Language of document : ECLI:EU:T:2021:588

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

15 ta’ Settembru 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna individwali favur l-operat ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta – Obbligu ta’ xiri tal-elettriku bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq – Proċedura ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Artikolu 1(h) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Kwalità ta’ parti interessata – Impriżi tas-sajd – Stabbiliment ta’ parks fiż-żoni tas-sajd – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni – Assenza – Riskju ta’ effett fuq l-interessi tal-impriżi tas-sajd bl-għoti tal-għajnuna kontenzjuża – Assenza – Nuqqas ta’ effett dirett u individwali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑777/19,

Coopérative des artisans pêcheurs associés (CAPA) Sarl, stabbilita fit-Tréport (Franza), u r-rikorrenti l-oħra, li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn M. Le Berre, avukata,

rikorrenti,

sostnuti minn

Comité régional des pêches maritimes u des élevages marins des Hauts-de-Franza (CRPMEM), stabbilit f’Boulogne-sur-Mer (Franza),

Fonds régional d’organisation du marché du poisson (FROM NORD), stabbilit f’Boulogne-sur-Mer,

Organisation de producteurs CME Manche-Mer du Nord (OP CME Manche-Mer du Nord), stabbilita fil-Portel (Franza),

irrappreżentati minn A. Durand, avukata,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier, P. Dodeller u T. Stehelin, bħala aġenti,

minn

Ailes Marines SAS, stabbilita f’Puteaux (Franza), irrappreżentata minn M. Petite u A. Lavenir, avukati,

minn

Éoliennes Offshore des Hautes Falaises SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Éoliennes Offshore du Calvados SAS, stabbilita f’Pariġi,

Parc du Banc de Guérande SAS, stabbilita f’Pariġi,

irrappreżentati minn J. Derenne u D. Vallindas, avukati,

u minn

Éoliennes en Mer Dieppe Le Tréport SAS, stabbilita f’Dieppe (Franza),

Éoliennes en Mer Îles d’Yeu et de Noirmoutier SAS, stabbilita f’Nantes (Franza),

irrappreżentati minn C. Lemaire u A. Azzi, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2019) 5498 final, tas‑26 ta’ Lulju 2019, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.45274 (2016/NN), SA.45275 (2016/NN), SA.45276 (2016/NN), SA.47246 (2017/NN), SA.47247 (2017/NN) u SA.48007 (2017/NN), implimentata mir-Repubblika Franċiża favur sitt parks eoliċi lil hinn mill-kosta (Courseulles-sur-Mer, Fecamp, Saint-Nazaire, il-gżejjer ta’ Yeu u ta’ Noirmoutier, Dieppe u Le Tréport, Saint-Brieuc),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, M. J. Costeira, D. Gratsias (Relatur), M. Kancheva u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑7 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest fattwali

1        L-ewwel rikorrenti, il-Coopérative des artisans pêcheurs associés (CAPA) Sarl, ġiet ikkostitwita’ mis-sajjieda tat-Tréport (Franza) u mill-portijiet ta’ madwar sabiex jikkondividu x-xiri u l-bejgħ mill-ġdid ta’ kombustibbli, ta’ lubrikanti u ta’ żjut u xaħmijiet. It-tieni sal-ħdax-il rikorrent (iktar ’il quddiem is-“sajjieda rikorrenti”) huma impriżi tas-sajd jew kaptani ta’ vapuri tas-sajd stabbiliti, b’mod partikolari, fit-Tréport, f’Erquy (Franza) u f’Noirmoutier (Franza), u li jeżerċitaw attivitajiet ta’ sajd fuq skala żgħira barra mill-kosti Franċiżi tal-Kanal Ingliż jew tal-Atlantiku.

2        Ailes Marines SAS (iktar ’il quddiem “AM”), Éoliennes Offshore des Hautes Falaises SAS (iktar ’il quddiem “EOHF”), Éoliennes Offshore du Calvados SAS (iktar ’il quddiem “EOC”), Parc du Banc de Guérande SAS (iktar ’il quddiem “PBG”), Éoliennes en Mer Dieppe Le Tréport SAS (iktar ’il quddiem “EMDT”) u Éoliennes en Mer Îles d’Yeu et de Noirmoutier SAS (iktar ’il quddiem “EMYN”), intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża”), huma kumpanniji maħluqa bil-għan tal-operat tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta, rispettivament, ta’ Saint-Brieuc (Franza, iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ Saint-Brieuc”), ta’ Fécamp (Franza, iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ Fécamp”), ta’ Courseulles-sur-Mer (Franza, iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ Courseulles-sur-Mer”), ta’ Saint-Nazaire (Franza, iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ Saint-Nazaire”), ta’ Dieppe (Franza) u tat-Tréport (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ Dieppe/Le Tréport”) u tal-gżejjer ta’ Yeu u ta’ Noirmoutier (Franza, iktar ’il quddiem il-“proġett tal-gżejjer ta’ Yeu/Noirmoutier”).

3        Fi tmiem l-ewwel sejħa għal offerti, li saret fl-2011, l-awtoritajiet Franċiżi għażlu, minn naħa, l-offerta tal-kumpannija Éolien Maritime France (EMF) għal lott li jiġbor fih il-proġetti ta’ Saint-Nazaire, ta’ Fécamp u ta’ Courseulles-sur-Mer u, min-naħa l-oħra, l-offerta ta’ AM għall-proġett ta’ Saint-Brieuc. L-operat ta’ dawn il-proġetti ġie awtorizzat permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ April 2012.

4        Wara t-tieni sejħa għal offerti, li saret fl-2013, l-awtoritajiet Franċiżi aċċettaw l-offerta marbuta tal-konsorzju fformat mill-kumpanniji ENGIE, EDP Renewables u Neoen Marine għall-proġetti tal-gżejjer ta’ Yeu/Noirmoutier u ta’ Dieppe/Le Tréport. L-operat ta’ dawn tal-aħħar ġie awtorizzat permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Lulju 2014.

5        Is-sitt proġetti inkwistjoni għandhom jagħtu lok għall-ewwel parks eoliċi lil hinn mill-kosta operati fi Franza. Dawn għandhom jipprovdu total ta’ 10.8 terawatts fis-siegħa fis-sena, jiġifieri madwar 2 % tal-produzzjoni annwali totali tal-elettriku fi Franza. It-tul ta’ operat previst tagħhom huwa ta’ 25 sena mill-bidu tal-operat tagħhom. It-twettiq ta’ dawn is-sitt proġetti jinsab ġewwa żoni marittimi użati għas-sajd, b’mod partikolari mis-sajjieda rikorrenti.

6        Fid-data tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2019) 5498 final tas‑26 ta’ Lulju 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.45274 (2016/NN), SA.45275 (2016/NN), SA.45276 (2016/NN), SA.47246 (2017/NN), SA.47247 (2017/NN) u SA.48007 (2017/NN), implimentata mir-Repubblika Franċiża favur sitt parks eoliċi lil hinn mill-kosta (Courseulles-sur-Mer, Fécamp, Saint-Nazaire, il-gżejjer ta’ Yeu u ta’ Noirtier, Dieppe u Le Tréport, Sanit-Brieuc) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-kostruzzjoni ta’ dawn il-parks ma kienx inbeda, minħabba, b’mod partikolari, rikorsi quddiem il-qrati Franċiżi. It-tqegħid fl-operat tagħhom huwa previst bejn l-2022 u l-2024, skont l-għeluq ta’ dawn it-tilwimiet.

7        Il-proġetti inkwistjoni huma ssussidjati permezz ta’ għajnuna għall-funzjonament, fil-forma ta’ obbligu ta’ xiri tal-elettriku b’tariffa ogħla mill-prezz ta’s-suq, li jaqa’ fuq il-kumpannija EDF Obligation d’achat (EDF-OA), fejn l-ispiża addizzjonali hija paċuta kollha kemm hi mill-Istat (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kontenzjuża”). Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 121–7, L. 311–10 u L. 311–12 tal-code de l’énergie (il-Kodiċi tal-Enerġija) Franċiż.

 Il-proċedura amministrattiva

8        L-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna kontenzjuża, rispettivament, fid‑29 ta’ April 2016, f’dak li jirrigwarda l-proġetti ta’ Courseulles-sur-Mer, ta’ Fécamp u ta’ Saint-Nazaire, fis‑6 ta’ Jannar 2017, f’dak li jirrigwarda l-proġetti tal-gżejjer ta’ Yeu/Noirmoutier u ta’ Dieppe/Le Tréport, u fit‑12 ta’ April 2017, f’dak li jirrigwarda l-proġett ta’ Saint-Brieuc.

9        Billi l-kostruzzjoni tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkonċernati kienet għadha ma bdietx, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jinnegozjaw mill-ġdid it-tariffi ta’ xiri mogħtija inizjalment.

10      Fid‑9 ta’ Ġunju 2018, tnejn mis-sajjieda rikorrenti ressqu lment quddiem il-Kummissjoni dwar l-għajnuna relatata mal-proġett ta’ Saint-Brieuc.

11      Fid‑29 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni ressqet talba għal informazzjoni addizzjonali dwar l-istat tan-negozjar mill-ġdid tat-tariffi ta’ xiri. Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni bir-riżultat tagħha, li kien ifisser tnaqqis ta’ dawn it-tariffi.

12      Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, ċerti sajjieda rikorrenti ressqu lment quddiem il-Kummissjoni dwar l-għajnuna kontenzjuża mogħtija għall-proġetti ta’ Dieppe/LeTréport, ta’ Fécamp u ta’ Courseulles-sur-Mer.

13      Fit‑23 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni indikat lill-persuni li ressqu l-ilmenti msemmija fil-punti 10 u 12 iktar ’il fuq li hija ma kinitx tikkunsidrahom bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, ir-rikors ta’ dawn il-persuni ma setax jiġi eżaminat bħala “lment formali fis-sens tal-Artikolu 24(2) [ta’ dan ir-regolament]”. Permezz ta’ ittri tal‑21 ta’ Frar 2019, dawn il-persuni kkontestaw din il-pożizzjoni.

14      Fit‑28 ta’ Marzu 2019, ilment dwar l-għajnuna kontenzjuża mogħtija għall-proġetti ta’ Saint-Nazaire u tal-gżejjer ta’ Yeu/Noirmoutier tressaq quddiem il-Kummissjoni minn diversi persuni, fosthom wieħed mis-sajjieda rikorrenti.

15      Fit‑3 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment imsemmi fil-punt preċedenti għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fl-ittra tagħha tat‑23 ta’ Jannar 2019. Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ April 2019, il-persuni kkonċernati kkontestaw din il-pożizzjoni.

16      Fis‑26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Id-deċiżjoni kkontestata

17      Fl-ewwel lok, wara li ddeskriviet l-għajnuna kontenzjuża (punti 9 sa 60 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonstatat li din kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, l-ewwel, hija rrilevat li, minħabba l-mekkaniżmu tat-tariffi ta’ xiri deskritt fil-punt 7 iktar ’il fuq, il-finanzjament ta’ dawn il-miżuri kien ibbażat fuq ir-riżorsi tal-Istat u li dawn kienu imputabbli lilu. It-tieni, hija rrilevat li dawn il-miżuri kienu jagħtu vantaġġ selettiv lill-produtturi tal-elettriku mill-enerġija eolika lil hinn mill-kosta fiż-żoni kkonċernati. It-tielet, hija rrilevat li, fid-dawl tal-interkonnessjonijiet tan-network tal-elettriku Franċiż ma’ dak ta’ diversi Stati Membri oħra, l-imsemmija miżuri kienu ta’ natura li joħolqu distorsjoni tal-kummerċ tal-elettriku bejn Franza u dawn tal-aħħar (punti 61 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fit-tieni lok, wara li kkonstatat li l-għajnuna kontenzjuża kienet illegali, minħabba li ma kinitx ġiet innotifikata bil-quddiem, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u fid-dawl tat-Taqsima 3.1.6.2 (għajnuna għall-funzjonament favur enerġiji rinnovabbli) u tat-Taqsima 3.2 (l-effett tal-inċentiv u l-ħtieġa ta’ għajnuna) tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien tal-Ambjent tal‑1 ta’ April 2008 (ĠU 2008, C 82, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2008”), b’mod partikolari tal-punt 109 tagħhom (punti 71 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      F’dan ir-rigward, l-ewwel, hija rrilevat li l-għajnuna kontenzjuża kienet tikkontribwixxi għall-osservanza tal-għanijiet stabbiliti mir-regoli nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni f’termini ta’ parti mill-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali fi Franza u, konsegwentement, għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (punti 77 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      It-tieni, hija kkunsidrat li l-għajnuna kontenzjuża kienet neċessarja sabiex tirrimedja falliment tas-suq. Għalhekk, hija qieset li l-awtoritajiet Franċiżi kienu wrew li l-ispejjeż ta’ produzzjoni rispettivi fil-kuntest tal-proġetti inkwistjoni (“levelised costs of electricity”, LCOE) kienu nettament ogħla mill-prezzijiet tas-suq u li, konsegwentement, minħabba l-profittabbiltà negattiva ta’ dawn il-proġetti, it-tariffi ta’ xiri adottati minn dawn l-awtoritajiet kienu neċessarji sabiex jinċentivaw lill-operaturi jimplimentawhom (punti 80 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      It-tielet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna kontenzjuża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, qabelxejn, hija rrilevat li l-mekkaniżmu tal-għajnuna kontenzjuża kien jiggarantixxi li l-kumpens kien ingħata għad-differenza bejn l-ispiża tal-produzzjoni tal-elettriku u l-prezz bażiku tal-elettriku. Sussegwentement, hija kkonstatat li l-proċess ta’ selezzjoni tal-operaturi kien twettaq b’mod nondiskriminatorju, trasparenti u miftuħ. Fl-aħħar, fid-dawl tar-rata ta’ rendiment mistennija għal kull wieħed mill-proġetti inkwistjoni, li kienet tirrifletti livell ta’ profittabbiltà normali li seta’ jiġi mistenni minn investiment simili, u tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jissorveljaw l-iżvilupp tal-ispejjeż, hija kkunsidrat li l-għajnuna kontenzjuża kienet limitata għall-minimu u li l-miżuri previsti minn dawn l-awtoritajiet kienu xierqa sabiex jipprevjenu kumpens żejjed (punti 87 sa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Ir-raba, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-kapaċità totali tal-proġetti inkwistjoni u tal-volum tal-elettriku prodott meta pparagunat mad-daqs tas-suq Franċiż tal-elettriku, l-għajnuna kontenzjuża kellha biss impatt limitat fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (punti 107 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Abbażi tal-analiżi mfakkra fil-punti 19 sa 22 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-effetti pożittivi fuq l-ambjent ta’ kull għajnuna kontenzjuża kienu jipprevalu fuq eventwali effetti negattivi ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija rrilevat li, sa fejn il-finanzjament ta’ din l-għajnuna kien ibbażat fuq taxxa li ma kinitx taffettwa l-elettriku, ma kienx jeżisti riskju ta’ diskriminazzjoni, konformement mal-Artikoli 30 u 110 TFUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li din l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, u, għal din ir-raġuni, iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (punti 109 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

25      Fit‑13 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

26      Fid‑9 ta’ Marzu 2020, AM ressqet talba għal intervent insostenn tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din it-talba fil‑31 ta’ Marzu 2020.

27      Fit‑13 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika Franċiża ressqet talba għal intervent insostenn tal-Kummissjoni.

28      Fis‑17 ta’ Marzu 2020, EOHF, EOC, PBG, EMDT u EMYN ressqu, kull waħda f’dak li jirrigwardaha, talba għal intervent insostenn tal-Kummissjoni.

29      Fit‑18 ta’ Marzu 2020, il-Comité régional des pêches maritimes et des élevages marins des Hauts-de-France (CRPMEM) (il-Kumitat Reġjonali tas-Sajd Marittimu u tal-Farms tal-Ħut ta’ Hauts de France), l-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Fonds régional d’organisation du marché du poisson (FROM NORD) (il-Fond Reġjonali ta’ Organizzazzjoni tas-Suq tal-Ħut), u l-kumpannija kooperattiva marittima pubblika b’responsabbiltà limitata b’kapital varjabbli Organisation de producteurs CME Manche-Mer du Nord (CME), organizzazzjonijiet ta’ sajjieda professjonali li joperaw fiż-żoni tas-sajd fil-Lvant tal-Kanal Ingliż (iktar ’il quddiem iċ-“CRPMEM et”) li minnhom jagħmlu parti ċerti sajjieda rikorrenti, ressqu talba għal intervent konġunta insostenn tar-rikorrenti. Fl-istess jum, żewġ talbiet għal intervent oħra insostenn ta’ dawn tal-aħħar tressqu, minn naħa, mill-Komun ta’ Erquy u, min-naħa l-oħra, b’mod konġunt, mill-Komun tat-Tréport u ta’ Mers-les-Bains (Franza).

30      Fid‑19 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika.

31      Fl‑20 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar it-talbiet għal intervent imsemmija fil-punti 27 sa 29 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar it-talbiet imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq u kkontestat l-ammissibbiltà tagħhom.

32      Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Lulju 2020, il-Presidenta tad-Disa’ Awla laqgħet it-talbiet għal intervent ta’ AM, ta’ EOHF, ta’ EOC, ta’ PBG, ta’ EMDT u ta’ EMYN. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, hija laqgħet it-talba għal intervent tar-Repubblika Franċiża.

33      Fil‑25 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

34      Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Settembru 2020, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑777/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:452), il-Presidenta tad-Disa’ Awla, minn naħa, laqgħet it-talba għal intervent taċ-CRPMEM et u, min-naħa l-oħra, ċaħdet dik tal-Komun ta’ Erquy kif ukoll dik tal-komuni tat-Tréport u ta’ Mers-les-Bains.

35      Fis‑6 ta’ Ottubru 2020, AM ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Ir-Repubblika Franċiża, EOHF, EOC, PBG, EMDT u EMYN ippreżentaw tagħhom fis‑7 ta’ Ottubru 2020. Fis‑26 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq dawn in-noti differenti.

36      Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, iċ-CRPMEM et ippreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota, rispettivament, fl‑20 u fil‑21 ta’ Jannar 2021.

37      Fit-12 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti talbu l-organizzazzjoni ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.

38      Fis‑16 ta’ April 2021, fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li l-kawża tintbagħat quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

39      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑3 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex jipprovdu bil-miktub ċerti preċiżazzjonijiet ta’ natura fattwali, u huma wieġbu għal din it-talba fil‑31 ta’ Mejju 2021.

40      Fl‑4 ta’ Ġunju 2021, is-sitt sal-ħdax-il rikorrent ressqu talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji oħra intiżi, essenzjalment, għas-sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

41      Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, billi membru tal-kulleġġ ġudikanti kien ġie prekluż milli jipparteċipa, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu sabiex jikkompletah. Fl-istess jum inżammet is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fi tmiem is-seduta.

42      Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021, Bourel et vs Il‑Kummissjoni (T‑777/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:407), il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq u rriżerva l-ispejjeż.

43      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni sabiex ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

44      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

–        tikkundanna liċ-CRPMEM et għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-intervent tagħhom.

45      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors.

46      AM, EOHF, EOC, PBG, EMDT u EMYN jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

47      Iċ-CRPMEM et jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

 Id-dritt

48      Mingħajr ma tqajjem, formalment, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li r-rikors huwa inammissibbli.

49      Il-Kummissjoni tiddikjara li r-rikorrenti ma humiex partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, li jistgħu jippreżentaw rikors sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet proċedurali tagħhom, u li, a fortiori, huma ma jurux li għandhom status partikolari fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), li jippermettilhom li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża.

50      Minn naħa, fir-rigward tal-kwalità ta’ parti interessata, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), ma jistgħux jiġu trasposti għal dan il-każ. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, b’differenza mir-rikorrenti f’dik il-kawża, ir-rikorrenti f’dan il-każ ma għandhomx relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inċidenza diretta tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li s-sajjieda rikorrenti huma affettwati essenzjalment mill-għażliet leġiżlattivi tal-awtoritajiet Franċiżi li jistabbilixxu ċerti żoni għall-produzzjoni tal-elettriku, jew saħansitra li jipprojbixxuhom milli jaċċedu għal dawn iż-żoni. Min-naħa l-oħra, l-għoti tal-għajnuna kontenzjuża u d-deċiżjoni kkontestata għandhom biss effett indirett fuq is-sitwazzjoni materjali tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-installazzjoni tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkonċernati għandha effett fuq is-sitwazzjoni materjali tas-sajjieda rikorrenti iżgħar minn dak li huma jaffermaw. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li din ma għandhiex attività ta’ sajd.

51      Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li huma partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, billi jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq il-punti 63 sa 65 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341).

52      F’dak li jirrigwarda s-sajjieda rikorrenti, l-ewwel, huma jsostnu li l-attività ta’ sajd tagħhom hija suġġetta għal delimitazzjoni ġeografika, li tiddependi kemm mir-riżorsi tas-sajd, mir-riskji meteoroloġiċi u mill-ftuħ regolatorju tas-setturi differenti taż-żoni tas-sajd kif ukoll mil-leġiżlazzjoni applikabbli għat-tipi ta’ bastimenti li jużaw u għall-permessi ta’ navigazzjoni korrispondenti. Għalhekk, l-ispazju marittimu li fih huma jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom huwa ddeterminat jew determinabbli mill-port ta’ reġistrazzjoni tagħhom jew mill-port li huma jużaw minn żmien għal żmien. Issa, iż-żoni kkonċernati mill-proġetti inkwistjoni jokkupaw parti importanti minn dan l-ispazju u huma jużawhom, xi drabi b’mod privileġġat, għall-attivitajiet tagħhom.

53      It-tieni, is-sajjieda rikorrenti jsostnu li l-proġetti inkwistjoni ser ikollhom impatt prevedibbli fuq l-attivitajiet tagħhom, minħabba, minn naħa, limitazzjonijiet regolatorji għan-navigazzjoni previsti fiż-żoni kkonċernati minn dawn il-proġetti u mill-prattikabbiltà inċerta tagħha fl-imsemmija żoni u fil-viċinanzi tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-impatt potenzjalment negattiv tal-imsemmija proġetti fuq l-ambjent tal-baħar u fuq ir-riżorsi tas-sajd.

54      It-tielet, is-sajjieda rikorrenti jenfasizzaw, b’analoġija mas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), li l-aċċess u l-użu taż-żoni tal-ispazju marittimu identifikati bħala s-siti tal-proġetti inkwistjoni għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu “materja prima” fis-sens ta’ din is-sentenza, b’tali mod li huma jkunu, f’dan ir-rigward, f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-operaturi ta’ dawn il-proġetti. Fir-replika, huma jżidu li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 ma hijiex strettament suġġetta għal relazzjoni ta’ kompetizzjoni.

55      Fir-rigward tal-ewwel rikorrenti, li l-klijentela tagħha hija kkostitwita minn sajjieda tat-Tréport u tal-portijiet ta’ madwar, il-proġetti ta’ Dieppe/Le Tréport, ta’ Fécamp u ta’ Courseulles-sur-Mer jaffettwaw direttament l-attività tagħha, li ma tistax tiġi ddiversifikata lil hinn minn din il-klijentela u minn din il-lokalizzazzjoni.

56      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, AM, EOHF, EOC, PBG, EMDT u EMYN essenzjalment jiżviluppaw argument analogu. Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent ta’ dawn l-intervenjenti, ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument.

57      Iċ-CRPMEM et jiżviluppaw, essenzjalment, argument analogu għal dak tar-rikorrenti. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent taċ-CRPMEM et, il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

58      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, meta l-Kummissjoni tqis li proġett ta’ għajnuna ma huwiex kompatibbli mas-suq intern, hija tiftaħ mingħajr dewmien il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 2, jekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, hija tikkonstata, b’mod partikolari, li l-għajnuna mogħtija ma hijiex kompatibbli mas-suq intern, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu stabbilit minnha.

59      Madankollu, l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi fażi ta’ eżami preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna li għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni.

60      Konformement mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura, sa fejn taqa’ taħt il-kamp tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija għandha tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet. Tali deċiżjoni tikkostitwixxi rifjut impliċitu li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 45).

61      Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija għandha l-obbligu li tadotta deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, tali deċiżjoni tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu stabbilit.

62      Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, hija direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet. Fil-fatt, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jistgħu jiksbu l-osservanza tagħhom biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw tali deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C-83/09 P, EU:C:2011:341, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, b’parti interessata għandha tinftiehem, b’mod partikolari, kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari l-benefiċjarju tagħha, l-impriżi kompetituri u l-assoċjazzjonijiet professjonali. Fi kliem ieħor, din hija ġabra indeterminata ta’ destinatarji (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, sabiex persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi tiġi kklassifikata bħala parti interessata, huwa importanti li hija turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li jeżisti riskju li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna inkwantu tali, is-sempliċi fatt li jista’ jitqies bħala parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma jistax ikun biżżejjed sabiex ir-rikors jitqies bħala ammissibbli. Għalhekk għandu jintwera li għandu status partikolari fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17). B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrent tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fid-dawl ta’ dan, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura nnotifikata, imissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59).

67      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 23 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet. B’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għalhekk, impliċitament iżda neċessarjament, irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, ir-rikorrenti jsostnu li huma għandhom il-kwalità ta’ partijiet interessati u jqajmu żewġ motivi bbażati, wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom u, l-ieħor, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, huma jesponu r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tagħhom, iċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni juru li l-Kummissjoni kienet ikkonfrontata b’diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-kuntest tat-tieni motiv, huma jirreferu għal ċertu numru ta’ partijiet tad-deċiżjoni kkontestata, diġà kkontestati fil-kuntest tal-ewwel motiv, sabiex isostnu li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement l-evalwazzjoni tagħha rigward il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża, b’mod li t-terzi interessati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet li għalihom hija qieset li ma kinux jinsabu quddiem diffikultajiet serji.

68      Fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 sa 66 iktar ’il fuq, huwa għalhekk biżżejjed li r-rikorrenti juru li huma għandhom, f’dan il-każ, il-kwalità ta’ partijiet interessati, li għandu jiġi vverifikat iktar ’il quddiem. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tas-sajjieda rikorrenti, minn naħa, u dik tal-ewwel rikorrenti, min-naħa l-oħra.

 Fuq il-kwalità ta’ partijiet interessati tas-sajjieda rikorrenti

69      L-argument tas-sajjieda rikorrenti insostenn tal-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati huwa bbażat fuq żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-attivitajiet tagħhom u dawk tal-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża u, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, ir-riskju ta’ effett konkret ta’ din l-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Dawn iż-żewġ elementi għandhom jiġu eżaminati b’mod distint.

 Fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn is-sajjieda rikorrenti u l-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża

70      L-argumenti tas-sajjieda rikorrenti jqajmu l-kwistjoni dwar jekk dawn jistgħux jitqiesu li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża, minħabba l-motiv allegat li, b’analoġija mas-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 67), huma jużaw l-istess “materja prima”.

71      Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, permezz ta’ dan l-argument, is-sajjieda rikorrenti ma jallegawx li jsostnu li huma kompetituri diretti tal-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża, jiġifieri li jikkompetu ma’ dawn tal-aħħar fis-swieq li fihom dawn huma attivi, jiġifieri l-produzzjoni tal-elettriku. Barra minn hekk, huwa evidenti li dan ma huwiex il-każ, peress li s-sajjieda rikorrenti huma biss attivi fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira. Fid-dawl ta’ dan, il-kunċett ta’ parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 ma huwiex limitat għall-kompetituri diretti tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 70, u tal‑10 ta’ Diċembru 2008, Kronoply u Kronotex vs Il‑Kummissjoni, T‑388/02, mhux ippubblikata, EU:T:2008:556, punt 73).

72      Huwa minnu li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, kif interpretat mill-ġurisprudenza, l-espressjoni “impriżi li jikkompetu bejniethom”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tirreferi biss għall-kompetituri diretti tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkonċernata. Mill-formulazzjoni tiegħu jista’ jiġi dedott, u b’mod partikolari mill-frażi avverbjali “b’mod partikolari”, li tintroduċi, fost l-oħrajn, l-espressjoni “impriżi li jikkompetu bejniethom”, li dawn il-kompetituri diretti jinsabu mingħajr dubju fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 63 u 64, u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Min-naħa l-oħra, b’differenza minn tali relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni, relazzjoni ta’ kompetizzjoni indiretta, bħal dik invokata mis-sajjieda rikorrenti, ma hijiex ta’ natura li tagħti, ipso iure, il-kwalità ta’ parti interessata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 65 tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), tali relazzjoni ta’ kompetizzjoni indiretta ma teżentax lil dawk li jinvokawha milli juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna kkonċernata jista’ jkollha magħha r-riskju ta’ effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), l-appellanti, impriżi li jipproduċu pannelli tal-fibre kif ukoll Oriented Strandboards, u l-benefiċjarju tal-għajnuna kkonċernata, manifattur tal-polpa tal-karta, kienu jużaw fil-proċess ta’ produzzjoni tagħhom l-istess materja prima, jiġifieri l-injam industrijali. Kien minħabba f’hekk li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li dawn l-impriżi kienu jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni inkwantu xerrejja tal-injam industrijali, konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm żball ta’ liġi fiha (ara, f’dan is-sens, il-punti 9, 10, 67 u 70 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja).

75      F’dan il-każ, is-sajjieda rikorrenti huma attivi fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira mal-kosta, filwaqt li l-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża joperaw parks eoliċi lil hinn mill-kosta bil-għan li jipproduċu l-elettriku mibjugħ fis-suq bl-ingrossa.

76      Konsegwentement, kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u l-intervenjenti insostenn tagħha, minn naħa, is-swieq li fihom is-sajjieda rikorrenti u l-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża jbigħu l-prodotti rispettivi tagħhom huma totalment distinti u, min-naħa l-oħra, il-proċess ta’ produzzjoni rispettiv tagħhom ma jimplikax l-użu tal-istess “materja prima”. Fir-rigward ta’ dan it-tieni aspett, b’mod partikolari, kif jirrilevaw EMDT u EMYN, filwaqt li s-sajjieda jiġbru r-riżors tas-sajd, l-operaturi ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta jużaw l-enerġija kinetika tar-riħ.

77      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-premessa tas-sajjieda rikorrenti li l-aċċess għaż-żoni ta’ stabbiliment tal-proġetti inkwistjoni u l-użu tagħhom għandhom jitqiesu bħala “materja prima” fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341).

78      Fil-fatt, skont is-sens komuni tal-espressjoni “materja prima”, li tintuża fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), din l-espressjoni tirreferi għal riżors naturali jew prodott, mhux ipproċessat, użat sabiex jidħol fil-proċess ta’ manifattura ta’ merkanzija. Huwa għalhekk li, kif tenfasizza AM, is-sajjieda rikorrenti żbaljaw meta ssuġġerixxew, fir-replika, li l-imsemmija sentenza tirrigwarda relazzjoni ta’ kompetizzjoni għall-użu ta’ żona komuni ta’ provvista tal-injam. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 74 iktar ’il fuq, minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kienet identifikat, ġustament, relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti f’din il-kawża u l-benefiċjarju tal-għajnuna kkonċernata inkwantu xerrejja fis-suq tal-injam industrijali. Bl-istess mod, f’dan il-każ, ma hijiex iż-żona tal-ispazju pubbliku marittimu użata kemm mis-sajjieda rikorrenti kif ukoll mill-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża li tikkostitwixxi, inkwantu tali, il-“materja prima” tal-attività ekonomika rispettiva tagħhom, iżda r-riżorsi naturali li jinsabu fiha. Issa, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 76 iktar ’il fuq, dawn ir-riżorsi huma distinti u l-operaturi inkwistjoni għalhekk ma humiex f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni għall-operat tagħhom.

79      Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, kif jesponu, essenzjalment, il-Kummissjoni u l-intervenjenti insostenn tagħha, il-kunflitt li jeżisti bejn is-sajjieda rikorrenti u l-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża dwar l-aċċess għaż-żoni previsti għall-operat tal-parks eoliċi inkwistjoni u l-użu tagħhom jirriżulta mid-deċiżjonijiet regolatorji tal-awtoritajiet Franċiżi, dwar il-kontroll u l-ġestjoni tal-użi differenti tal-ispazju pubbliku marittimu. Min-naħa l-oħra, dan il-kunflitt ma jirriżultax minn “sejħa għal offerti” minn dawn l-awtoritajiet għall-imsemmi aċċess u għall-imsemmi użu.

80      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet, b’mod partikolari, tar-Repubblika Franċiża, l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-imsemmija benefiċjarji sabiex joperaw dawn il-parks fuq l-imsemmija żoni ma teskludix użi oħra tagħhom, u b’mod partikolari s-sajd, peress li l-awtoritajiet kompetenti japplikaw prinċipju ta’ koeżistenza ta’ dawn l-użi differenti. Għalkemm, fil-prattika, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti mdaħħla fil-proċess, l-attivitajiet tas-sajd jistgħu jkunu s-suġġett ta’ limitazzjonijiet f’dawn iż-żoni, minn dan jirriżulta wkoll li dawn il-limitazzjonijiet jikkorrispondu għal għanijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tar-riskji segwiti minn dawn l-awtoritajiet, u mhux għall-eżerċizzju mill-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża ta’ dritt ta’ użu esklużiv li kien ingħata lilhom minn dawn l-istess awtoritajiet. L-eventwali konsegwenzi ta’ dawn il-limitazzjonijiet fuq l-attività ekonomika tas-sajjieda rikorrenti huma għalhekk inerenti għal-leġiżlazzjoni tal-ispazju pubbliku marittimu u ma jistgħux jitqiesu bħala li jagħtu vantaġġ lill-operaturi tal-parks eoliċi inkwistjoni meta mqabbla mal-impriżi tas-sajd li jużaw l-istess żoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Barra minn hekk, kif jindikaw is-sajjieda rikorrenti stess u kif tenfasizza, essenzjalment, ir-Repubblika Franċiża, l-aċċess għaż-żoni tas-sajd u l-użu tagħhom huma suġġetti għal leġiżlazzjoni stretta li tista’, jekk meħtieġ, tipprojbixxihom mill-attivitajiet tas-sajd, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għanijiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd. Għaldaqstant, is-sajjieda rikorrenti ma għandhomx dritt inkundizzjonat għall-operat ta’ dawn iż-żoni li jqegħduhom “f’kompetizzjoni” mal-operaturi awtorizzati li joperaw siti li jinsabu ġewwa l-imsemmija żoni għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku.

82      Konsegwentement, is-sajjieda rikorrenti ma jistgħux jitqiesu bħala partijiet interessati, li jistgħu jippreżentaw dan ir-rikors abbażi ta’ relazzjoni allegata ta’ kompetizzjoni indiretta mal-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża.

 Fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ effett konkret tal-għajnuna kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni tas-sajjieda rikorrenti

83      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif sostnew is-sajjieda rikorrenti fir-replika, il-klassifikazzjoni ta’ parti interessata ma hijiex strettament ikkundizzjonata mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, diretta jew indiretta. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq, dan il-kunċett ikopri ġabra indeterminata ta’ destinatarji.

84      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-ġurisprudenza tipprovdi ċertu numru ta’ eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew il-kwalità ta’ partijiet interessati lil persuni li l-interessi tagħhom setgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna, mingħajr ma ġie mistoqsi jekk dawn il-persuni kinux f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki indiretta, mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna.

85      Għalhekk, pereżempju, fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑188/95, EU:T:1998:217, punti 79 sa 81, 85 u 86), il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma l-kwalità ta’ parti interessata fi proċedura li tikkonċerna għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi l-provvista awtosuffiċjenti tal-ilma tal-impriżi, peress li l-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna kienu klijenti potenzjali tal-imsemmija kumpannija.

86      Bl-istess mod, fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 45 sa 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rikorrent, is-sindakat ġenerali tal-ħaddiema tad-Danimarka, seta’ utilment isostni, sabiex jistabbilixxi l-kwalità tiegħu ta’ parti interessata, li l-għajnuna kkonċernata, eżenzjonijiet fiskali favur baħħara nazzjonali u barranin impjegati mis-sidien ta’ bastimenti Daniżi, li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw lil dawn tal-aħħar, kienet taffettwa l-“pożizzjoni kompetittiva” tiegħu fir-rigward ta’ sindakati oħra waqt in-negozjati ta’ ftehim kollettiv applikabbli għall-baħħara.

87      Fl-aħħar nett, fis-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Braesch et vs Il‑Kummissjoni (T‑161/18, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2021:102), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti, detenturi ta’ bonds suġġetti għall-azzjonijiet tal-istabbiliment bankarju benefiċjarju tal-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Taljana fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, kienu wrew li l-għoti ta’ din l-għajnuna kollha seta’ kellu riskju ta’ effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, li l-imsemmija għajnuna u l-impenji ta’ dan l-Istat Membru, li kienu jinkludu miżuri ta’ tqassim tal-oneri kellhom ir-riskju li jwasslu għal telf finanzjarju sinjifikattiv għad-dannu tar-rikorrenti, kellhom natura indissoċjabbli, sa fejn dawn l-impenji kkundizzjonaw id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna u li d-deċiżjoni li kienet awtorizzathom kienet tagħmel simultanjament dawn l-impenji vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Braesch et vs Il‑Kummissjoni, T‑161/18, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2021:102, punti 39 u 40).

88      Madankollu, fil-ġurisprudenza preċedenti, b’mod partikolari fis-sentenzi msemmija fil-punti 85 sa 87 iktar ’il fuq, il-qrati tal-Unjoni ma ddeċidewx dwar kunflitt, bħal f’dan il-każ, bejn żewġ attivitajiet ekonomiċi differenti għall-użu tal-istess żona bil-għan tal-isfruttament ta’ riżorsi distinti u dwar l-effetti negattivi allegati fuq waħda minn dawn l-attivitajiet li jirriżultaw mill-għażla tal-awtoritajiet nazzjonali li jagħtu għajnuna favur it-tieni minn dawn l-attivitajiet. B’mod iktar preċiż, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-impatti negattivi preżunti tal-operat tal-parks eoliċi li huma s-suġġett tal-għajnuna kontenzjuża fuq l-ambjent tagħhom, b’mod partikolari fuq l-attivitajiet tas-sajd koeżistenti, fuq l-ambjent tal-baħar u fuq ir-riżorsi tas-sajd, jistgħux jitqiesu bħala effett konkret tal-għoti ta’ din l-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi tas-sajd ikkonċernati.

89      F’dan ir-rigward, għalkemm ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li għajnuna taffettwa konkretament l-interessi ta’ terzi minħabba impatti li l-installazzjoni megħjuna tiġġenera fuq l-ambjent tagħha u, b’mod partikolari fuq l-attivitajiet l-oħra li jitwettqu fil-qrib, mill-punti 64 u 73 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza, dawn it-terzi, sabiex jiġu kklassifikati bħala partijiet interessati, għandhom juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-riskju ta’ tali effett konkret. Barra minn hekk, sabiex isir dan, ma huwiex biżżejjed li tintwera l-eżistenza tal-imsemmija impatti, iżda għandu wkoll jiġi stabbilit li dawn l-impatti jirriżultaw mill-għajnuna stess. Fil-każ kuntrarju, kull individwu jew kull impriża li għandha interessi li jistgħu, minħabba l-lokalizzazzjoni tagħhom, jiġu affettwati minn dawn l-impatti jistgħu potenzjalment jallegaw il-kwalità ta’ parti interessata, fatt li huwa manifestament inkompatibbli mal-Artikolu 108(2) TFUE kif interpretat mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, T‑812/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:885, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif isostnu l-Kummissjoni u l-intervenjenti insostenn tagħha, ir-riskji ta’ impatti allegati tal-proġetti inkwistjoni fuq l-attivitajiet tas-sajd fiż-żoni kkonċernati jirriżultaw, minn naħa, mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi li jistabbilixxu dawn il-proġetti fuq siti fejn jitwettqu dawn l-attivitajiet u, min-naħa l-oħra, minn dawk li dawn l-awtoritajiet jistgħu jieħdu sabiex jirregolaw in-navigazzjoni marittima u tas-sajd madwar dawn is-siti. Kif tenfasizza r-Repubblika Franċiża, dawn id-deċiżjonijiet jimmaterjalizzaw rispettivament permezz tal-awtorizzazzjonijiet għall-operat u permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ okkupazzjoni u ta’ ġestjoni tal-qasam pubbliku, iżda mhux bl-għoti tal-għajnuna kontenzjuża.

91      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-għajnuna kontenzjuża ma jistgħux jinfluwenzaw l-istabbiliment tal-proġetti inkwistjoni jew il-kontroll u l-limitazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd fiż-żoni kkonċernati minn dan l-istabbiliment.

92      Fil-fatt, qabelxejn, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mir-rikors u kif jikkonfermaw id-dokumenti relatati mas-sejħiet għal offerti tal-2011 u tal-2013 dwar il-proġetti inkwistjoni, li għalihom tirreferi din id-deċiżjoni, il-lokalizzazzjoni eżatta tas-siti ta’ dawn il-proġetti kienet diġà ġiet stabbilita fid-data ta’ dawn is-sejħiet għal offerti u kienet tagħmel parti integrali mill-kundizzjonijiet tagħhom.

93      Sussegwentement, kien biss wara l-ftuħ tal-imsemmija sejħiet għal offerti, fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerti tal-kandidati magħżula, li d-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna ġiet adottata (ara l-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-provi prodotti mill-partijiet ma jirriżulta li n-negozjar mill-ġdid ta’ din l-għajnuna li seħħ fl-2018, li kien jirrigwarda biss it-tnaqqis tal-ammont tagħha, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-iżviluppi teknoloġiċi u legali li jikkonċernaw tali proġetti, kellu huwa nnifsu effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ dan l-istabbiliment.

94      Fl-aħħar nett, il-ħlas tal-għajnuna kontenzjuża huwa marbut mal-impenn tal-awtoritajiet Franċiżi li jipproċedu għal eżami mill-ġdid ta’ din l-għajnuna fil-każ ta’ modifika ulterjuri tal-karatteristiċi tekniċi tal-proġetti inkwistjoni (punt 105 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-għajnuna jipprevedu tnaqqis tal-ammont tagħha fi tmiem il-kuntratt max-xerrej tal-elettriku u limitazzjoni tat-tul tal-imsemmija għajnuna għal 20 sena, perijodu li lil hinn minnu l-produzzjoni tal-elettriku ma tkunx iktar issussidjata (punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan il-mekkaniżmu digressiv tal-ħlas tal-għajnuna huwa totalment indipendenti mir-riskji ta’ impatti allegati tal-proġetti inkwistjoni fuq l-attivitajiet tas-sajjieda rikorrenti u ma jistax jinfluwenza lil dawn tal-aħħar, billi dawn l-impatti jiddependu biss minn miżuri tekniċi u regolamentari eventwali meħuda sabiex jillimitaw dawn l-attivitajiet jew, għall-kuntrarju, sabiex jiffaċilitaw il-koeżistenza tagħhom ma’ dawn il-proġetti. Għalhekk, anki wara li l-għajnuna kontenzjuża ma tibqax titħallas, dawn l-impatti allegati jistgħu jkomplu indipendentement minn dan il-ħlas.

95      Fit-tielet lok, l-għajnuna kontenzjuża, li tikkorrispondi mad-differenza bejn l-ammont tat-tariffi tax-xiri tal-elettriku prodott mill-installazzjonijiet li huma s-suġġett tal-proġetti inkwistjoni u l-prezz tas-suq tal-elettriku, jista’ jkollha effett biss fuq is-swieq li fihom il-benefiċjarji huma attivi, jiġifieri, tal-output, is-suq tal-elettriku u, eventwalment, tal-input, is-swieq dwar il-provvisti neċessarji għall-funzjonament ta’ dawn l-installazzjonijiet. Hija ma jistax ikollha, minnha nnifisha, impatt fuq is-swieq li fihom is-sajjieda rikorrenti huma attivi, ħaġa li, barra minn hekk, dawn tal-aħħar ma jsostnux.

96      Fir-raba lok, fir-rigward tal-impatti allegati tal-proġetti inkwistjoni fuq ir-riżorsi tas-sajd u l-ambjent tal-baħar, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, b’mod analogu għall-impatti tal-imsemmija proġetti fuq l-eżerċizzju tas-sajd fiż-żoni kkonċernati, dawn jiddependu biss fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi ta’ stabbiliment ta’ dawn il-proġetti u tal-miżuri tekniċi u regolamentari applikabbli għalihom, li jistgħu jinfluwenzaw b’mod pożittiv jew negattiv dawn l-impatti. F’dan ir-rigward, la mill-allegazzjonijiet tas-sajjieda rikorrenti u lanqas mill-intervenjenti insostenn tagħhom, u lanqas mill-elementi li huma pproduċew insostenn tagħhom ma jirriżulta li l-ħlas tal-għajnuna kontenzjuża jippreżenta rabta ma’ dawn l-impatti fuq ir-riżorsi tas-sajd u l-ambjent tal-baħar. Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti insostenn tagħha dwar l-assenza ta’ prova ta’ tali impatti, dawn tal-aħħar, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jagħtu lis-sajjieda rikorrenti l-kwalità ta’ partijiet interessati.

97      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ għoti tal-għajnuna inkwistjoni ma jippreżentax rabta mal-impatti allegati tal-proġetti inkwistjoni fuq l-attivitajiet tas-sajjieda rikorrenti. Fil-fatt, dawn l-impatti huma inerenti, minn naħa, għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi ta’ stabbiliment ta’ dawn il-proġetti fiż-żoni kkonċernati fil-kuntest tal-politika tagħhom ta’ sfruttament tar-riżorsi enerġetiċi u, min-naħa l-oħra, għal-leġiżlazzjoni tal-ispazju pubbliku marittimu u għall-miżuri tekniċi applikabbli għall-imsemmija proġetti. Min-naħa l-oħra, jekk id-deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet li jagħtu lill-operaturi ta’ dawn il-proġetti għajnuna fil-forma ta’ obbligu tal-Istat ta’ xiri jagħtihom vantaġġ meta mqabbla mal-produtturi tal-elettriku mhux issussidjati, din hija, fiha nnifisha, mingħajr influwenza fuq ir-riżultati ekonomiċi tas-sajjieda rikorrenti. Għaldaqstant, l-għajnuna kontenzjuża ma tistax titqies li tista’, fiha nnifisha, ikollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq.

98      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti differenti tas-sajjieda rikorrenti intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ rabta bejn l-għajnuna kontenzjuża u l-impatti allegati tal-proġetti inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

99      L-ewwel, is-sajjieda rikorrenti jsostnu fir-replika u fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti tal-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni li l-ħlas tal-għajnuna huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tal-proġetti inkwistjoni u għall-operat tagħhom.

100    F’dan ir-rigward, minn naħa, hekk kif jirriżulta mit-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida tal-2008 (l-effett tal-inċentiv u l-ħtieġa ta’ għajnuna), li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni fil-punti 81 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, u minn dawn il-punti stess, in-neċessità tal-għajnuna għall-finijiet tal-implimentazzjoni u tal-operat ta’ proġetti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, bħall-proġetti inkwistjoni, hija preċiżament kundizzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom. B’mod partikolari, skont il-punt 146(c) tal-Linji Gwida tal-2008, sabiex juri l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jipprova li l-investiment ma kienx ikun profittabbli biżżejjed mingħajr għajnuna. Konsegwentement, li jiġi ammess, kif isostnu r-rikorrenti, li r-riskju ta’ effett konkret tal-għajnuna kontenzjuża fuq l-attivitajiet tagħhom huwa stabbilit biss minħabba n-neċessità tal-għajnuna għall-eżistenza tal-imsemmija proġetti jwassal sabiex potenzjalment jagħti l-kwalità ta’ parti interessata lil kull impriża jew lil kull individwu li fir-rigward tagħhom ikun hemm ir-riskju li l-imsemmija proġetti jkollhom impatti fuq l-interessi tagħhom, li, kif ġie indikat fil-punt 89 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi aċċettat. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li tali kunċett tal-kwalità ta’ parti interessata jippermetti, fil-prattika, il-kontestazzjoni sistematika tad-deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet dwar l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent minn tali impriżi jew minn tali individwi, peress li l-prova tar-riskju ta’ effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom hija awtomatikament stabbilita minħabba n-neċessità ta’ din l-għajnuna.

101    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni tas-sajjieda rikorrenti f’dan il-każ tirrigwarda, hekk kif jirriżulta essenzjalment mir-replika, mhux l-effetti tal-għajnuna kontenzjuża nnifishom, iżda l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ stabbiliment tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkonċernati mill-proġetti inkwistjoni, li, fil-fehma tagħhom, jimplikaw, b’mod partikolari, il-projbizzjoni totali jew parzjali tal-attivitajiet tas-sajd kif ukoll tar-restrizzjonijiet tekniċi li jrenduhom diffiċli li jiġu pprattikati fiż-żoni kkonċernati. B’hekk, kif jissuġġerixxu l-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi biss, b’xi mod, l-estensjoni tar-rikorsi tas-sajjieda rikorrenti kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi dwar dawn il-proġetti quddiem il-qrati nazzjonali. Issa, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jirriżulta li t-trattati ma jaffettwawx id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ sfruttament tar-riżorsi enerġetiċi tagħhom, l-għażla tagħhom bejn sorsi ta’ enerġija differenti u l-istruttura ġenerali tal-provvista enerġetika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 48).

102    Konsegwentement, anki jekk is-sajjieda rikorrenti jista’ jkollhom interess li jikkontestaw quddiem il-qrati nazzjonali d-deċiżjonijiet u l-għażliet tal-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tal-isfruttament tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, minħabba l-effetti potenzjali ta’ dan l-isfruttament fuq is-sitwazzjoni tagħhom, din iċ-ċirkustanza ma tistax tkun biżżejjed sabiex tagħtihom, madankollu, il-kwalità ta’ parti interessata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat lill-impriżi li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet u tal-imsemmija għażliet.

103    It-tieni, il-fatt li s-sajjieda rikorrenti, kif jinvokaw, jeżerċitaw attività ta’ interess ġenerali, li tibbenefika minn importanza u minn status partikolari skont l-Artikolu 39 TFUE, ma jistax, kuntrarjament għal dak li jsostnu, jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ.

104    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu ċertament jitfakkar, bħalma jagħmlu s-sajjieda rikorrenti, li l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE, trasponibbli għall-politika komuni tas-sajd skont l-Artikolu 38(1) TFUE, jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-popolazzjoni agrikola u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, in-natura partikolari tal-attività agrikola, li tirriżulta mill-istruttura soċjali tal-agrikoltura u mid-differenzi strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni agrikoli.

105    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punti 74 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna kontenzjuża hija intiża għall-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bil-għan, b’mod partikolari, li tikkontribwixxi għall-għan tar-Repubblika Franċiża li żżid il-parti ta’ dawn is-sorsi ta’ enerġija fil-konsum finali tal-elettriku. Issa, dawn l-iskopijiet ma humiex relatati mal-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd, iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE.

106    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna bħall-għajnuna kontenzjuża, ibbażata fuq l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, għajnuna mill-Istat għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda li għandha tkun iddestinata sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet u ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, it-tieni, ifformulata b’mod negattiv, peress li ma għandhiex tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ f’miżura kuntrarja għall-interess komuni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax il-kompatibbiltà ta’ għajnuna għall-kundizzjoni li ssegwi għan ta’ interess komuni, u dan bla ħsara għaċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom jiżguraw ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 19 u 20).

107    Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk, kif jissuġġerixxu s-sajjieda rikorrenti, l-għanijiet ta’ interess komuni msemmija fl-Artikolu 39 TFUE għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna kontenzjuża hija irrilevanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, imfakkra fil-punt 106 iktar ’il fuq. Din il-kwistjoni ma tistax għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati. Fil-fatt, id-dritt ta’ parti interessata li tippreżenta osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u għalhekk, kif tfakkar fil-punt 62 iktar ’il fuq, li tikkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, fir-rigward ta’ rifjut impliċitu li tinfetaħ din il-proċedura, għandu jiġi analizzat fir-rigward tal-għan tagħha, li huwa, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor l-opinjonijiet neċessarji kollha meta l-ewwel eżami ta’ għajnuna ma jkunx ippermettilha li tegħleb id-diffikultajiet kollha marbuta mal-verifika tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, ir-riskji ta’ impatti allegati tal-proġetti inkwistjoni fuq l-eżerċizzju tas-sajd fiż-żoni kkonċernati kif ukoll fuq ir-riżorsi tas-sajd u l-ambjent marittimu ma jistgħux, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, jikkostitwixxu l-prova li l-għajnuna inkwistjoni tmur kontra l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE.

109    Minn naħa, minħabba n-natura ġenerali ħafna tagħhom, l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE ma jistgħux jiġu kkontestati minħabba eventwali effett negattiv tal-imsemmija proġetti fuq l-attivitajiet tas-sajjieda rikorrenti.

110    Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie indikat fil-punt 81 iktar ’il fuq, is-sajjieda rikorrenti ma għandhomx dritt inkundizzjonat għall-użu tal-ispazju pubbliku marittimu kopert miż-żoni tas-sajd tagħhom u, kif jindikaw huma stess, l-attivitajiet tagħhom huma diġà suġġetti għal limitazzjonijiet minħabba l-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-mapep relatati mal-ħidma tas-sajd tagħhom, annessi mar-rikors, is-siti ta’ stabbiliment tal-proġetti inkwistjoni jkopru biss parti minn dawn iż-żoni u la huwa sostnut u lanqas stabbilit li dawn il-proġetti jistgħu jikkontestaw il-livell ta’ għajxien tagħhom jew l-istruttura soċjali tas-sajd fuq skala żgħira f’dawn iż-żoni. Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 80 iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li donnhom jissuġġerixxu dawn ir-rikorrenti, id-dokumenti prodotti mir-Repubblika Franċiża juru r-rieda tal-awtoritajiet Franċiżi li jippermettu l-koeżistenza tal-attivitajiet tas-sajd u tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkonċernati.

111    It-tielet, is-sajjieda rikorrenti jallegaw, fir-replika, li, fi kwalunkwe każ, huma għandhom interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata minħabba rikorsi ppreżentati minn uħud minnhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-awtorizzazzjonijiet ta’ operat ta’ tnejn mill-proġetti inkwistjoni.

112    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku u l-locus standi jikkostitwixxu kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà distinti li persuna fiżika jew ġuridika għandha tissodisfa b’mod kumulattiv sabiex ikun ammissibbli għaliha li tippreżenta rikors għal annullament skont ir-raba paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, minkejja li l-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jagħtu lis-sajjieda rikorrenti interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk rikorrent huwiex parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 u huwa ammissibbli, f’dan ir-rigward, sabiex jikkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet tirrigwarda l-locus standi tal-imsemmi rikorrent.

113    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-sajjieda rikorrenti ma jurux, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-riskju ta’ effett konkret tal-għajnuna kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernahom, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-kwalità ta’ parti interessata tal-ewwel rikorrenti

114    F’dak li jikkonċerna l-ewwel rikorrenti, kooperattiva kkostitwita mis-sajjieda tat-Tréport u tal-portijiet ta’ madwar sabiex jikkondividu x-xiri u l-bejgħ mill-ġdid ta’ kombustibbli, ta’ lubrikanti u ta’ żjut u xaħmijiet (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li l-attività tagħha tiddependi mid-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-klijentela tagħha, u mhux mill-ħlas tal-għajnuna kontenzjuża. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma teżistix rabta bejn dan il-ħlas u l-iżvilupp ta’ din l-attività, iktar u iktar peress li, hekk kif jirriżulta mill-annessi tar-rikors prodotti f’dan ir-rigward, din il-klijentela ma hijiex limitata għas-sajjieda rikorrenti, iżda tinkludi madwar 70 professjonist irreġistrat fil-Hauts-de-France, fin-Normandie u fil-Bretagne. Barra minn hekk, il-mapep ta’ densità tal-frekwentazzjoni tal-bastimenti klijenti tal-ewwel rikorrenti, li ġew ukoll inklużi fil-proċess, jissuġġerixxu perimetru ta’ attività iktar importanti minn dak tas-sajjieda rikorrenti. Isegwi li r-riskju ta’ effett konkret tal-għajnuna kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni tagħha, fi kwalunkwe każ, ma huwiex ipprovat u li din ir-rikorrenti ma tistax titqies bħala parti interessata. Konsegwentement, ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha, għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli.

115    Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma għandhomx status partikolari fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), u, b’mod partikolari, li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq ma hijiex affettwata sostanzjalment mill-għajnuna kontenzjuża, għandu jiġi konkluż li ebda waħda mir-rikorrenti ma tista’ tieħu azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata.

116    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

118    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

119    Peress li l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, permezz tad-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021, Bourel et vs Il‑Kummissjoni (T‑777/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:407), irriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, peress li s-sitt sal-ħdax-il rikorrent tilfu fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħha, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

120    Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

121    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

122    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti minbarra r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Coopérative des artisans pêcheurs associés (CAPA) Sarl u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

3)      David Bourel u r-rikorrenti l-oħra fil-Kawża T777/19 R li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

4)      Ir-Repubblika Franċiża, il-comité régional des pêches maritimes et des élevages marins des Hauts-de-France (CRPMEM), il-Fonds régional d’organisation du marché du poisson (FROM NORD), l-Organisation de producteurs CME Manche-Mer du Nord (OP CME Manche-Mer du Nord), Ailes Marines SAS, Éoliennes Offshore des Hautes Falaises SAS, Éoliennes Offshore du Calvados SAS, Parc du Banc de Guérande SAS, Éoliennes en Mer Dieppe Le Tréport SAS u Éoliennes en Mer Îles d’Yeu et de Noirmoutier SAS għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Costeira

Gratsias

Kancheva

 

      Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.