ġustizja ddeċidiet li l-kuntest tat-tilwima huwa ddeterminat fl-att introduttorju tar-rikors u li eċċezzjoni ta’ illegalità ma tistax tintlaqa’ fl-istadju ta’ replika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, każi marbuta, Salerno et vs Il-Kummissjoni u Kunsill, 87/77, 130/77, 22/83, 9/84 u 10/84 Ġabra p. 2523, punti 36 u 37). Barra minn hekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mhija bbażata fuq l-ebda element ta’ dritt jew ta’ fatt li ħareġ mill-każ, skond l-Artikolu 48(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

52      Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax,ex ufficio, tistħarreġ il-kwistjoni ta’ l-illegalità eventwali ta’ l-Artikolu 907(1) tar-Regolament ta' Applikazzjoni. Illegalità bħal din fil-fatt mhijiex ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs Awtorità Għolja, 14/59, Ġabra p. 445, 474). Huwa veru li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha, kif tfakkar ir-rikorrenti fir-replika tagħha, ex ufficio tosserva l-inkompetenza ta’ l-awtur ta’ l-att ikkontestat. Madankollu, mhemmx dubju li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni aġġixxiet fil-limitu tal-kompetenzi tagħha meta adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati. Dawn ta’ l-aħħar, fil-fatt, kienu adottati abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, li min-naġa tiegħu ġie adottat fuq l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 239, 247 u 247a ta’ l-imsemmi Kodiċi. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha,ex ufficio, tistħarreġ jekk, meta adottat il-kontenut ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni bħala bażi legali għad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni marritx lil hinn mil-limiti tal-kompetenza tagħha. F’dan ir-rigward, is-sentenza Laboratoires Servier vs Il-Kummissjoni, punt 41 aktar ‘il fuq, invokata mir-rikorrenti, ma tistax tkun ta' għajnuna għax tirrigwarda l-inkompetenza ta’ l-istituzzjoni li adottat l-att ikkontestat u mhux l-inkompetenza ta’ l-istituzzjoni li adottat l-att abbażi ta’ liema l-att ikkontestat ġie adottat.

53      Fid-dawl ta’ dan li ntqal aktar ‘il fuq, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

54      Wara għandu jiġi eżaminat jekk il-grupp ta' esperti li, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, jiltaqa’ “fi ħdan il-Kumitat (tal-Kodiċi Doganali)” huwiex Kumitat ta’ regolamentazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat jew le.

55      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 7 u mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat, il-proċedura ta’ regolamentazzjoni tintuża għall-“miżuri ta’ portata ġenerali intiżi sabiex japplikaw l-elementi essenzjali ta’ l-att bażiku”.

56      Fil-fatt, huwa kostanti li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma deċiżjonijiet individwali u, għaldaqstant, m’għandhom l-ebda portata ġenerali.

57      Jekk jiġi kkunsidrat, kif issostni r-rikorrenti, li l-Kumitat ta’ regolamentazzjoni skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat hwa kompetenti sabiex jagħti opinjoni fuq proposta ta’ deċiżjoni individwali ta’ remissjoni jew ħlas lura ta’ dazju doganali, dan ikun ekwivalenti għall-assimilazzjoni pura u sempliċi ta’ tal-kunċetti ta’ deċiżjoni u ta’ att ta’ portata ġenerali, li minflok huma fundamentalment distinti skond l-Artikolu 249 KE u tal-ġurisprudenza (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des prodecteurs de fruits et légumes et vs Il-Kunsill, 16/62 u 17/62, Ġabra p. 901), u, għaldaqstant, ikun iffisser ksur ta’ din l-aħħar disposizzjoni, kif ukoll ta’ l-Artikolu 7 KE u tad-Deċiżjoni tal-Kumitat.

58      Din ir-raġuni weħidha hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-grupp ta' esperti intiż mill-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni mhuwiex Kumitat ta’ regolamentazzjoni fis-sene ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat.

59      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-kliem użat fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni. Il-frażi “fi ħdan il-Kumitat” tirrifletti l-fatt li l-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 907 huwa evidentement entità differenti, fuq il-livell funzjonali, mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Kieku l-leġislatur, f’dan il-każ il-Kummissjoni, ried li l-Kumitat tal-Kodiċi Doganali jkun ikkonsultat fil-kuntest tal-proċeduri individwali ta’ remissjoni jew ħlas lura, huwa kien, mingħajr ebda dubju juża l-frażi "wara konsultazzjoni tal-Kumitat”.

60      Minn dan isegwi li l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

61      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet ksur sostanzjali tar-regoli tal-Proċedura previsti mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni billi naqset milli tibgħat lill-Istati Membri kopja tal-fajls mibgħuta mill-awtoritajiet doganali Franċiżi fil-ħmistax-il jum ta’ wara li dawn waslu għand id-dipartimenti tagħha. Hija tallega li l-fajls in kwistjoni ntbagħtu lill-Istati Membri biss xi jiem qabel il-laqgħa tal-grupp ta' esperti msemmija fil-punt 27 aktar ‘il fuq, jiġifieri diversi xhur wara l-iskadenza tat-terminu previst mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni.

62      Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li r-rikorrenti hija żbaljata meta, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, tassimila t-talba għal remissjoni mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet doganali Franċiżi mal-proposta ta’ deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni. Hija ssostni, abbażi tad-dokumenti miġjuba, li bagħtet din it-talba lill-Istati Membri fit-28 ta’ Frar 2002 filwaqt li hija rċevietha fl-14 ta’ Frar 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-vizzju proċedurali allegat mir-rikorrenti ma ġiex ippruvat.

63      Il-Kummissjoni tgħid ukoll li, anke jekk il-vizzju proċedurali jiġi meqjus bħala ppruvat, dan, f’kull każ, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “sostanzjali”, jiġifieri bħala li kellu effett fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati u li għandu neċessarjament iwassal għall-annullament tagħhom.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha dubji serji fuq il-possibbiltà li operatur ikun jista’ utilment juża l-ksur ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni għall-finijiet ta’ l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija tosserva li dan l-Artikolu huwa intiż sabiex jiggarantixxi informazzjoni f’waqtha lill-Istati Membri sabiex dawn ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom sabiex jikkontribwixxu fil-proċedura deċiżjonali. Għalhekk, għalkemm joħloq dritt pożittiv fir-rigwarda ta' l-Istati Membri, l-Artikolu 906 ma jagħti l-ebda dritt bħal dan lill-persuni privati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

65      Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, li fir-replika tagħha ma weġbitx għall-argumenti li l-Kummissjoni għamlet fir-risposta tagħha, la pprovat li l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Frar 2002 lill-Istati Membri, ma bagħtitx il-fajl kollu msemmi fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 906, li jirreferi għaliħ it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, u, konsegwentement, lanqas li l-Istati Membri ma kinux infurmati adegwatament. F’dan ir-rigward, mill-minuti tal-laqgħa tal-grupp ta' esperti msemmija fil-punt 27 aktar ‘il fuq jirriżulta li saret konsultazzjoni dwar il-punti ewlenin tat-talba għal ħlas lura. Mill-istess minuti jirriżulta wkoll li l-avukati tar-rikorrenti bagħtu direttament xi dokumenti lir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha membri tal-grupp ta' esperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma pprovat l-ebda ksur ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta' Applikazzjoni. F’kull każ, hija ma werietx li l-allegat nuqqas kellu effettwa d-deċiżjonijiet ikkuntestati.

66      Minn dan isegwi li t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4 (1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

–       L-argumenti tal-partijiet

67      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma effettwati minn vizzju proċedurali essenzjali safejn dawn ġew adottati bi ksur ta’ l-Artikolu 4 (1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, li jgħid li “kull dokument ieħor tax-xogħol” għandu, bħala regola, jintbagħat sa mhux aktar tard minn erbatax-il jum qabel id-data tal-laqgħa tal-Kumitat.

68      Issa, mill-kuntatti li saru mill-avukati tar-rikorrenti direttament mar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-grupp ta' esperti jirriżulta li dawn ta’ l-aħħar irċevew it-tweġiba tar-rikorrenti, tal-11 ta' Ottubru 2002, għall-ittri tal-Kummissjoni tad-9 u l-10 ta’ Settembru 2002, imsemmija fil-punt 26 aktar ‘il fuq, sebat' ijiem biss qabel il-laqgħa. Il-żmien addizzjonali mogħti lill-membri tal-grupp ta' esperti qabel jipproċedu għall-vot estenda dan it-terminu għall-ħdax-il jum, jiġifieri terminu li huwa anqas minn dak ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 4 (1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Ir-rikorrenti ssostni li dan id-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-argumenti tagħha bi tweġiba għall-ittri tad-9 u l-10 ta’ Settembru 2002 jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jawtorizza sabiex tibbaża ruħha fuq ksur ta’ l-Artikolu 4(1), tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

69      Sabiex issostni l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑263/95, Ġabra p. I-441, punti 31 u 32), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-terminu sabiex jintbagħat fajl fil-kuntest ta’ proċedura quddiem Kumitat ta’ regolamentazzjoni ma jistax jitqassar u ddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu jikkostitwixxi ksur proċedurali essenzjali li jġib miegħu l-annullament tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni (ara punt 72 aktar ‘il quddiem) li s-sentenza msemmija aktar ‘il fuq mhijex rilevanti f’dan il-każ, għaliex ingħatat fuq rikors ta’ Stat Membru li ma kinux ġew rispettati d-drittijiet tiegħu, ir-rikorrenti twieġeb li din is-sentenza ma teskludix speċifikament il-possibbiltà li jkunu persuni ġuridiċi li jikkontestaw il-ksur imwettaq matul il-konsultazzjoni tal-Kumitat in kwistjoni.

70      Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li operatur mhuwiex fid-dritt li jsostni ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (ara punt 73 aktar ‘il quddiem), ir-rikorrenti jopponi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994 Il-Kummissjoni vs BASF et,. (C‑137/92 P , Ġabra p. I-2555).

71      Bi tweġiba għall-argument tal-Kumissjoni li, f’kull każ, it-termini ta’ żmien previsti fl-Artikolu 4 (2) u (3) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali kienu rispettati fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ urġenza li kkaratterizzat il-kawżi preżenti (punt 75 aktar ‘il quddiem), ir-rikorrenti twieġeb li ma kien hemm l-ebda sitwazzjoni ta’ urġenza. Hija ssostni li dan l-argument tal-Kummissjoni huwa kontradittorju mall-fatt li, minkejja l-allegata urġenza, din ta’ l-aħħar tagħat terminu addizzjonali lill-membri tal-grupp ta' esperti sabiex jiddeċiedu fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni negattiva tagħha minkejja li dan l-abbozz kien intbgħat fit-termini preskritti mil-liġi.

72      Il-Kummissjoni ssostni li r-referenza li r-rikorrenti tagħmel għas-sentenza L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 69 aktar ‘il fuq, mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Hija tosserva li fil-kwistjoni li tagħat lok għal din is-sentenza, ir-rikorrent kien Stat Membru li ma setgħax jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fi ħdan il-Kumitat minħabba d-dewmien sabiex jintbagħtulu d-dokumenti. Fil-kwistjonijiet preżenti, min-naħa l-oħra, dewmien – jekk kien hemm – sabiex jintbagħtu d-dokumenti lill-grupp ta' esperti ma effettwax id-drittijiet tar-rikorrenti.

73      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesponi dubji fir-rigward tal-possibbiltà li operatur jallega ksur ta’ regola ta’ natura intern (bħal dik prevista fl-Artikolu 4(1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali) sabiex isostni talba għal annullament ta’ deċiżjonijiet bħad-deċiżjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991 Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, Ġabra p. I-2069, punti 49 sa 51). Fil-kontro-replika, il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti ma tistax utilment tinvoka l-kawża L-Kummissjoni vs BASF et, punt 70 aktar ‘il fuq, peress li, bil-kontra tad-dispożizzjoni li l-ksur tagħha kien qiegħed jiġi allegat fil-kwistjoni li tagħhat lok għal din is-sentenza, l-Artikolu 4(1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali mhuwiex intiż sabiex iħares id-drittijiet ta’ l-impriżi.

74      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-dokument essenzjali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri l-abbozz tagħha ta’ deċiżjoni negattiva, intbagħat fil-ħin lill-membri tal-grupp ta' esperti. Dawn ta’ l-aħħar kien ukoll destinatarji – b’effett mit-23 ta’ Settembru 2002 – ta’ l-ittri msejħa tad-drittijiet tad-difiża mibgħuta lir-rikorrenti fid-9 u l-10 ta’ Settembru 2002.

75      Barra minn hekk, anke jekk jiġi kkunsidrat li ma kienx osservat it-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 4 (1) tar-regolament intern tal-Kodiċi Doganali, dan it-terminu huwa ġeneralment validu, iżda jista’ jitnaqqas f’każ ta’ urġenza, skond l-Artikolu 4 (2) u (3), ta’ l-istess regolament intern. Issa, f’dan il-każ kien hemm urġenza minħabba l-ħtieġa li l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati fit-terminu preskritt fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni, peress li n-nuqqas ta’ tweġiba fit-terminu preskritt kien ikun ifisser li t-talba tar-rikorrenti ġiet aċċettata.

76      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma werietx b’liema mod id-drittijiet tagħha ġew effettwati permezz tad-dewmien sabiex jintbgħatu l-ittra tagħah tal-11 ta' Ottubru 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma seħħ l-ebda ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

77      Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar jekk it-tweġiba tar-rikorrenti tal-11 ta' Ottubru 2002 għall-ittri tal-Kummissjoni tad-9 u l-10 ta’ Settembru 2002 hijiex dokument ta’ ħidma fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, u lanqas dwar jekk kienx hemm sitwazzjoni ta’ urġenza fis-sens ta’ l-Artikolu 4 (2) u (3), għandu jiġi osservat li mill-fajl jirriżulta li l-membri tal-grupp ta' esperti kellhom tlettax-il jum (mis-6 sat-18 ta’ Novembru 2002) sabiex isiru jafu bit-tweġiba tar-rikorrenti.

78      F’dak li jirrigwarda s-sentenza L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 69 aktar ‘il fuq, invokata mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, peress li l-grupp ta' esperti mhuwiex Kumitat ta’ regolamentazzjoni, is-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza ma tapplikax fil-kawżi preżenti.

79      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4 (1) tar-regolament intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali għandu l-għan li jassigura l-funzjonament intern ta’ l-imsemmi Kumitat fir-rispett sħiħ tal-prerogattivi tal-membri tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jagħmlu użu minn allegat ksur ta’ din ir-regola, li mhijiex intiża sabiex tħares id-drittijiet ta’ individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill, punt 73 aktar ‘il fuq, punti 49sa 51). Issa, peress li r-rikorrenti hija parti terza, bil-kontra tal-Ġermanja fis-sentenza L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 69 aktar ‘il fuq, is-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza ma tistax, anke għal din ir-raġuni, tiġi applikata f’dan il-każ.

80      Minn dan isegwi li t-tielet parti ta’ l-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda..

 Fuq ir-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Skond ir-rikorrenti, ir-rappreżentanti ta’ uħud mill-Istati Membri tal-grupp ta' esperti ma rċevewx xi dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni bil-lingwa tagħhom. Dan huwa partikolarment ta’ għajb fid-dawl tal-kumplessità u t-teknikalità tal-fajls in kwistjoni kif ukoll tat-terminu qasir mogħti lir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri sabiex jistudjawhom. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tosserva li uħud mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri lmentaw li ma rċevewx id-dokumenti in kwistjoni fil-lingwa tagħhom.F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu adottati bi ksur ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 u, għaldaqstant, ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali.

82      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura użata mill-Kummissjoni, esposta fil-punt 85 aktar ‘il quddiem, timplika l-esklużjoni ta’ kull stħarriġ ġuridiku kemm-il darba Stat Membru ma jallegax ksur tar-regolament in kwistjoni.

83      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tindika li l-prassi amministrattiva tal-grupp ta' esperti (fir-rigward ta’ liema hija tfakkar li ma ngħatatx funzjoni leġiżlattiva) tikkonsisti f’li tibgħat l-ittra “imsejħa tad-drittijiet tad-difiża” (imsemmija fil-punt 26 aktar ‘il fuq) lir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, fil-lingwa tagħhom, filwaqt li d-dokumenti l-oħra jintbagħtu bil-Franċiż jew bl-Ingliż.

84      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorrenti ma werietx b’liema mod il-prassi segwita teffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Hija tammetti li prassi bħal din tista’ teffettwa d-drittijiet ta’ l-Istati Membri destinatarji tad-dokumenti in kwistjoni, iżda tqis li, f’każ bħal dan, huma l-Istati Membri li għandhom jaraw li d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, individwu ma jistax utilment jilmenta ksur ta’ dritt ta’ Stat Membru kemm-il darba dan ta’ l-aħħar ma jilmentax. Issa, f’dan il-każ, il-proċedura applikata ma kinitx ikkontestata min-naħa tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ma kien hemm l-ebda talba għal traduzzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

86      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 huwa intiż sabiex jiggarantixxi li t-testi mibgħuta minn istituzzjoni lil Stat Membru jew lil persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jsiru fil-lingwa ta’ dak l-Istat. Issa, f’dan il-każ, id-destinatarju tad-dokumenti in kwistjoni tal-fajl tal-Kummissjoni mhijiex ir-rikorrenti, iżda r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jiffurmaw il-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 907 tar-Regolament ta' Applikazzjoni. Għaldaqstant, peress li din id-disposizzjoni, f’dan il-każ, mhijiex intiża sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tar-rikorrenti jew tas-sitwazzjoni ġuridika tagħha fil-proċedura amministrattiva ta’ remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni, dan ma jistax jallega ksur ta’ din ir-regola.

87      Barra minn hekk, u f’kull każ, ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova li xi wieħed mill-membri tal-grupp ta' esperti kellu xi diffikultà sabiex jagħti l-kontribut tiegħu fl-elaborazzjoni ta’ l-opinjoni ta’ dan il-grupp minħabba n-nuqqas ta’ verżjoni lingwistika partikolari ta’ xi wieħed mid-dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni. Minn naħa, fil-fatt, il-prova fornita mir-rikorrenti f’dan ir-rigward hija limitata għal dikjarazzjoni magħmula u ffirmata minnha stess. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni kollha li hemm fil-fajl ma tippermettiex li tintlaħaq konklużjoni bħal din.

88      Minn dan isegwi li r-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

89      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża safejn din la semgħet u lanqas tagħat lir-rikorrenti aċċess komdu u kemm jista’ jkun wiesgħa għad-dokumenti li hija kienet talab.

90      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, is-smiegħ, ir-rikorrenti tindika li, fit-2 ta’ Ottubru 2002, talbet lill-Kummissjoni sabiex tiġi mismugħha oralment fir-rigward tal-kawżi preżenti. Din it-talba kienet miċħuda b’ittra datata 8 ta’ Ottubru 2002 għar-raġuni li l-proċedura applikabbli msemmija fl-Artikolu 906a tar-Regolament ta' Applikazzjoni tipprevedi li l-persuna interessata għandu jressaq l-opinjoni tiegħu bil-miktub, u peress li r-rikorrenti ġiet mismugħha tliet darbiet mid-dipartimenti tal-Kummissjoni qabel ma ġiet iddepożitata t-talba inizjali għal remissjoni. Barra minn hekk, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni enfasizzat li r-rikorrenti ma pprovax il-fatt li l-opinjoni tagħha setgħet tkun spjegata biss oralment.

91      Ir-rikorrenti tqis li ċ-ċaħda tal-Kummissjoni tikkostitwixxi ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

92      Ir-rikorrenti tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita,, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f'kull proċedura mibdija kontra persuna, u li tista twassal għal att li jkun ta' preġudizzju għaliħ, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ dritt Komunitarju li għandu jiġi ggarantit anke fin-nuqqas ta’ regoli li jirrigwardaw il-proċedura in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1992, L-Olanda et vs Il-Kummissjoni, C‑48/90 u C‑66/90, Ġabra p. Ġabra p. I-565, punt 44; tad-29 ta’ Ġunju 1994 Fiskano vs Il-Kummissjoni, C‑135/92, Ġabra p. I-2885, punt 39; u ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95, Ġabra p. I-5373, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, Ġabra p. II-1337, punt 151). Ir-rikorrenti tkompli billi tafferma li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet kostantement il-prinċipju tad-dritt ta’ proċedura orali (audi alteram partem) bħala regola proċedurali essenzjali, b’mod partikolari fil-qasam tal-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063; tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, u tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033). Hija tgħid ukoll li fir-rigward tas-setgħa ta' diskrezjoni li għandha l-Kummissjoni meta tadotta deċiżjoni fl-applikazzjoni tal-klawżola ġenerali ta’ ekwità msemmija fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, għandu aktar u aktar jiġi ggarantit id-dritt ta’ smigħ (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta’ Novembru 1995, France-aviation vs Il-Kummissjoni, T‑346/94, Ġabra p. II-2841, punt 34; tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra p. II-401, punt 77; tas-17 ta’ Settembru 1998, Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, T‑50/96, Ġabra p. II-3773, punt 60; tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II-15, punt 46 u Kaufring et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 152).

93      Għaldaqstant ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-dritt għas-smigħ għandu jiġi interpretat b’mod estensiv, fis-sens li hija għandha dritt li tiġi mismugħha kemm permezz tas-sottomissjonijiet tagħha kif ukoll oralment. Fuq dan il-punt, il-fatt li r-Regolament ta' Applikazzjoni jipprevedi biss, fl-Artikolu 906a, proċedura bil-mitkub, ma jfissirx li proċedura orali kienet espressament eskluża. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka s-setturi tad-dritt tal-kompetizzjoni u tad-dritt kontra d-dumping, fejn huma previsti proċeduri bil-miktub u orali. Hija tgħid ukoll li fis-settur ta’ l-għajnuna mill-Istat, il-ġurisprudenza aċċettat il-prinċipju tas-smigħ fin-nuqqas ta’ regoli li jipprovdu għalih formalment.

94      Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna kkonċernata għandha tkun f'pożizzjoni li b'mod utli tesponi l-opinjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 12). Dan ifisser, fil-prattika, il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata tinstemgħa oralment. Bl-istess mod, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali għandu jiġi interpretat b’mod estensiv, jiġifieri fis-sens li jinkludi d-dritt ta’ smigħ mhux biss bil-miktub, iżda anke oralment.

95      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li peress li ċaħdet it-talba tagħha biex tiġi mismugħha oralment minħabba li ma pprovatx li kien ikun aħjar li l-opinjoni tagħha tiġi esposta oralment, il-Kummissjoni ma rrispettatx il-ġurisprudenza msemmija aktar 'il fuq, u dan mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ma kinitx hija li kella ġġib tali prova.

96      Fl-aħħar nett ir-rikorrenti ssostni li l-unika kwistjoni rilevanti hija dik ta' jekk matul il-proċedura kinitx tħalliet tesprimi b’mod effikaċi l-opinjoni tagħha bħala tweġiba għall-ilmenti tal-Kummissjoni. Issa, dan ma seħħx. Ir-rikorrenti fil-fatt tafferma li kienet ġiet effettivament milqugħha għal tliet darbiet mid-dipartimennti tal-Kummissjoni, iżda li dawn il-laqgħat seħħew ferm qabel ma ntbagħtet it-talba għal remissjoni lill-Kummissjoni, u ma nies differenti. Barra minn hekk, matul dawn il-laqgħat, l-ebda argument mressaq mill-Kummissjoni ma kien għadu magħruf mir-rikorrenti, għas-sempliċi fatt li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni stess kienet lanqas għadha bdiet. Fuq kollox, ir-rikorrenti tqis li s-sempliċi skambju ta' korrispondenza li kien hemm bejnha, bejn l-awtoritajiet Franċiżi u bejn il-Kummissjoni, ma ppermettewx li jiġu ċċarati ċerti punti essenzjali. Dawn il-punti setgħu jkunu affaċċjati matul proċedura aktar diretta u dinamika, bħal seduta miżmuma mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u grazzi għal liema, kienu jkunu mħarsa d-drittijiet tad-difiża. Bħala eżempju, ir-rikorrenti tindika li, fil-kawża T‑134/03, permezz biss tas-sottomissjonijiet bil-miktub, hija ma rnexxiliex tneħħi d-dubju li l-awtoritajiet doganali Franċiżi kellhom fir-rigward tar-realtà ta’ l-iżball tekniku magħmul minn Cogema, dubju li wassal lil dawn ta’ l-aħħar biex jikkonkludu n-nuqqas ta’ sitwazzjoni partikolari. Fil-kawża T‑135/03, fis-sustanza, il-Kummissjoni ma affaċċjatx il-kwistjoni ta' jekk kienx hemm jew le, evitar tal-leġislazzjoni kontra d-dumping min-naħa tar-rikorrenti, filwaqt li element bħal dan ikun ewlieni sabiex tiġi eventwalment stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

97      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-fajl, ir-rikorrenti, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), tallega li l-Kummissjoni laqgħet it-talba leġittima tagħha għall-aċċess għal ċerti dokumenti b'diffikulta u biss parzjalment fil-ġurnata ta' meta ġew iddepożitati r-rikorsi.

98      Ir-rikorrenti tindika, b’mod partikolari, li fit-23 ta’ Jannar 2003, talbet lill-Kummissjoni aċċess għar-rendikont tal-laqgħa tal-grupp ta' esperti tat-12 ta' Novembru 2002, u li kellha terġa tagħmel din it-talba fl-24 ta' Frar u fl-20 ta' Marzu 2003 minħabba n-natura qasira ħafna ta’ l-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni fl-ittra tat-3 ta’ Frar 2003.

99      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda d-dritt għas-smiegħ, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kellu l-mezzi kollha sabiex jesponi l-opinjoni tiegħu, kif jixhdu t-tweġibiet ampji u ddettaljati tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2002 fil-kwistjoni REM 02/02. Barra minn hekk tenfasizza li tat prova ta’ spirtu ta’ ftuħ meta laqgħet lir-rikorrenti għal tliet darbiet. Għal darb’oħra ssostni li l-argument tar-rikorrenti jista’ jkollu ċerta pertinenza, fejn dan ta’ l-aħħar juri li ma rnexxielux jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod effikaċi. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma weriex li l-użu esklużiv ta’ proċedura bil-miktub naqset l-effett tad-difiża tagħha.

100    Il-Kummissjoni tafferma wkoll li l-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti tirrigwarda sitwazzjoni li seħħet qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1677/98 li, fost l-oħrajn, daħħal l-Artikolu l-ġdid 906a , li jgħid li min jitlob għal remissjoni jew ħlas lura jrid jikkomunika l-oġġezzjonijiet tiegħu bil-miktub lill-Kummissjoni meta din ta' l-aħħar ikollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni sfavorevoli.

101    Il-Kummissjoni tosserva li dawn id-disposizzjonijiet il-ġodda kienu applikati fil-kuntest tal-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Kaufring et vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq. Hija tenfasizza li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma annullatx id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dik il-kawża minħabba nuqqas ta’ smigħ u li kkunsidrat bħala suffiċjenti l-possibbiltà, mogħtija mill-Artikolu 906a tar-Regolament ta' Applikazzjoni, li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub.

102    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-aċċess għall-fajl, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti mhuwiex rilevanti. Hija ssostni li bagħtet id-dokumenti kollha mitluba lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, fir-rigward ta' l-uniku dokument li għalih ir-rikorrenti ma kelliex aċċess immedjatament, jiġifieri r-rendikont tal-laqgħa tal-grupp ta' esperti, it-talba korrispondenti għall-aċċess kienet ippreżentata fit-23 ta’ Jannar 2003, jiġifieri wara d-data ta’ l-addozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, anke jekk jiġi meqjus li kien hemm ċaħda għall-aċċess għall-fajl, li ma kienx il-każ, din iċ-ċaħda ma tistax, minnha nfisha, teffettwa l-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

103    Il-Kummissjoni ssostni, għall-kompletezza, li d-dewmien biex jintbagħat dan ir-rendikont kien iġġustifikat fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, id-dokument in kwistjoni, fiħ informazzjoni sensittiva marbuta ma’ interessi kummerċjali u l-avukat tar-rikorrenti ma ġġustifikax immedjatament is-setgħat tiegħu fil-mument meta saret it-talba għall-aċċess.

104    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti ma tinvokax ksur ta’ l-Artikolu 906a tar-Regolament ta' Applikazzjoni.

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

105    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li kull persuna li fil-konfront tagħha tista’ tittieħed deċiżjoni li tmur kontra l-interessi tagħha, għandha tkun f'pożizzjoni li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha, minn ta' l-anqas, f’dak li jirrigwarda l-elementi inkriminanti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Fiskano vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq, punt 40; Il-Kummissjoni vs Listrestal et. punt 92 aktar 'il fuq, punt 21, u Kaufring et vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq, punt 153).

106    Fil-każ tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ min jitlob r-remissjoni huwa ggarantit mill-proċedura prevista fl-Artikolu 906a tar-Regolament ta' Applikazzjoni (ara punt 11 aktar 'il fuq).

107    F’dan il-każ, din il-proċedura ġiet imwettqa billi ntbgħat memorandum, anness ma l-ittra tad-9 ta' Settembru 2002 (ara punt 26 aktar 'il fuq), ta’ 10 paġni fejn kien hemm esposti l-elementi ta’ fatt u ta' dritt li kienu jiġġustifikaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni negattiva fil-fajls REM 02/02 u REM 03/02. Barra minn hekk, ir-rikorrenti eżerċitat id-dritt tagħha li tesponi l-opinjoni tagħha fuq l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni billi bagħat l-ittra tal-11 ta' Ottubru 2002, li kellha 24 paġna akkumpanjati minn 14-il anness fil-każ tal-kawża REM 02/02 u 21 paġna, akkumpanjati minn 10 annessi fil-każ tal-kawża REM 03/02, fejn kienu żviluppati l-argumenti u l-kummenti tagħha.

108    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, iċ-ċaħda għat-talba tar-rikorrenti li tiġi mismugħha fil-kuntest ta' seduta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la d-disposizzjoni speċifika li tirrigwarda l-proċedura amministrattiva in kwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 906a tar-Regolament ta' Applikazzjoni, u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lil min jagħmel talba għal remissjoni d-dritt għal smiegħ bħall dan.

109    Barra minn hekk, in-natura speċifika tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali bl-ebda mod ma tagħmilha indispensabbli li min jitlob remissjoni jingħata l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet orali tiegħu, bħala żieda għall-espożizzjoni bil-miktub ta’ l-opinjoni tiegħu.

110    Il-Qorti tal-Prim'Istanza għaldaqstant tikkunsidra li, permezz ta' l-ittra ddettaljata tagħha tal-11 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti eżerċitat bis-sħiħ l-possibbiltà mogħtija lilha li tesponi l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni. L-eżempji li r-rikorrenti (ara punt 96 aktar 'il fuq) tressaq sabiex issostni t-teżi kuntrarja mhumiex ta' natura tali li jikkontestaw din il-konklużjoni, peress li dawn l-eżempji ma jiżvelaw l-ebda element li r-rikorrenti ma setgħetx turi bil-miktub.

111    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-aċċess għall-fajl, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament tagħmel il-Kummissjoni, li t-talba ta' aċċess għall-fajl kienet ippreżentata wara l-addozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, matul il-preparazzjoni ta’ dawn ir-rikorsi. Għaldaqstant, anke jekk jiġi meqjus li seħħ, il-ksur tar-Regolament Nru 1049/2001 allegat mir-rikorrenti ma jistax jeffettwa l-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li għandha tiġi evalwata fil-ġurnata ta’ l-addozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza toserva li r-rikorrenti ma pprovatx li ma kelliex aċċess għad-dokumenti mitluba. Fil-fatt, il-Kummissjoni pprovdiet ir-rendikont tal-laqgħa tal-grupp ta' esperti fil-verżjoni integrali tiegħu.

112    Minn dan isegwi li ż-żewġ aspetti tal-ħames parti ta’ l-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

113    Peress li l-ebda waħda mill-partijiet ta' l-ewwel motiv ma ġiet aċċettata, dan ta' l-aħħar għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali

114    It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest ta' evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet sabiex l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jkun applikabbli ma kinux ġew sodisfatti. Il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq iċ-ċaħda min-naħa tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari. It-tieni parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ qerq min-naħa tar-rikorrenti. It-tielet parti hija bbażata fuq iċ-ċaħda min-naħa tal-Kummissjoni li tideċiedi li kien hemm nuqqas ta’ negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti.

115    Huwa ċar li r-rikorrenti ma wettaq l-ebda qerq, għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-motiv. Għall-kumplament, għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata t-tielet parti li tirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ negliġenza min-naħa tar-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

116    Ir-rikorrenti tfakkar li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali hija n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti ta' l-operatur. Hija tgħid ukoll li, skond il-ġurisprudenza (sentenza Kaufring et vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq, punt 278), in-negliġenza evidenti tikkorispondi mal-karattru rilevabbli ta' l-iżball fis-sens ta' l-Artikolu 220 (2) tal-Kodiċi Doganali.

117    abiex jiġi evalwat il-karattru rilevabbli ta l-iżball fis-sens ta' din l-aħħar dispożizzjoni, għandha b'mod partikolari jiġu kkunsidrata n-natura preċiża ta’ l-iżball, l-esperjenza professjonali u d-diliġenza ta’ l-operatur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1990, Deutsche Fernsprecher, C‑64/89, Ġabra p. I-2535, punt 24; tat-8 ta' April 1992, Beirafio, C‑371/90, Ġabra p. I-2715, punt 21; tas-16 ta’ Lulju 1992, Belovo, C‑187/91, Ġabra p. I-4937, punt 17, u ta’ l-1 ta' April 1993, Hewlett Packard France, C-250/91, Ġabra p. I-1819, punt 22). Din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ 14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra p. I-2465, punt 101).

118    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kundizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta' negliġenza evidenti ma kinitx sodisfatta f'dan il-każ.

119    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-natura preċiża ta’ l-iżball, din għandha, skond il-ġurisprudenza, tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-perjodu ta’ żmien li fih, l-awtoritajiet kompetenti komplew jippersistu fl-iżball.

120    Skond ir-rikorrenti l-Kummissjoni kienet żbaljata meta eskludiet ex ufficio l-kriterju tal-perjodu ta’ żmien billi kkunsidrat, u aktar tard ċaħdet, biss it-twettiq ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali. Fil-kawżi preżenti, minflok, għandhom jiġu kkunsidrati l-iżbalji mwettqa mill-aġenti doganali, jiġifieri, fil-kawża T‑134/03, id-depożitu fittizju fl-imħażen magħmul minn Cogema, u fil-kawża T‑135/03, in-nuqqas min-naħa ta’ SCAC, ta’ osservanza ta’ l-istruzzjonijiet mogħtija lilha billi għażlet proċedura ta’ ħruġ doganali simplifikata.

121    Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tagħha, ma setgħet la tipprevedi u lanqas tkun taf b'dawn l-iżbalji ta’ l-aġenti doganali.

122    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-esperjenza professjonali ta’ l-operatur ekonomiku, ir-rikorrenti tafferma li skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Sölke (C‑48/98, Ġabra p. I-7877, punt 57) għandu jiġi verifikat jekk l-attività ta’ dan l-operatur hijiex essenzjalment operazzjoni ta' importazzjoni u esportazzjoni u jekk l-operatur in kwistjoni kellux esperjenza preċedenti fit-twettieq ta’ operazzjonijiet bħal dawn.

123    Ir-rikorrenti ssostni li hija timporta b’mod frekwenti l-prodotti kkonċernati mir-Regolament Nru 3319/94. Dan ma jfissirx li hija hija speċjalizzata fil-proċeduri ta’ ħruġ mid-dwana ta’ dawn il-prodotti fi Franza. Din hija preċiżament ir-raġuni l-għala hija rrikorriet għas-servizzi ta' aġent doganali awtorizzat u l-għala hija ma setgħetx tiskopri l-iżball imwettaq minn dan ta’ l-aħħar.

124    It-tielet nett, f’dik li jirrigwarda d-diliġenza tar-rikorrenti, hija tafferma li abbażi tas-sentenza Söhl & Söhlke, punt 122 aktar 'il fuq (punt 58), l-operatur li għandu dubji fuq l-applikazzjoni eżatta tad-disposizzjonijiet li meta ma jitwettqux jistgħu joħolqu dejn doganali, għandu jinforma ruħu u jfittex il-kjarifiki kollha possibbli sabiex ma jiksirx dawn id-disposizzjonijiet.

125    Fil-fatt, fil-kawżi preżenti, ir-rikorrenti tagħat prova tad-diliġenza kollha meħtieġa. L-ewwel nett, wara l-addozzjoni tar-Regolament, hija biddlet il-proċedura ta’ ħruġ mid-dwana li kienet isegwi sabiex ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni ta' fatturazzjoni indiretta. Ir-rikorrenti mbagħad isostni li l-iżbalji ta' fatturazzjoni iżolati u minuri indikati mill-Kummissjoni huma meqjusa bħala normali fid-dinja tal-kummerċ u li ma tista’ tiġi allegata l-ebda negliġenza kontriha peress li dawn l-iżbalji ġew irranġati.

126    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-istruzzjonijiet tagħha lil Cogema u lil SCAC ma setgħux, allegatament, jitwettqu, minn naħa, u n-nuqqas ta’ użu tal-possibiltà ta’ ħlas lura prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni oġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, pġ. 1), kif emendat, min-naħa l-oħra, m’għandhom l-ebda relazzjoni, fid-dawl ta' ġurisprudenza stabbilita (ara punt 124 aktar 'il fuq), ma l-ipprovar ta’ l-allegat nuqqas ta’ diliġenza.

127    Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, ma jistax jiġi kkontestat lilha xi nuqqas ta’ diliġenza. Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda negliġenza evidenti fil-konfront tagħha..

128    F'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-natura preċiża ta’ l-iżball il-Kummissjoni tosserva li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex inaqqas ir-responsabbiltà tagħha minħabba l-iżball li allegatament għamel l-aġent doganali ma japplikax. Fil-fatt, fil-kuntest ta' proċedura ta’ talba għal remissjoni, l-operatur ma jistax iqis lilu nnifsu eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu minħabba l-iżball, kemm jekk seħħ u kemm jekk preżunt, ta’ l-aġent tiegħu. Responsabbiltà kuntrattwali eventwali ta’ dan ta’ l-aħħar ma taqax fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

129    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li fl-argumenti tar-rikorrenti hemm konfużjoni bejn l-iżball ta’ l-aġent u dak ta’ l-awtorità doganali, peress li huwa biss dan l-aħħar żball li jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' sitwazzjoni partikolari.

130    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti, il-Kummissjoni l-ewwel nett issostni li, l-esperjenza professjonali tagħha m' għandiex tiġi evalwata fil-kuntest ta’ Stat Membru wieħed biss. Fid-dawl tal-ġurisprudenza, sabiex ir-rikorrenti titqies li għandha l-esperjenza professjonali meħtieġa, huwa biżżejjed li din tkun wettqet xi operazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ merkanzija li tkun l-istess bħal dik in kwistjoni fl-Unjoni Ewropea, u li, b'mod ġenrali, abbitwalment twettaq operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni. Dan huwa l-każ fil-każ preżenti, aktar u aktar peress li r-rikorrenti xtara r-rappreżentant fiskali tiegħu fi Franza, Champagne Fertilisants, b'tali mod li r-rikorrenti kellha tiġi kkunsidrata, u dan b'effett mill-ewwel kunsinna tal-merkanzija in kwistjoni, operatur ekonomiku espert.

131    Il-Kummissjoni żżid tgħid li r-rikorrenti kienet imprudenti meta, minkejja l-allegat nuqqas ta’ esperjenza tagħha, tagħat istruzzjonijiet preċiżi lill-aġenti doganali tagħha, minflok ma talbet il-konsulenza tagħhom, u dan aktar u aktar peress li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3319/94 tqajjem diffikultàjiet.

132    It-tielet nett, f'dak li jirrigwarda d-diliġenza tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, filwaqt li tammetti li jista’ jkun hemm żbalji fil-fatturazzjoni, tikkonfuta li r-rikorrenti naqset mid-diliġenza anke f’aspetti oħra, kif jirriżulta mill paragrafi 79 sa 82 tad-Deċiżjoni REM 02/02 u mill-paragrafi 75 sa 79 tad-Deċiżjoni REM 03/02.

133    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tagħat istruzzjonijiet lill-aġenti doganali tagħha li ma setgħux ikunu realizzati u ma aċċertatx ruħha dwar jekk dawn ġewx segwiti.

134    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, billi ħalliet li t-terminu ta’ żmien korrispondenti jiskadi, ma ppruvatx tuża l-possibbiltà ta’ ħlas lura prevista fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 384/96.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza

135    Preliminarjament għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk hemmx negliġenza evidenti fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom wassal għall-ħolqien tad-dejn doganali, kif ukoll ta’ l-esperjenza professjonali u tad-diliġenza ta’ l-operatur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Söhl & Söhlke, punt 122 aktar 'il fuq, punt 56, u tat-13 ta’ Marzu 2003, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑156/00, Ġabra p. I-2527, punt 92).

136    Min-naħa l-oħra minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa ta' diskrezzjoni meta tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (sentenza Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq. punti 46 u 78). Għandu wkoll jiġi osservat li r-remissjoni jew ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni, li jistgħu jingħataw biss f'ċerti kundizzjonijiet partikolari u f’każijiet speċifikament previsti, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali ta' importazzjoni u esportazzjoni u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu tali ħlas lura għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv. B’mod partikolari, peress li n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti huwa kundizjoni essenzjali sabiex tkun tista' tintalab remissjoni jew ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni, għaldaqstant dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b'tali mod li n-numru ta’ każijiet ta’ remissjoni jew ħlas lura jibqa’ llimitat (sentenza Söhl & Sölke, punt 122 aktar 'il fuq, punt 52).

137    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kumplessità tad-disposizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom wassal għal dan id-dejn doganali, huwa biżżejjed li jintqal li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddikjarat (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2004, Gondrand Frères vs Il-Kummissjoni, T‑104/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 59 sa 62 u 66) li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 ma jippreżentax diffikultajiet kunsiderevoli ta' interpretazzjoni.

138    F'dak li jirrigwarda, barra minn dan, in-natura preċiża ta’ l-iżball, il-Qorti tal-Prim'Istanza ssostni li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti (punt 117 aktar 'il fuq) mhijiex rilevanti peress li f'dan il-każ huwa biss in kwistjoni l-allegat żball ta’ l-aġenti u mhux dak ta’ l-awtoritajiet doganali.

139    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta sostniet li r-rikorrenti ma tistax teżonera ruħha mir-responsabbiltà tagħha billi tinvoka żball, kemm jekk seħħ u kemm jekk preżunt, ta’ l-aġenti tagħha. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-iskema ta’ l-importazzjoni tal-prodotti in kwistjoni ġiet elaborata mir-rikorrenti waħedha, u li, barra minn hekk, hija għażlet l-aġenti doganali tagħha liberalment, b'tali mod li mhuwiex importanti wisq, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, li jsir magħruf min, bejn l-operatur u l-mandatarji tiegħu, ikkommetta żball eventwali li wassal għal ħolqien tad-dejn doganali. F'kull każ, żball ta’ dan it-tip ma jistax jiġi sostnut mill-bilanċ Komunitarju (ara, f'dan is-sens, dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, is-sentenza Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq, punti 76 sa 78 u 82 sa 83).

140    It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li għandu jiġi vverifikat jekk l-operatur ekonomiku huwiex wieħed li l-attività professjonali tiegħu tikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta' esportazzjoni u jekk kienx diġà kiseb ċerta esperjenza fit-twettieq ta’ operazzjonijiet bħal dawn (sentenza Söhl & Söhlke, punt 122 aktar 'il fuq, punt 57).

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-istess rikorrenti tammetti li għandha ċerta esperjenza fl-operazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ prodotti ażotati previsti mir-Regolament Nru 3319/94. Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti diġà kienet għamlet, qabel il-fatti li taw lok għall-kawżi attwali, importazzjonijiet ta' prodotti bħal dawn. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta ssostni li r-rikorrenti kellha l-esperjenza professjonali meħtieġa, u dan b'effett mill-ewwel kunsinna li seħħet fil-kawża REM 02/02.

142    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda d-diliġenza ta’ l-operatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li hija r-responsabbiltà ta’ dan ta’ l-aħħar li, kemm-il darba jkollu dubji fuq l-applikazzjoni eżatta tad-disposizzjonijiet li n-nuqqas ta' implementazzjoni tagħhom jista' jwassal għal dejn doganali, jinforma ruħu u jfittex dawk il-kjarifiki kollha possibbli sabiex ma jiksirx dawn id-disposizzjonijiet (sentenza Söhl & Söhlke, punt 122 aktar ‘il fuq, punt 58).

143    Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, mil-fajl jirriżulta li r-rikorrenti, għalkemm tallega nuqqas ta' esperjenza fl-operazzjonijiet ta’ ħruġ mid-dwana tal-prodotti in kwistjoni, kif ukoll diffikultajiet inerenti fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3319/94, mhux biss talli ma talbitx il-konsulenza ta’ l-aġenti doganali tagħha, iżda aktar minn hekk tagħathom istruzzjonijiet preċiżi ħafna. Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tispjega r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti kellu jkollha dubji dwar l-applikazzjoni eżatta tad-disposizzjonijiet li n-nuqqas ta' implementazzjoni tagħhom jista' jwassal għal dejn doganali (s-sentenza Kaufring et vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq, punt 296).

144    Barra minn hekk, l-iżbalji tar-rikorrenti fit-tlestija tal-fatturi tagħha wkoll huma indikazzjoni ta' nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tagħha.

145    Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkontestat lir-rikorrenti li ma użax il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 384/96. Il-proċess ta’ eżaminazzjoni mill-ġdid, fil-fatt, japplika kemm-il darba jkun hemm żvilupp fl-informazzjoni li ppermettiet li jiġu stabbiliti l-valuri implementati fir-regolament li jistabbilixxi d-dazji kontra d-dumping. Għaldaqstant, din għandha l-għan li tadatta d-dazji imposti għall-iżvilupp ta' l-elementi li fuqhom dawn id-dazji kienu bbażati u tippresupponi l-bidla ta’ dawn l-elementi (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, Ġabra p. II-2671, punt 82).

146    Meqjus b’mod globali, l-imġieba tar-rikorrenti matul it-twettiq ta’ l-operazzjonijiet in kwistjoni, għaldaqstant, ma tistax titqies bħala diliġenti biżżejjed.

147    Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta' evalwazzjoni meta, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, kkunsidrat li l-kundizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti ma kinitx sodisfatta. Għaqldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata.

148    Barra minn hekk, mill-kliem użat fl-Artikolu 905 tar-Regolament ta' Applikazzjoni jirriżulta li l-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li jiġu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikoalri u t-tieni nett, in-nuqqas ta’ negliġenza evidenti u ta' qerq min-naħa tal-persuna kkonċernata. Konsegwentement, ikun biżżejjed li waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tkun nieqsa sabiex il-ħlas lura tad-dazji jkun miċħud (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq, punt 87; tat-12 ta’ Frar 2004, Aslantrans vs Il-Kummissjoni, T‑282/01, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53; u Gondrand Frères vs Il-Kummissjoni, punt 137 aktar 'il fuq, punt 57).

149    Peress li l-kundizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti mhijix sodisfatta, mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni motiv li tirrigwarda l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari.

150    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha skond l-Artikolu 253 KE.

152    B'mod aktar speċifiku, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-fatt li l-leġiżlazzjoni kontra d-dumping ma kinitx ġiet evitata. Ir-rikorrenti fil-fatt isostni li s-sitwazzjoni ta’ fatturazzjoni indiretta, li fl-opinjoni tagħha nħalqet artifiċjalment minħabba l-iżball ta’ l-aġenti doganali, ma tistax, waħedha, tiġġustifika l-impożizzjoni tad-dazju speċifiku previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94.

153    Ir-rikorrenti tkompli billi tafferma li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali huwa klawsola ta’ ekwità intiża sabiex tkun applikata fiċ-ċirkustanzi fejn ma jkunx ekwitabbli li fuq operatur ekonomiku partikolari jiġi impost dannu, bħall-impożizzjoni ta’ dazju speċifiku, li normalment ma kellux ibati. Hija tgħid ukoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu meqjusa bħala ekwi safejn, li kieku ma kienx għall-iżbalji min-naħa ta’ Cogema u ta’ SCAC, hija ma kienx ikollha tħallas id-dazju speċifiku. Billi naqqset milli tippreċiża b'liema mod id-deċiżjonijiet tagħha kienu ekwi, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta' motivazzjoni.

154    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, għalkemm issostni li l-kawża REM 1/98 mhijiex paragunabbli mal-kawża REM 02/02 u 03/02, naqqset milli tispjega r-raġunijiet li għalihom, fil-kawża REM 1/98, u kuntrarjament għall-pożizzjoni addottata fil-kawżi preżenti, hija ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-prezz għall-importazzjoni kien superjuri għall-prezz minimu stabbilit mir-Regolament Nru 3319/94.

155    F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti żviluppati fil-kuntest ta' l-ewwel parti tat-tieni motiv li jirrigwardaw, minn naħa, l-allegata ħtija ta' l-aġenti doganali u, min-naħa l-oħra, il-paragu tal-kawżi preżenti mall-kawża REM 1/98.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

156    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni imposta mill-Artikolu 253KE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni li adottat l-att, b’tali mod li tippermetti li, l-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet tad-disposizzjoni adottata u jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li l-qorti tkun tista' teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma jistax ikun mistenni li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatti u ta' dritt rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni ta' jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, punt 92 aktar 'il fuq, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    F'dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talbiet ta’ remissjoni skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha huwa dak li tispjega r-raġunijiet li għalihom il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni mhumiex sodisfatti.

158    Issa, mill-qari tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tikkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma kinux sodisfatti. Fil-fatt huwa biżżejjed li jiġi osservat li f’dak li jirrigwarda l-kawża T‑134/03, il-Kummissjoni esponiet b'liema mod il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari u n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti ma kinux sodisfatti, rispettivament, fil-paragrafi 35 sa 68 (paġni 10 sa 21) u 69 sa 86 (paġni 21 sa 26) tad-deċiżjoni REM 02/03. Hija pproċediet bl-istess mod fid-deċiżjoni REM 03/02, li fuqha hija bbażata l-kawża T‑135/03, fil-paragrafi 34 sa 65 (paġni 10 sa 21) u 66 sa 80 (paġni 21sa 25).

159    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li hija setgħet twettaq l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija tosserva wkoll li mill-fajl tal-proċedura amministrattiva, mir-rikors u mir-replika, kif ukoll mis-seduta, jirriżulta li r-rikorrenti fehemet perfettament kemm l-abbozzi ta' deċiżjoni negattiva kif ukoll id-deċiżjonijiet ikkontestati u kienet f'pożizzjoni li tiżviluppa argumenti solidi u dettaljati, f’dak li jirrigwarda l-mertu, sabiex issostni t-talbiet tagħha ta’ remissjoni u wara sabiex issostni r-rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati

160    F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

161    Minn dak koll li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li r-rikorsi għandhom jiġu miċħuda..

 Fuq l-ispejjeż

162    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawza ghandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, apparti l-ispejjez tagħha, dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif wkoll dawk tal-Kummissjoni.

Vesterdorf

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

 

V. Trstenjak

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta' Settembru 2005.

Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.