Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Marzu 2012 - Pro-Duo vs UASI - El Corte Inglés (GO!)

(Kawża T-141/12)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Pro-Duo (Gent, il-Belġju) (rappreżentant: T. Alkin, Barrister)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: El Corte Inglés, SA (Madrid, Spanja)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tissospendi l-azzjoni sakemm jintemmu l-proċedimenti ta' invalidità Nru 5011 C;

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tad-19 ta' Jannar 2012, fil-każ R 1373/2011-4, sa fejn din irrifjutat li tissospendi l-proċedimenti sakemm jintemmu l-proċedimenti ta' invalidità, jew li tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Pro-Duo

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva bl-iswed, bl-abjad u bil-griż "GO!" għall-prodotti fil-klassi 3 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 8859712

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: Reġistrazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 6070981 tat-trade mark figurattiva "GO GLORIA ORTIZ", għall-prodotti fil-klassi 3

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern wettaq żball ta' liġi meta naqas milli jissospendi l-proċedimenti; u ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata b'mod żbaljat li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks.

____________