Language of document : ECLI:EU:T:2016:406

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

14 ta’ Lulju 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Qasam postali – Finanzjament tal-ispiża addizzjonali ta’ salarji u tal-ispiża ta’ natura soċjali li tirrigwarda parti mill-persunal ta’ Deutsche Post permezz ta’ sussidji u tal-allokazzjoni ta’ dħul mir-remunerazzjoni tas-servizzi b’tariffi rregolati – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ vantaġġ – Sentenza ‘Combus’ – Turija tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku u selettiv – Assenza”

Fil-Kawża T‑143/12,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u K. Petersen, sussegwentement minn M. Henze u K. Stranz, bħala aġenti, assistiti minn U. Soltész, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikoli 1 u 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/636/UE, tal-25 ta’ Jannar 2012, dwar il-miżura C 36/07 (ex NN 25/07) implimentata mill-Ġermanja għal Deutsche Post AG (ĠU 2012, L 289, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rikorrenti f’din il-kawża, ħolqot istituzzjoni postali fl-1950, Deutsche Bundespost, li l-istatut tagħha kien dak ta’ “assi speċjali tal-Istat”, li, skont id-dritt amministrattiv Ġermaniż, ma kienx jagħtiha personalità ġuridika, iżda madankollu kien jippermettilha li tiddisponi minn baġit tagħha nnifisha u li ma jkollhiex tagħmel tajjeb għad-dejn ġenerali tal-Istat. L-Artikolu 15 tal-Gesetz über die Verwaltung der Deutschen Bundespost (Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-Posta Federali Ġermaniża) tal-24 ta’ Lulju 1953 (BGBl. 1953 I, p. 676) kien bħala prinċipju jipprojbixxi l-għoti ta’ sussidji lil Deutsche Bundespost mill-baġit tal-Istat.

2        Sussegwentement, il-Haushaltsgrundsätzegesetz (Liġi dwar il-prinċipju tad-dritt baġitarju), tad-19 ta’ Awwissu 1969 (BGBl. 1969 I, p. 1273) ikkonfermat l-eżistenza ta’ baġit u ta’ kontabbiltà speċifika għal Deutsche Bundespost.

3        Fl-1989, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wettqet l-ewwel riforma importanti ta’ Deutsche Bundespost. Din ir-riforma seħħet permezz ta’ żewġ liġijiet, il-Gesetz über die Unternehmensverfassung der Deutschen Bundespost (Liġi dwar il-governanza korporattiva tal-Posta Federali Ġermaniża), tat-8 ta’ Ġunju 1989 (BGBl. 1989 I, p. 1026) u l-Gesetz über das Postwesen (Liġi dwar is-sistema postali), tat-3 ta’ Lulju 1989 (BGBl. 1989 I, p. 1450). Din ir-riforma ma tatx il-personalità ġuridika lil Deutsche Bundespost, iżda ffrazzjonat l-assi speċjali tal-Istat komposta minnha fi tliet entitajiet distinti li jissostitwixxuha, dejjem bħala assi speċjali tal-Istat, jiġifieri, b’mod partikolari, mingħajr ma jkollhom personalità ġuridika, minkejja li dawn ġew ikkwalifikati bħala “impriżi pubbliċi”. Dawn kienu Postdienst (attività postali), Postbank (attività bankarja) u Telekom (attività ta’ telekomunikazzjonijiet).

4        Skont l-Artikolu 37(2) u (3) tal-Liġi dwar il-governanza korporattiva tal-Posta Federali Ġermaniża, kull waħda minn dawn it-tliet entitajiet kellha tiffinanzja mid-dħul tagħha stess it-totalità tas-servizzi li kienet tipproponi, madankollu finanzjament trażversali bejniethom kienet permessa jekk it-telf ikkonstatat kellu jirriżulta mill-obbligu ta’ servizz universali. Barra minn hekk, l-Artikolu 54(2) tal-Liġi dwar il-governanza korporattiva tal-Posta Federali Ġermaniża kien jimponi fuq Postdienst, Postbank u Telekom il-finanzjament sħiħ tal-pensjonijiet u r-rimbors tal-ispejjeż ta’ saħħa tal-uffiċjali rtirati li preċedentement kienu impjegati minn Deutsche Bundespost. It-tqassim tal-oneru bejn it-tliet entitajiet kien iseħħ abbażi tan-natura tal-attivitajiet preċedenti ta’ kull uffiċjal irtirat. Fir-rigward tal-uffiċjali li kienu għadhom attivi, din l-aħħar dispożizzjoni kienet tiggarantilhom drittijiet lejn l-Istat Federali, bla ħsara għall-possibbiltà li kellu dan tal-aħħar li jirrikjedi li Postdienst, Postbank u Telekom jinkarigaw ruħhom mill-ħlas tat-totalità tal-ammont korrispondenti għal dawn id-drittijiet.

5        Fis-7 ta’ Lulju 1994, UPS Europe NV/SA (iktar ’il quddiem “UPS”) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li kien ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat għajnuna illegali lil Postdienst.

6        Huwa wkoll fl-1994 li seħħet it-tieni riforma importanti tas-sistema postali Ġermaniża, qabel kollox permezz tal-Verordnung zur Regelung der Pflichtleistungen der Deutschen Bundespost Postdienst (Regolament dwar is-servizzi obbligatorji tal-attività postali tal-Posta Federali Ġermaniża), tat-12 ta’ Jannar 1994 (BGBl. 1994 I, p. 86, iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar is-servizzi obbligatorji”), u sussegwentement permezz ta’ żewġ liġijiet tal-istess ġurnata, il-Gesetz zum Personalrecht der Beschäftigten der früheren Deutschen Bundespost (Liġi dwar id-dritt tax-xogħol applikabbli għall-impjegati tal-ex Posta Federali Ġermaniża), tal‑14 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2325, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta”) u l-Gesetz zur Umwandlung von Unternehmen der Deutschen Bundespost in die Rechtsform der Aktiengesellschaft (Liġi dwar it-tibdil tal-impriża tal-Posta Federali Ġermaniża f’kumpannija b’responsabbiltà limitata), tal-14 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2325).

7        Ir-regolament dwar is-servizzi obbligatorji kien jattribwixxi lil Postdienst, bħala fornitur ta’ servizzi universali, il-kompitu li tqassam l-ittri u l-pakketti li ma jaqbżux l-20 kg u li tipprovdi s-servizzi korrispondenti fit-territorju kollu Ġermaniż, taħt tariffi uniformi. Dan l-obbligu baqa’ l-istess meta, b’applikazzjoni tal-liġi dwar it-tibdil tal-impriża tal-Posta Federali Ġermaniża f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, Postdienst saret Deutsche Post AG, filwaqt li Postbank u Telekom ukoll kisbu l-forma ġuridika ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, u dan mill-1 ta’ Jannar 1995.

8        L-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta kien jipprevedi t-teħid, minn Deutsche Post, tad-drittijiet u l-obbligi tal-Istat Federali bħala persuna li timpjega. Skont dan il-prinċipju, l-Artikolu 2(1), din il-liġi kienet tispeċifika li l-uffiċjali li kienu ġew impjegati minn Postdienst kellhom jiġu assorbiti minn Deutsche Post, li żżomm l-istatus ġuridiku u d-drittijiet pekunjarji relatati magħhom [Artikolu 2(3) tal-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta]. Fir-rigward tal-irtirar tal-uffiċjali u r-rimbors tal-kura għas-saħħa tal-uffiċjali rtirati, ġie maħluq fond ta’ pensjoni għall-uffiċjali ta’ Deutsche Post, konformement mal-Artikolu 15 ta’ din l-istess liġi. Fir-rigward tal-obbligi li daħlet għalihom Deutsche Bundespost, u sussegwentement kull waħda mit-tliet entitajiet li ssuċċedewha bħala assi speċjali tal-Istat, l-Artikolu 2(2) tal-liġi dwar it-tibdil tal-impriza tal-Posta Federali Ġermaniża f’kumpannija b’responsabbiltà limitata ttrasferiethom kollha kemm huma taħt ir-responsabbiltà ta’ Telekom. Din l-istess dispożizzjoni kienet tipprovdi, bħala korrispettiv, il-possibbiltà għal Telekom li teżerċita azzjoni ta’ rkupru kontra Postdienst u Postbank. Madankollu, l-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi, b’deroga mill-Artikolu 2(2) msemmi iktar ’il fuq, neħħa d-drittijiet ta’ Telekom għall-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni fir-rigward tad-dejn minħabba telf akkumulat ta’ Postdienst sal-31 ta’ Diċembru 1994. Din it-tneħħija tad-dejn ta lok għal trasferiment ta’ assi tal-istess ammont favur Deutsche Post.

9        Il-liġi dwar it-tibdil tal-impriża tal-Posta Federali Ġermaniża f’kumpannija b’responsabbiltà limitata kienet ukoll ipprovdiet li l-Istat Federali kellu jidħol garanti għall-obbligi kollha li daħlet għalihom Deutsche Bundespost qabel l-1995 u li sussegwentement ġew ittrasferiti lil Postdienst jew lil waħda miż-żewġ entitajiet l-oħra kkostitwiti fl-1989. Min-naħa l-oħra, l-Istat Federali ma daħalx garanti għat-titoli maħruġa minn Deutsche Post mill-1 ta’ Jannar 1995.

10      Il-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta kienet ukoll stabbilixxiet qsim tal-ispejjeż bejn l-Istat Federali u Deutsche Post fir-rigward tas-somom li kellhom jiġu allokati kull sena għall-fond ta’ pensjoni maħluq mill-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi. B’hekk, l-Artikolu 16 ta’ din tal-aħħar kien jipprovdi, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-31 ta’ Diċembru 1999, il-ħlas fiss minn Deutsche Post ta’ ammont annwali ta’ EUR 2 045 000. Mill-1 ta’ Jannar 2000, dan l-ammont fiss annwali ġie ssostitwit b’ammont li jikkorrispondi għal 33 % mit-total tas-salarji tal-uffiċjali impjegati minn Deutsche Post. Fi kwalunkwe każ, minn dan l-istess Artikolu 16 jirriżulta li l-bilanċ tal-ispejjeż tal-pensjonijiet għandu jiġi sostnut mill-Istat Federali (mill-1 ta’ Jannar 1995).

11      Fl-1997, il-Postgesetz (Liġi postali), tat-22 ta’ Diċembru 1997 (BGBl. 1997 I, p. 3294), ġiet introdotta sabiex tikkompleta r-regolament dwar is-servizzi obbligatorji u, b’mod partikolari, sabiex ittawwal il-kompiti li Deutsche Post għandha fil-kuntest tas-servizz universali. L-Artikolu 11 tal-liġi postali kien jiddefinixxi s-servizz universali fis-sens li jikkonsisti, b’mod partikolari, it-tqassim tal-ittri, tal-pakketti ta’ inqas minn 20 kg, tal-kotba, tal-katalogi, tal-gazzetti u tar-rivisti ta’ piż massimu ta’ 200 g; l-Artikolu 52 tal-imsemmija liġi jestendi l-mandat ta’ Deutsche Post fir-rigward tal-provvista tas-servizz universali sal-31 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri sad-data ta’ skadenza tal-liċenzja esklussiva li hija kellha fir-rigward tas-servizzi tal-posta. Il-limitu ta’ piż fir-rigward tal-ittri u tal-katalogi tnaqqas progressivament bejn l-1 ta’ Jannar 1998, data ta’ dħul fis-seħħ tal-liġi postali, u d-data ta’ skadenza tal-liċenzja esklussiva, sabiex finalment dan niżel għal 50 g.

12      Is-sena 1997 hija wkoll sena kruċjali fil-ġestjoni min-naħa ta’ Deutsche Post tal-persunal tagħha, peress li l-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati qabel din id-data ma bbenefikawx biss mill-iskema ta’ sigurtà soċjali obbligatorja, iżda wkoll mill-possibbiltà li jkollhom assigurazzjoni tal-pensjoni komplementari li kienet tippermettilhom jiksbu livell ta’ rtirar paragunabbli ma’ dak tal-uffiċjali rtirati ta’ Deutsche Post. Sal-1997, il-pensjoni komplementari tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ġiet iffinanzjata minn Deutsche Post abbażi ta’ kontribuzzjoni inkluża bejn 5 u 10 % tas-salarju gross ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jkun qed jaħdem. Minn din id-data, Deutsche Post, minn naħa, ħolqot provvisti sabiex tkopri l-obbligi latenti li jirrigwardaw il-ħlasijiet li kellhom isiru favur il-fond ta’ previdenza ta’ Deutsche Bundespost u, min-naħa l-oħra, ippermettiet assigurazzjoni tal-pensjoni komplementari ta’ importanza minuri għall-persunal bil-kuntratt li kien għadu kif ġie rreklutat, li hija ffinanzjat abbażi ta’ kontribuzzjoni inkluża bejn 0 u 5 % tas-salarju gross ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jkun qed jaħdem.

13      Wara li sar ilment minn UPS, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ, fis-17 ta’ Awwissu 1999, proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward ta’ numru ta’ għajnuna mogħtija lil Postdienst, sussegwentement lil Deutsche Post (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999”). Fost dawn il-miżuri kien hemm, l-ewwel nett, garanziji mill-Istat li permezz tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet qed tidħol garanti għad-dejn li daħlet għalih Deutsche Bundespost qabel it-tibdil tagħha fi tliet kumpanniji b’responsabbiltà limitata, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet tal-impjegati ta’ Postdienst u ta’ Deutsche Post (iktar ’il quddiem il-“finanzjament pubbliku tal-pnsjonijiet”) u, it-tielet nett, għajnuna finanzjarja eventwali tal-Istat favur Deutsche Post. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 1999, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha u pprovdiet it-tagħrif mitlub. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999 ġiet ippubblikata fit-23 ta’ Ottubru 1999 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

14      Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999 wasslet lil erbatax-il parti kkonċernata sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom, li l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-15 ta’ Diċembru 1999. Din tal-aħħar wieġbet permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2000.

15      Permezz tad-Deċiżjoni 2002/753/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar miżuri adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG (ĠU 2002, L 247, p. 27), il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru kien ta lil Deutsche Post għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni ta’ EUR 572 000 000, li permezz tagħha hija setgħet tkopri t-telf ikkawżat minn politika ta’ skontijiet fir-rigward tas-servizzi ta’ tqassim ta’ pakketti door-to-door miftuħa għall-kompetizzjoni.

16      Id-Deċiżjoni 2002/753 wasslet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jirkupraw mingħand Deutsche Post is-somma ta’ EUR 572 000 000. Deutsche Post ippreżentat rikors għall-annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T‑266/02).

17      Mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2007, il-Bundesnetzagentur (aġenzija federali tan-netwerks, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem, l-“awtorità regolatorja”), ikkostitwita permezz tal-liġi postali, illimitat il-prezzijiet ta’ pakkett ta’ servizzi korrispondenti għal dawk suġġetti għat-tariffi rregolati tal-posta.

18      Fit-13 ta’ Mejju 2004, UPS ressqet ilment ġdid lill-Kummissjoni, fejn sostniet li, minn naħa, din tal-aħħar, fid-Deċiżjoni 2002/753, ma kinitx eżaminat il-miżuri kollha elenkati fl-ilment imressaq fis-7 ta’ Lulju 1994 u li, min-naħa l-oħra, għajnuna illegali kienet ingħatat wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

19      Fis-16 ta’ Lulju 2004, TNT Post AG & Co. KG ukoll ressqet ilment lill-Kummissjoni, minħabba l-fatt li Deutsche Post kienet tiffattura s-servizzi intiżi għal Postbank bi prezzijiet baxxi ħafna, fejn din tal-aħħar kienet tħallas biss l-ispejjeż varjabbli għas-servizzi pprovduti.

20      F’Novembru 2004 u April 2005, fir-rigward tal-ilment imressaq fit-13 ta’ Mejju 2004 minn UPS kif ukoll ta’ dak imressaq fis-16 ta’ Lulju 2004 minn TNT Post, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li għalihom din tal-aħħar wieġbet f’Diċembru 2004 u f’Ġunju 2005.

21      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur Deutsche Post AG [għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2007”). Fid-deċiżjoni tal-2007, ippubblikata fil-lingwa awtentika tal-Ġurnal Uffiċjali tad-19 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, C 245, p. 21), il-Kummissjoni fakkret il-proċeduri adottati fil-qasam postali kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt l-Artikolu 87 KE mill-1994 u, filwaqt li invokat il-ħtieġa li twettaq investigazzjoni globali fuq id-distorsjonijiet kollha tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-fondi pubbliċi mogħtija lil Deutsche Post, indikat li l-proċedura mibdija mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999 kellha tiġi kkompletata sabiex tinkludi l-informazzjoni li reċentement kienet ġiet ikkomunikata u sabiex tadotta pożizzjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà ta’ dawn il-fondi mat-Trattat KE.

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2007, Deutsche Post talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha tannulla d-deċiżjoni tal-2007 (Kawża T‑421/07).

23      Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑266/02, EU:T:2008:235), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2002/753, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat l-eżistenza ta’ vantaġġ għal Deutsche Post, billi naqset b’mod partikolari milli twettaq l-analiżi ddettaljata tat-trasferimenti kollha ta’ riżorsi tal-Istat li minnhom din tal-aħħar kienet ibbenefikat u tal-infiq kollu assoċjat mal-provvista tas-servizz universali li hija kellha ssostni, sabiex tistabbilixxi jekk it-trasferimenti inkwistjoni kinux jikkorrispondu għal kumpens żejjed jew kumpens limitat favuriha jew għad-detriment tagħha. Bis-saħħa ta’ din is-sentenza, li ġiet appellata mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrimborsat lil Deutsche Post is-somma ta’ EUR 572 000 000, flimkien mal-interessi.

24      Fit-30 ta’ Ottubru 2008, wara numru ta’ diskussjonijiet mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-2007, il-Kummissjoni obbligat lil dan l-Istat Membru jipprovdi l-informazzjoni kollha ta’ kontabbiltà meħtieġa għall-perijodu kollu mill-1990 sal-2007. Dan l-ordni (iktar ’il quddiem l-“ordni tal-2008”) kien suġġett għal talba għal annullament kemm min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Kawża T‑571/08) kif ukoll minn Deutsche Post (Kawża T‑570/08). Fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonformat ruħha mal-ordni tal-2008, billi pproduċiet, l-ewwel f’Novembru u f’Diċembru 2008, u sussegwentement f’Marzu 2009, l-informazzjoni ta’ kontabbiltà meħtieġa.

25      Permezz ta’ digrieti tal-14 ta’ Lulju 2010, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑570/08, mhux ippubblikat, EU:T:2010:311) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑571/08, mhux ippubblikat, EU:T:2010:312), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi indirizzati kontra l-ordni tal-2008 bħala inammissibbli. Dawn id-digrieti ġew irriferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Kawża C‑465/10 P) kif ukoll minn Deutsche Post (Kawża C‑463/10 P).

26      Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat kontra s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑266/02, EU:T:2008:235).

27      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li “testendi” mill-ġdid il-proċedura miftuħa fl-1999 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2011”), bil-għan li twettaq eżammi fid-dettall tal-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet li minnu Deutsche Post kienet ibbenefikat mill‑1995. Din tal-aħħar talbet lill-Qorti Ġenerali, fit‑22 ta’ Lulju 2011, sabiex tannulla d-deċiżjoni tal-2011 (Kawża T‑388/11).

28      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑465/10 P, EU:C:2011:656), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digrieti tal‑14 ta’ Lulju 2010, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑570/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:311) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑571/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:312), minħabba l-fatt li Deutsche Post kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-ordni tal‑2008, u reġgħet bagħtet il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T‑570/08 RENV u T‑571/08 RENV).

29      Skont id-deċiżjoni tal-2011, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fit‑18 ta’ Novembru 2011, informazzjoni dwar il-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet għall-perijodu ta’ wara l-2007, li ġiet ipprovduta lilha.

30      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07, EU:T:2011:720), il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors ippreżentat minn Deutsche Post kontra d-deċiżjoni tal-2007 kien inammissibbli, minħabba li din id-deċiżjoni ma kinitx biddlet is-sitwazzjoni ġuridika tagħha u għaldaqstant ma kinitx tikkostitwixxi att li seta’ jiġi kkontestat.

31      Permezz tad-Deċiżjoni 2012/636/UE, tal-25 ta’ Jannar 2012, dwar il-miżura C 36/07 (ex NN 25/07) implimentata mill-Ġermanja għal Deutsche Post AG (ĠU 2012, L 289, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, inkompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, hija qieset li ċerti trasferimenti pubbliċi favur Deutsche Post kienu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern u li l-garanziji tal-Istat li permezz tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet qed tidħol garanti tad-dejn li daħlet għalih Deutsche Bundespost qabel it-tibdil tagħha fi tliet kumpanniji b’responsabbiltà limitata kellhom jiġu analizzati bħala għajnuna eżistenti.

32      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata l-ġurnata sussegwenti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

33      Permezz ta’ ittra li waslet ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tiddeżisti mir-rikors tagħha fil-Kawża T‑571/08 RENV, li tħassret mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali (digriet tal-10 ta’ Mejju 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑571/08 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2012:228).

34      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07, EU:T:2011:720), fejn ikkundannat l-iżball ta’ liġi li kienet wettqet il-Qorti Ġenerali billi ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-2007 ma kinitx att li seta’ jiġi kkontestat. Barra minn hekk hija bagħtet il-kawża mill-ġdid quddiem Ġenerali sabiex tiddeċiedi t-tilwima inkwistjoni.

35      Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Novembru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑570/08 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2013:589), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Deutsche Post indirizzat kontra l-ordni tal-2008. Din is-sentenza kienet suġġetta għal rettifika ta’ żball ta’ natura sostantiva (digriet tal-15 ta’ Novembru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, T‑570/08 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2013:606).

36      Fl-aħħar nett, permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2007 minħabba li din kienet ġiet adottata bi ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn hija kienet fetħet mill-ġdid proċedura ta’ investigazzjoni formali kompletament magħluqa sabiex, mingħajr ma ġiet irrevokata jew irtirata d-deċiżjoni finali, tittieħed deċiżjoni ġdida.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ talba li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Marzu 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat ir-rikors preżenti.

38      Fit-13 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni pproduċiet ir-risposta tagħha.

39      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2012, UPS u United Parcel Service Deutschland Inc. & Co. OHG talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

40      Fl-24 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikors u tar-risposta fir-rigward ta’ UPS u ta’ United Parcel Service Deutschland, fejn f’dan is-sens ġiet prodotta verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors u tar-risposta.

41      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2012, it-talba għal intervent fit-tilwima ta’ UPS u ta’ United Parcel Service Deutschland ġiet miċħuda, fejn għaldaqstant il-kwistjoni relatata mat-trattament kunfidenzjali tar-rikors u tar-risposta ġiet riżolta ipso jure.

42      Ir-replika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja waslet ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2012. Il-kontroreplika waslet għand din tal-aħħar fit‑13 ta’ Diċembru 2012.

43      Sussegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fl-istess awla.

44      Wara t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li għaldaqstant ġiet assenjata quddiemha din il-kawża.

45      Il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet lill-partijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, li għalihom dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit. Il-Qorti Ġenerali xtaqet b’mod partikolari, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u skont ġestjoni xierqa tal-Kawżi T‑421/07 RENV, T‑388/11 u T‑152/12, li kienu jinvolvu lil Deutsche Post kontra l-Kummissjoni, kif ukoll ta’ din il-kawża, issir taf l-opinjoni tal-partijiet dwar dak li setgħu jew kellhom ikunu l-prijoritajiet fir-rigward tal-ordni li bih kellhom jiġu ttrattati dawn il-kawżi u l-possibbiltà li tiġi sospiża kawża jew numru ta’ kawżi fl-istennija tad-deċiżjoni fir-rigward tal-kumplament tal-kawżi.

46      Wara li kien hemm l-osservazzjonijiet tal-partijiet, permezz ta’ digrieti tal-15 ta’ Settembru 2014 tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑388/11, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, u tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża u fil-Kawża T‑152/12, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, il-proċedimenti f’dawn it-tliet kawżi ġew sospiżi fl-istennija ta’ deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża T‑421/07 RENV, li ngħatat fit-18 ta’ Settembru 2015, kif indikat fil-punt 36 iktar ’il fuq.

47      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ġew mitluba jindirizzaw lill-Qorti Ġenerali il-konsegwenzi li, fil-fehma tagħhom, jirriżultaw mis-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654), għat-trattament ta’ din il-kawża. Fit-3 u fit-30 ta’ Novembru 2015, rispettivament, l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Kummissjoni ressqu waslu r-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

48      Fl-1 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jindirizzaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom dwar is-smigħ tas-seduta parzjalment in camera, sa fejn ċerta data li kellha tiġi diskussa kienet l-istess bħal dik imsemmija mill-partijiet prinċipali fil-Kawżi T‑388/11, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, u T‑152/12, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, data li kienet wasslet lil Deutsche Post titlob it-trattament kunfidenzjali tagħha fir-rigward tal-partijiet intervenjenti f’dawn iż-żewġ kawżi.

49      Fl-4 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni indikat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li ma kellhiex osservazzjonijiet x’tifformula u, fl-istess ġurnata, l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja waslu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fejn dawn kienu jgħidu li hija ma kellhiex oġġezzjoni għall-fatt li s-smigħ jinżamm in camera, iżda li għaldaqstant hija kienet qed tirriżerva d-dritt li tressaq talbiet ġodda fil-każ li data mhux inkluża fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata kellha tissemma waqt is-seduta.

50      Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta, li nżammet parzjalment in camera, fl-10 ta’ Diċembru 2015.

51      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

52      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        sussidjarjament, fil-każ li kellha tintlaqa’ waħda mill-partijiet tas-sitt motiv, jew wieħed mill-argumenti li jinsabu fih, jew fil-każ li kellu jintlaqa’ s-seba’ motiv, tannulla d-deċiżjoni kkontestata biss parzjalment, skont il-fondatezza tal-imsemmija motivi, partijiet ta’ motivi u argumenti;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

53      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja formalment tqajjem għaxar motivi.

54      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u jistrieħ fuq l-argument li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet ma kienx jiffavorixxi lil Deutsche Post; it-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni, minħabba l-fatt li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet ma kienx jikkumpensa l-infiq ta’ Deutsche Post; it-tielet motiv jirrigwarda, b’mod prinċipali, il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u, sussidjarjament, il-ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, fid-dawl tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul magħmul minn Deutsche Post permezz tar-rati rregolati tal-posta; ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura minħabba l-ġbir tad-dħul magħmul minn Deutsche Post permezz tal-imsemmija tariffi rregolatli; il-ħames motiv huwa wkoll ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura minħabba t-tiftix ta’ sussidji trażversali; is-sitt motiv jirrigwarda, b’mod prinċipali, il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u, sussidjarjament, il-ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, minħabba kalkoli żbaljati fil-paragun tal-piżijiet soċjali ma’ dawk ta’ operaturi kompetituri; is-seba’ motiv huwa bbażat, b’mod prinċipali, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3) minħabba l-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern bejn l-1995 u l-2002; it-tmien motiv jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999 minħabba l-kwalifika tal-għajnuna ġdida; id-disa’ motiv jirrigwarda biss l-Artikolu 4(1) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa kuntrarju għall-Artikolu 7(5) u għall-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999; fl-aħħar nett, l-għaxar motiv jirrigwarda t-tul eċċessiv tal-proċedura u n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, fejn huwa allegat li dawn jiksru l-Artikolu 6 TUE; l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

55      Madankollu, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta, insostenn tal-ewwel, it-tieni u s-sitt motivi, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, l-eżami tal-argumenti marbuta ma’ din il-kwistjoni għandha tinqata’ mill-argumenti sostanzjali u għandha tiġi ttrattata fil-kuntest ta’ motiv distint (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 66 u 67, u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Edison, C‑446/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:798, punt 20).

56      Peress li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jirrigwarda l-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, il-Qorti Ġenerali qieset li kien opportun li tittratta l-motiv li jistabbilixxi dan qabel ma tiddiskuti l-motivi fuq il-mertu tad-dritt.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

57      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet jikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur Deutsche Post, it-tieni nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-imsemmi finanzjament jikkorrispondi għal kontribuzzjonijiet li normalment għandhom jirriżultaw mill-baġit tal-impriża; it-tielet nett, fir-rigward tal-assenza ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ appliabbiltà għall-każ inkwistjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il‑Kummissjoni (T‑157/01, iktar ’il quddiem is-“sentenza Combus”, EU:T:2004:76), u, ir-raba’ nett, fir-rigward tar-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti pprovduti minnha sabiex turi n-natura żbaljata tal-indiċi ta’ riferiment magħżul mill-Kummissjoni.

58      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-affermazzjonijiet.

59      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottatu, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minnha sabiex tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet interessati jinvokaw insostenn tat-talba tagħhom. Jeħtieġ sempliċement li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi u NOS vs Il‑Kummissjoni, T‑231/06 u T‑237/06, EU:T:2010:525, punti 141 u 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Iliad et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/10, EU:T:2013:472, punt 260). B’hekk, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha tosserva jekk, fid-deċiżjoni tagħha, hija ma tiħux pożizzjoni dwar elementi li jidhrulha manifestament barra minn lokhom, neqsin minn sinjifikat jew kjarament sekondarji (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 64; tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 89, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il‑Kummissjoni, T‑303/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:505, punt 87).

61      Huwa fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-erba’ punti tad-deċiżjoni kkontestata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni humiex effettivament ivvizzjati.

62      Fir-rigward tal-argument li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet jikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur Deutsche Post, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minn naħa, is-selettività tirriżulta, skont il-Kummissjoni, fil-fatt li “s-sussidju tal-pensjoni ngħata biss lill-fond tal-pensjoni sabiex jeħles lil Deutsche Post mill-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil u għalhekk fl-aħħar nett huwa ta’ benefiċċju għal Deutsche Post” (premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ, li l-Kummissjoni esponiet, fil-punt VII.1.1, intitolat “Il-vantaġġ finanzjarju mir-riforma tal-pensjoni tal-1995”, ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li dan il-vantaġġ kien, f’dan il-każ, ġie stabbilit (premessi 260 sa 274 tad-deċiżjoni kkontestata), billi ħadet il-ħsieb li tikkonfuta l-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għaldaqstant, fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement skont kif meħtieġ mil-liġi.

63      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli timmotiva l-affermazzjoni li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet jikkorrispondi għal kontribuzzjonijiet li normalment għandhom jirriżultaw mill-baġit ta’ impriża, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni hawn wettqet sempliċi konstatazzjoni, li fir-rigward tal-fondatezza tagħha ma hemmx lok, fl-istadju tal-eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li tingħata deċiżjoni, li kontribuzzjoni bħal din min-naħa tal-persuna li timpjega kienet tagħmel parti mill-modalitajiet normali ta’ funzjonament ta’ impriża f’ekonomika tas-suq. F’dan ir-rigward, huwa indikat, fil-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, “li l-ispejjeż li kumpanija jkollha tagħmel minħabba l-obbligi finanzjarji taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi jew il-ftehimiet kollettivi mat-trejdjunjins, bħall-ispejjeż tal-pensjonijiet, huma parti mill-ispejjeż normali ta’ negozju li ditta kummerċjali jkollha tagħmel mir-riżorsi tagħha stess” u li “[d]awk l-ispejjeż huma inerenti fl-attività ekonomika tal-impriża”. Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni għamlet riferiment, barra minn hekk, għall-prassi deċiżjonali tagħha u għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant f’dan ir-rigward ma kienx hemm ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 296 TFUE.

64      Fir-rigward tal-assenza allegata ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus (T‑157/01, EU:T:2004:76), l-argument effettivament huwa nieqes, ġaladarba l-Kummissjoni espressament ħadet pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq dan l-aspett tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi dan l-argument u, fil-premessa 262 tal-istess deċiżjoni, huwa jikkonfutah fid-dettall. Barra minn hekk, il-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-2011, li fiha l-Kummissjoni kienet ukoll eskludiet din il-ġurisprudenza bħala li ma kinitx applikabbli għall-każ inkwistjoni. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata skont kif meħtieġ mil-liġi f’dan ir-rigward.

65      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ elementi li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar id-determinazzjoni tar-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ referenza, għandu jiġiosservat, minn naħa, li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar il-motivi għalfejn hija kienet aċċettat ir-rati tal-kontribuzzjoni totali, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega u l-kontribuzzjonijiet tal-impjegat, għall-assigurazzjonijiet għall-irtirar u għall-qgħad kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega għall-assigurazzjonijiet għall-mard u għall-kura (premessi 301 sa 306 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, analizzat, imbagħad eskludiet, l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru kkonċernat (premessi 308 sa 311 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu tagħti deċiżjoni dwar kull wieħed mill-argumenti mressqa quddiemha. Fir-rigward tar-raba’ punt ukoll, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata skont kif meħtieġ mil-liġi.

66      Għaldaqstant l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

67      Jeħtieġ, fil-preżent, li jiġu eżaminati flimkien ir-raba’ u l-ħames motivi, li permezz tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja stiednet lill-Qorti Ġenerali tispeċifika l-portata eżatta tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, kif ukoll tar-Regolament Nru 659/1999, fir-rigward tas-setgħat iddevoluti lill-Kummissjoni biex tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames motivi, li jirrigwardaw il-portata tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, kif ukoll tar-Regolament Nru 659/1999, fir-rigward tas-setgħat iddevoluti lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, u l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura

68      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-ordni ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni kkontestata, illegalment ġabret dħul magħmul minn Deutsche Post permezz tat-tariffi rregolati; fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, hija ssostni li kemm id-dritt primarju kif ukoll id-dritt idderivat rilevanti jipprekludu t-tiftix ta’ sussidji trażversali.

69      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

70      Qabel kollox, jeħtieġ li jitfakkar li l-uniku destinatarju ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata huwa l-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/71, EU:C:1974:71, punti 16 u 18; tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 92, u tal‑11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 31), hekk kif barra minn hekk jirriżulta espressament mill-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa dan l-Istat Membru li għandu jadotta, kontra r-rieda tiegħu stess, miżuri ġuridikament vinkolanti, sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi li għalih jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni [digriet tal-21 ta’ Jannar 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑574/13 P(R), EU:C:2014:36, punt 24], jiġifieri, b’mod partikolari, li jirkupra mill-benefiċjarju jew mill-benefiċjarji tiegħu l-ammont tal-għajnuna li l-Kummissjoni qieset li kienet ingħatat b’mod illegali.

71      Għaldaqstant huwa żbaljat li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tar-raba’ motiv, li l-Kummissjoni, anki jekk indirettament, ġabret dħul minn tariffi rregolati: l-Istat Membru kkonċernat, l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni kkonestata, sempliċement ġie mġiegħel jirkupra mingħand Deutsche Post, mingħajr ma jindika f’dan ir-rigward, u, a fortiori, kif kellu l-obbligu li jindika, f’entrata speċifika tal-kontabbiltà ta’ din tal-aħħar, l-ammont korrispondenti għal sensiela ta’ miżuri li l-Kummissjoni kienet qieset li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-fatt li Deutsche Post tirrimborsa l-imsemmi ammont billi tistrieh fuq il-vantaġġi magħmula permezz tat-tariffi rregolati tal-posta jew skont modalitajiet oħra hija għaldaqstant mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

72      Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka iktar, taħt il-ħames motiv, il-projbizzjoni, għall-każ partikolari, tat-tiftix tal-eżistenza ta’ sussidji trażversali eventwali.

73      Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, mhux biss l-Artikolu 107(1) TFUE ma jipprekludix il-verifika tal-eżistenza ta’ tali sussidji, iżda, bil-kontra, din id-dispożizzjoni timplika li għandha ssir verifika ta’ dan it-tip.

74      Fil-fatt l-Artikolu 107 TFUE għandu bħala għan li jipprevjeni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġu affettwati minn vantaġġi permessi mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom differenti, joħolqu distorsjoni, jew jheddu li joħolqu distorsjoni billi jiffavorizzu ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet (sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 26, u tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 12). Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom diversi, itaffu l-piżijiet li normalment jinsabu fil-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 13, u tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 58).

75      Iktar preċiżament, l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi li jiġi vverifikat jekk id-dħul li jirriżulta minn attività legalment issussidjata sservix sabiex tiffinanzja attivitajiet oħra tal-istess impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 50; tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, T‑106/95, EU:T:1997:23, punti 187 sa 190, u tal‑1 ta’ Lulju 2010, M6 u TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, EU:T:2010:272, punti 118, 121, 126 u 135), fejn il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-iktar metodu xieraq sabiex tiġi żgurata l-assenza ta’ sussidju trażversali favur attivitajiet kompetittivi (sentenza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, T‑106/95, EU:T:1997:23, punt 187).

76      Minkejja li t-titolu tal-ħames motiv tagħha (ara l-punt 54 iktar ’il fuq) ma jagħtix x’jifhem dan, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tidher, fil-verità, taqbel mal-fatt li l-Kummissjoni għandha d-dritt tipproċedi għat-tiftix tas-sussidji trażversali, iżda tikkontesta l-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal verifika ta’ dan it-tip jiġu ssodisfatti f’dan il-każ. Fir-rikors hija tindika dan li ġej: “anki sempliċement minħabba l-assenza ta’ trasferiment ta’ ‘riżorsi tal-Istat’ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kundizzjonijiet ta’ ‘sussidju trażversali’ fis-sens tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għajnuna ma humiex sodisfatti”.

77      Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx, pjuttost, li billi wettqet l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna li allegatament tirriżulta mill-Artikolu 16 tal-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Artikolu 20(2) tal-liġi postali, din l-implementazzjoni li ppermettiet lil Deutsche Post talloka parti mid-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tariffi rregolati għall-fond ta’ pensjoni, il-Kummissjoni pproċediet sabiex tfittex sussidju trażversali, li jintervjeni, normalment, fl-istadju tad-determinazzjoni tal-eżistenza tal-għajnuna, u mhux f’dak tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

78      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tippreżenta azzjoni għal nuqqas tal-Istat li jwettaq obbligu, fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE, li kieku qieset li r-regolament tal-prezzijiet previst mill-Artikolu 20(2) tal-liġi postali ta lok għal sussidji trażversali. Hija tqis, konsegwentement, li kien hemm użu ħażin ta’ poter.

79      Argument bħal dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni diġà eskludew raġunament simili, billi fakkru, fir-rigward tal-għażla tal-Kummissjoni li tipproċedi kontra abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ operatur storiku Ġermaniż fil-qasam tat-telefonija, pjuttost milli tipproċedi kontra l-Istat Membru awtur tal-leġiżlazzjoni li għamlitha possibbli li jseħħ tali abbuż, li, anki jekk il-Kummissjoni setgħet, f’dan is-sens, tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din l-eventwalità bl-ebda mod ma setgħet taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑271/03, EU:T:2008:101, punt 271) u, b’mod usa’, fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, liema fatt għandu bħala konsegwenza li l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx obbligu li jevalwaw l-opportunità tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa (sentenzi tas-26 ta’Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑233/00, EU:C:2003:371, punt 31, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 47).

80      L-użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura għaldaqstant ma huwiex stabbilit taħt il-ħames motiv. Dan lanqas ma huwa stabbilit taħt ir-raba’ motiv, li fil-kuntest tiegħu ġie invokat ukoll.

81      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, wara lment imressaq fit-22 ta’ April 2004 minn UPS abbażi tal-Artikolu 102 TFUE (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kienet fetħet proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Deutsche Post minħabba l-fatturazzjoni ta’ tariffi eċċessivi tas-servizzi rregolati tal-posta, iżda sussegwentement, fil-25 ta’ Marzu 2008, hija rrinunzjat milli tkompli b’din il-proċedura inkwantu qieset li kien diffiċli li tipprova tali abbuż (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija l-impossibbiltà li tkun tista’ tipprova l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Deutsche Post li wasslet lill-Kummissjoni tirrikorri artifiċjalment għal proċedura oħra, dik tal-verifika tal-għajnuna mill-Istat.

83      Hawnhekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi li hija jkollha sabiex tissanzjona ksur tal-Artikolu 102 TFUE, toqgħod lura milli twaqqaf abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li fir-rigward tiegħu hija tqis li ma tinsabx f’pożizzjoni li tistabbilixxi suffiċjentement skont kif meħtieġ mil-liġi, jikkostitwixxi illustrazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-osservanza nnifisha tal-prinċipju ta’ legalità.

84      Ulterjorment, deċiżjoni tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura biss jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 69, u tas-16 ta’ Settembru 1998, IECC vs Il‑Kummissjoni, T‑133/95 u T‑204/95, EU:T:1998:215, punt 188). Barra minn hekk, meta jkun hemm pluralità ta’ għanijiet segwiti, anki jekk motiv mhux iġġustifikat jinsab fost motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx ivvizzjata minn abbuż ta’ poter sakemm din id-deċiżjoni ma tmurx kontra l-għan essenzjali (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 1954, L‑Italja vs L‑Awtorità Għolja, 2/54, EU:C:1954:8, p. 73, 103; tat‑8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il‑Kummissjoni, T‑266/97, EU:T:1999:144, punt 131, u tal‑21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, EU:T:2005:333, punt 87).

85      F’dan il-każ, xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata sabiex tissanzjona għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern jew, fi kwalunkwe każ, b’mod partikolari għal dan il-għan.

86      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-raba’ u l-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda.

87      Sussegwentement jeħtieġ li jsir l-eżami tal-ewwel u t-tieni motivi kif ukoll tal-ewwel parti tat-tielet, is-sitt u s-seba’ motivi, relatati mal-kwistjoni tal-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ għajnuna mill-Istat.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet, is-sitt u s-seba’ motivi, sa fejn jirrigwardaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

88      Qabel kollox għandu jitfakkar li l-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippresupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kriterji, jiġifieri li għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent għandu jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u li għandu joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 18; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent de colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 15, u tal-15 ta’ Ġunju 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑222/04, EU:T:2009:194, punt 39).

89      Il-miżura li tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament hija l-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-“sussidji relatati mal-pensjonijiet favur Deutsche Post”. Permezz ta’ din it-terminoloġija, il-Kummissjoni tirreferi preċiżament għall-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet tal-ex uffiċjali tas-servizzi postali (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata), bl-esklużjoni, konsegwentement, ta’ dak tal-irtirar tal-ex membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati mill-1 ta’ Jannar 1995. Konsegwentement, huwa wkoll f’dan is-sens li għandha tiġi interpretata l-espressjoni “finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet” użata f’din is-sentenza. L-imsemmi finanzjament huwa rregolat mill-Artikolu 16 tal-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta, li għaldaqstant jikkostitwixxi s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna allegata mas-suq intern, il-Kummissjoni enfasizzat li l-effett ta’ din tal-aħħar u ta’ dik tal-Artikolu 20(2) tal-liġi postali kienu jingħaqdu sabiex jeħilsu lil Deutsche Post min-nefqa tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ex uffiċjali tagħha (premessi 116 u 332 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      B’hekk jeħtieġ, meta jiġu eżaminati l-motivi differenti mressqa f’dan ir-rigward mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jiġi vverifikat jekk il-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet setax, ġustament, jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kriterji mfakkra fil-punt 88 iktar ’il fuq.

 Fir-rigward tal-ewwel kriterju, dwar l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat

91      Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma hemmx dubji dwar l-intervent tal-Istat u dwar l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. Dawn huma evidenti fir-rigward tal-mekkaniżmu li ġie fis-seħħ permezz tal-Artikolu 16 tal-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta, peress li, kif ġie indikat fil-punt 10 iktar ’il fuq, l-Istat Federali ħallas, għas-snin 1995 sal-1999, id-differenza bejn in-nefqa totali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ex uffiċjali ta’ Deutsche Post u ħlas kull sena ta’ DEM 4 000 000 (madwar EUR 2 045 000 000), u sussegwentement, mis-sena 2000, bejn in-nefqa totali tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ dawn l-ex uffiċjali u 33 % tas-salarji gross tal-uffiċjali ta’ Deutsche Post li jkunu qed jaħdmu.

92      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja toġġezzjona, madankollu, li dawn ir-riżorsi ma jikkorrispondux biss għad-dħul meħud minn Deutsche Post permezz tat-tariffi rregolati, peress li dan id-dħul ma jistax jiġi kkwalifikat bħala riżorsi tal-Istat inkwantu ma jikkorrispondix għar-remunerazzjoni mill-klijenti tiegħu tas-servizzi pprovduti minn Deutsche Post fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ekonomiċi privati.

93      Madankollu, din l-argumentazzjoni taqa’ hekk kif tiġi analizzata. Ma hemmx dubju li Deutsche Post ġiet meħlusa, permezz tal-intervent tal-Istat Federali, minn parti min-nefqa tal-pensjonijiet dovuti lill-uffiċjali rtirati tagħha, liema nefqa hija kien ikollha tiġbor mit-tariffi mhux irregolati tas-servizzi tagħha fin-nuqqas ta’ kull intervent. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament tindika li s-somma ffrankata mill-ammont totali tal-infiq relatat mal-ħlas tal-imsemmija pensjonijiet kienet tikorrispondi għal EUR 151 000 000 fl-1995, li spiċċat tilħaq EUR 3 203 000 000 fl-2010. Matul il-perijodu 1995‑2010, it-total ta’ dan il-ħlas laħaq ammont li jikkorrispondi għal iktar minn EUR 37 000 000 000.

94      Barra minn hekk, il-fatt li parti mid-dħul mit-tariffi rregolati approvati mill-aġenzija federali tan-netwerks skont l-Artikolu 20(2) tal-liġi postali kienet intiża sabiex tnaqqas il-kontribuzzjoni ta’ Deutsche Post għall-fond ta’ pensjoni għandu bħala konsegwenza li l-ħlas mill-Istat federali, iddefinit permezz tal-ħlas fiss, u sussegwentement permezz ta’ perċentwali imsemmija fil-punt 91 iktar ’il fuq, kien ogħla minn dak li kellu jkun. Għaldaqstant, b’mod definittiv, dan huwa ħlas eċċessiv ta’ sussidji pubbliċi, anki jekk huwa minnu li d-dħul li jirriżulta mit-tariffi rregolati huma, fis-sens intrinsiku tal-kelma, ta’ natura privata.

95      Għaldaqstant ġie ssodisfatt l-ewwel kriterju, dwar l-intervent tal-Istat jew permezz tal-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

 Fir-rigward tat-tieni u r-raba’ kriterji, dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u tal-preġudizzju jew tar-riskju ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni

96      L-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni ta’ dawn iż-żewġ kriterji ma hijiex suġġetta għal kontestazzjoni speċifika min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fi kwalunkwe ipoteżi hemm lok li jiġi deċiż li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi jew żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 275 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li s-swieq al-pakketti u tal-istampa kienu dejjem miftuħa għall-kompetizzjoni fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li, wara l-ftuħ tas-suq tal-posta għall-kompetizzjoni, Deutsche Post kienet progressivament tilfet id-drittijiet esklussivi tagħha f’dan is-settur, li fih kienu jipparteċipaw impriżi ġodda, kienu ġew sodisfatti l-kriterji ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni.

 Fir-rigward tat-tielet kriterju, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ permess lil impriża jew lil tip ta’ produzzjoni

97      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ż-żewġ komponenti ta’ dan il-kriterju ġew miksura. Hija tal-fehma, l-ewwel nett, li, anki li kieku kellu jitqies li f’dan il-każ hemm vantaġġ selettiv, il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tiegħu ma humiex impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, it-tieni nett, li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet ma tax lok għal tali vantaġġ.

98      Jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament dawn iż-żewġ aspetti.

–       Fir-rigward tal-identità tal-benefiċjarju tal-vantaġġ allegat u tal-kwalità tiegħu ta’ impriża

99      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tindika, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, li l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni ma huwiex Deutsche Post, iżda huwa jew, direttament, il-fond ta’ pensjoni tal-ex uffiċjali tas-servizzi postali, jew, indirettament, l-uffiċjali rtirati nfishom, jiġifieri persuni fiżiċi.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-analiżi.

101    Hemm lok li jiġi kkonfutati l-ilmenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-identità u n-natura tal-benefiċjarju tal-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li Deutsche Post, li l-kwalità tagħha bħala impriża ma hijiex kontestabbli, jmissha, mingħajr dan il-finanzjament, ħallset, favur ex uffiċjali tal-predeċessuri legali tagħha, ċerta somma addizzjonali li torbot mas-salarji mħallsa, u li fir-rigward tagħha hija ġiet parzjalment meħlusa. Għaldaqstant hija effettivament il-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni.

102    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-ħlas parzjali, hekk kif iddefinit fil-punt 10 iktar ’il fuq, setax, ġustament, jiġi kkwalifikat bħala vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

–       Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ favur Deutsche Post, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

103    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar b’liema mod il-qorti tal-Unjoni tinterpreta l-kunċett ta’ vantaġġ, qabel ma, fit-tieni lok, tiġi spjegata fil-qosor il-portata tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, sabiex sussegwentement, fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-motivi u l-argumenti mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jekk ir-raġunament tal-Kummissjoni kienx jippermetti, f’dan il-każ, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, sussegwentement, sa fejn ġew sodisfatti l-kriterji l-oħra, kif ġie deċiż fil-punti 91 sa 96 iktar ’il fuq, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

104    Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat, għandu natura ġuridika u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111, u tas-16 ta’ Settembru 2013, British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑Kummissjoni, T‑226/09 u T‑230/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:466, punt 39).

105    Għaldaqstant l-istess jgħodd għall-punt dwar jekk miżura tagħtix vantaġġ lil impriża jew le.

106    Dan il-vantaġġ għandu jkun ta’ natura ekonomika u selettiva.

107    Il-vantaġġ għandu jkun ta’ natura ekonomika, jiġifieri li l-Kummissjoni għandha l-oneru tal-obbligu li twettaq analiżi kompleta tal-elementi kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha, inkluż tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat, sabiex tivverifika jekk l-impriża benefiċjarja tiksibx vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 251 u 257, u tat‑3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, T‑163/05, EU:T:2010:59, punt 98).

108    Fil-kuntest ta’ din il-verifika, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala elementi tal-kuntest rilevanti, l-aspetti speċifiċi tas-sistema ġuridika li minnha tagħmel parti l-miżura nazzjonali eżaminata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istati, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 94), u, it-tieni nett, li intervent li ma għandux bħala effett li jqiegħed lill-impriżi li fir-rigward tagħhom għandu japplika f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu magħhom ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 87).

109    F’dan il-kuntest, ġie deċiż li kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi mwettqa mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku ma jagħtix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, konsegwentement, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta, b’mod partikolari, huwa ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom ikkawżati mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jieħu inkunsiderazzjoni dħul relatat miegħu kif ukoll benefiċċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Fil-fatt, jekk dan il-kriterju jiġi sodisfatt, il-finanzjament inkwistjoni ma jsaħħaħx il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriża li tibbenefika minnu (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 92).

110    Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu bħala sempliċi għan li jipprojbixxi vantaġġi li jiffavorixxu ċerti impriżi, il-kunċett ta’ għajnuna jkopri biss interventi li jħaffu l-piżijiet li normalment ikun hemm fuq il-baġit ta’ impriża u li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb fiċ-ċirkustanzi normali tas-suq imsemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 26; tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punti 12 u 13, u tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, miżura li permezz tagħha Stat Membru jeħles lill-impriża, inizjalment marbuta bil-liġi li tkompli timpjega lill-uffiċjali tal-predeċessur legali tagħha u li tikkumpensa lill-imsemmi Stat bħala korrispettiv tas-salarji u tal-pensjonijiet li din tal-aħħar kienet tħallas, mill-“iżvantaġġ strutturali” li jikkostitwixxi “l-istatus privileġġjat u li jiswa ta’ [dawn] l-uffiċjali” meta mqabbel ma’ dak tal-impjegati tal-kompetituri privati tal-imsemmija impriża ma tikkostitwixxix, bħala prinċipju, intervent li jħaffef l-infiq li normalment ikun ta’ piż fuq il-baġit ta’ impriża u, ssusegwentement, għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus, T‑157/01, EU:T:2004:76, punti 6, 7, 56 u 57). Madankollu, anki fil-każ inkwistjoni, għandha teżisti relazzjoni diretta bejn l-ispejjeż addizzjonali effettivament sostnuti u l-ammont tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2008, Hôtel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537, punt 189, u tas‑16 ta’ Settembru 2013, British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑Kummissjoni, T‑226/09 u T‑230/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:466, punt 72), liema fatt jippermetti li jitkejjel l-effett nett tal-imsemmija għajnuna.

111    Il-vantaġġ għandu jkun ukoll ta’ natura selettiva. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 94, u tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 52). Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ta’ selettività, l-Artikolu 107(1) TFUE jimponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika speċifika, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41; tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et, C‑308/01, EU:C:2004:252, punt 68, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 40). Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura, għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika speċifika, l-imsemmija miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 36).

112    Għaldaqstant huwa biss fir-rigward tal-kompetituri tal-impriża inkwistjoni li dan il-vantaġġ għandu jiġi evalwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑257/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:504, punt 70). Barra minn hekk, is-sens tal-irkupru ta’ għajnuna illegali huwa li l-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li minnu huwa kien ibbenefika fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u li s-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna tkun ġiet stabbilita mill-ġdid (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punti 103 u 104 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑257/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:504, punt 147).

113    Fit-tieni lok, kif ġie indikat fil-kuntest tal-eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddedikat il-premessi 260 sa 274 tal-imsemmija deċiżjoni, taħt it-titolu “Il-vantaġġ finanzjarju mir-riforma tal-pensjoni tal-1995”, sabiex turi, b’liema mod, fil-fehma tagħha, Deutsche Post kienet ibbenefikat minn vantaġġ.

114    Il-Kummissjoni bdiet billi fakkret, fil-premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellu jiġi vverifikat jekk il-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet kienx ippermetta li jiġi evitat li Deutsche Post issostni l-infiq li normalment kien ikunu ta’ piż fuq ir-riżorsi finanzjarji speċifiċi għall-impriża u jekk b’hekk ġiex evitat li l-forzi tas-suq jipproduċu l-effett normali tagħhom.

115    Fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus (T‑157/01, EU:T:2004:76).

116    Fil-premessa 263 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet, bħala silloġiżmu prinċipali, l-affermazzjoni li l-infiq li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew ta’ ftehimiet kollettivi jagħmlu parti mill-infiq normali li impriża għandha tiffinanzja fuq ir-riżorsi proprji tagħha u, bħala silloġiżmu sussidjarju, sostniet li l-ispejjeż ta’ rtirar, iddeterminati skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew ftehimiet kollettivi, jagħmlu parti minn dan l-infiq. Minn dan hija kkonkludiet li Deutsche Post kienet ikkonfrontata, fir-rigward tal-pensjonijiet tal-ex uffiċjali tagħha, minn nefqa inerenti għall-attività ekonomika tal-impriża, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

117    Il-premessi 264 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata huma ddedikati għall-iżvilupp tal-istatus tal-posta Ġermaniża mill-1950 sal-1995 (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 1 sa 12 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni siltet minn dan l-iżvilupp li Deutsche Bundespost, u sussegwentement Postdienst, kienu jassumu kompletament nefqa li Deutsche Post issostni biss parzjalment, fejn għaldaqstant jeżisti vantaġġ favuriha.

118    Fil-premessa 267 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-argumenti dwar il-kwistjoni jekk Deutsche Post kinitx issostni spejjeż ta’ rtirar ogħla mill-kompetituri privati tagħha “[kienu] rrilevanti għall-fini li jiġi stabbilit jekk is-sussidju tal-pensjonijiet [kienx jikkostitwixxi] għajnuna mill-Istat”, iżda li, min-naħa l-oħra, dan għandu jiġi eżaminat “fi-lkuntest tal-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ dik il-miżura”. Din l-idea hija espressa wkoll fil-premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata.

119    Fl-aħħar nett, il-premessi 269 sa 273 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw il-konfutazzjoni ta’ diversi argumenti esposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura amministrattiva.

120    Fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-motivi u tal-argumenti mqajma f’dan ir-rigward mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jekk il-Kummissjoni kkonkludietx ġustament li kien jeżisti vantaġġ permess minn dan l-Istat Membru lil Deutsche Post.

121    Kif ġie indikat fil-punt 87 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddedikat numru ta’ motivi sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ. Fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-motivi, hija tiċħad li Deutsche Post ibbenefikat minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

122    Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ddedikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-ewwel motiv tagħha, għall-konfutazzjoni tal-argument li, f’dan il-każ, it-tielet kriterju, li jirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku u selettiv, ġie ssodisfatt.

123    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad dawn l-argumenti.

124    Qabel kollox, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet ma jikkostitwixxix vantaġġ għal Deutsche Post minħabba l-fatt li l-ammont li hija għandha tħallas “fil-fond ta’ pensjoni huwa ddeterminat bil-liġi”. Madankollu, tali argument għandu jiġi eskluż bħala ineffettiv, peress li l-Kummissjoni kellha preċiżament l-obbligu li tiddetermina, f’dan l-istadju, jekk, meta mqabbel mal-kompetituri tagħha, minħabba l-Artikolu 16 tal-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta, Deutsche Post kinitx tibbenefika minn vantaġġ ekonomiku li hija ma kellhiex preċedentement. Huwa strettament irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-vantaġġ, fil-każ li jiġi stabbilit, jirriżulta minn obbligu legali jew minn intervent tal-Istat taħt forma oħra, ġaladarba t-tnejn li huma jinsabu suġġetti għad-dispożizzjonijet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

125    Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, data marbuta mal-qafas legali tas-sigurtà soċjali u tar-relazzjonijiet tax-xogħol Ġermaniżi. Madankollu, għandu jiġi osservat li dan l-argument ma huwiex fattwali, peress li huwa biss fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna allegata mas-suq intern li l-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjonijiet ta’ din in-natura fid-deċiżjoni kkontestata.

126    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, billi tagħmel riferiment għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/945/KE, tat‑13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP [Għajnuna Statali C 42/07 (ex N 428/06)] li Franza fi ħsiebha tagħti lill-RATP (ĠU 2009, L 327, p. 21). Tali argument ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jitfakkar, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-prassi invokata ġietx stabbilita, li hija ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, liema fatt jista’ jiġi evalwat biss fir-rigward tar-regoli oġġettivi tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 21, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il‑Kummissjoni, T‑303/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:505, punt 82). Għalhekk, hija ma tistax tiddependi minn evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni u għandha tiġi ddeterminata indipendentement minn kull prassi preċedenti ta’ din l-istituzzjoni (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il‑Kummissjoni, T‑303/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:505, punt 82, u tal-5 ta’ Frar 2015, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑500/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:73, punt 39).

127    Għaldaqstant hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jinsabu fl-ewwel motiv sa fejn jirrigwardaw is-sempliċi eżistenza ta’ vantaġġ.

128    Fid-dawl, minn naħa, taċ-ċaħda tal-parti tal-imsemmi motiv li kien jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 55 u 66 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, taċ-ċaħda tal-ilmenti tal-istess motiv li kienu jirrigwardaw l-identità tal-benefiċjarju tal-vantaġġ allegat u l-kontestazzjoni tal-kwalità tagħha ta’ impriża (ara l-punt 101 iktar ’il fuq), għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv fit-totalità tiegħu.

129    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq il-fatt li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet ma kienx jikkumpensa l-infiq sostnut minn Deutsche Post, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tippreżenta argument li jinkludi tliet partijiet, l-ewwel tnejn intiżi sabiex jinvalidaw l-argument li l-infiq ikkumpensat permezz tal-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet normalment ikun ta’ piż fuq il-baġit tal-impriżi, it-tielet li jirrigwarda l-kwistjoni tal-kumpensazzjoni ta’ żvantaġġ strutturali.

130    Preliminarjament, għandu jiġi indikat mill-ġdid (ara l-punt 110 iktar ’il fuq) li, fis-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus (T‑157/01, EU:T:2004:76, punti 6, 7, 56 u 57), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li miżura li permezz tagħha Stat Membru jeħles lil impriża inizjalment marbuta mil-liġi li tkompli timpjega l-uffiċjali tal-predeċessur legali tagħha u li tikkumpensa lill-imsemmi Stat bħala korrispettiv għas-salarji u għall-pensjonijiet imħallsa minn dan tal-aħħar, mill-“vantaġġ strutturali” li kien jikkostitwixxi “l-istatus privileġġjat u li jiswa ta’ [dawn] l-uffiċjali” meta mqabbel ma’ dak tal-impjegati tal-kompetituri privati tal-imsemmija impriża ma kinitx tikkostitwixxi, bħala prinċipju, intervent li jħaffef l-infiq li normalment ikun ta’ piż fuq il-baġit ta’ impriża u, sussegwentement, għajnuna. Fil-fatt ma jistax jiġi sostnut li tagħmel parti mill-piżijiet normali ta’ impriża n-nefqa ta’ skema ta’ rtirar eżorbitanti tad-dritt komuni imposta mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kemm jekk jirriżulta, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus (T‑157/01, EU:T:2004:76), mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-uffiċjali Daniżi jew, bħal f’din il-kawża, minn dik li tirregola l-pensjonijiet tal-uffiċjali li, storikament, kienu ġew irreklutati minn Deutsche Bundespost sabiex jiġi żgurat is-servizz pubbliku postali, billi kienu ġew ekwiparati għall-uffiċjali tal-Istat Ġermaniżi.

131    Għandu jiġi enfasizzat li, meta ddeċidiet dan, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-sempliċi intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali (jiġifieri li jeħles lill-operatur ekonomiku kkonċernat minn żvantaġġ strutturali), indipendentement mill-effetti tagħha. B’hekk, il-Qorti Ġenerali espressament ippreċiżat li l-Istat Daniż “seta [...] kiseb l-istess riżultat”, jiġifieri l-istess effett, “permezz tal-allokazzjoni mill-ġdid tal-imsemmija uffiċjali fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, mingħajr il-ħlas ta’ bonus speċifiku” (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus, T‑157/01, EU:T:2004:76, punt 57). Għaldaqstant il-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza ma tidħolx f’kuntrast ma’ dik, imsemmija fil-punt 108 iktar ’il fuq, li tfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 46, tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 94 u 95, u tas-16 ta’ Settembru 2013, British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑Kummissjoni, T‑226/09 u T‑230/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:466, punt 74).

132    Sussegwentement, skont l-istess loġika bħal dik li tirregola l-ġurisprudenza mfakkra fil-qosor fil-punti 108 u 109 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni tagħtix lil Deutsche Post vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi eżaminat jekk din għandhiex bħala effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar meta mqabbla ma’ dik tal-impriżi li jikkompetu magħha. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, ikun hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni obbligi eventwali fuq Deutsche Post skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-finanzjament tal-iskemi ta’ rtirar li ma jkunux ta’ piż fuq il-kompetituri ta’ din l-impriża. Fil-fatt, bħalma l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jeskludi li l-ħlas ta’ kumpens li ma jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jiġi kopert l-infiq maħluq mill-implementazzjoni tiegħu għandu jitqies li jagħti vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-impożizzjoni, bis-saħħa ta’ att ta’ awtorità pubblika, ta’ obbligu li tiġi sostnuta n-nefqa integrali tal-iskemi ta’ rtirar tal-persunal li għandu l-istatus ta’ uffiċjal minflok ma ssir kontribuzzjoni għall-assigurazzjoni tal-irtirar teskludi li l-finanzjament ta’ din in-nefqa jiġi kkwalifikat bħala vantaġġ, bil-kundizzjoni li dan il-finanzjament ma jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex l-obbligi ta’ Deutsche Post jitqiegħdu fuq livell ugwali mal-obbligi tal-impriżi li jikkompetu magħha. L-eżistenza ta’ vantaġġ tista’ għalhekk tiġi aċċettata biss jekk il-finanzjament inkwistjoni jeċċedi dan il-limitu.

133    Hekk kif jirriżulta mir-rikors u mir-risposta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ma wettqet ebda eżami konkret bil-għan li tiddetermina jekk l-infiq imħallas mill-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet kienx l-istess bħal dak li normalment ikun ta’ piż fuq il-baġit tal-impriżi u huwa biss fil-kuntest tal-eżami dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern li l-Kummissjoni wettqet paragun inizjali mal-infiq li impriża normalment għandha tħallas.

134    Hija ssostni ulterjorment li s-sempliċi affermazzjoni li l-ispejjeż marbuta mal-irtirar jikkostitwixxu nfiq normali tal-operat ta’ impriża ma hijiex biżżejjed fir-rigward tal-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet ta’ ex uffiċjali u li jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tispeċifika jekk il-paragun kellux isir ma’ impriża li timpjega biss impjegati privati jew jekk kinitx tistenna li din tal-aħħar tinkludi uffiċjali fost l-impjegati attwali tagħha jew fost dawk li rtiraw.

135    Għall-Istat Membru kkonċernat, dan in-nuqqas jikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni li jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata: fil-fatt, eżami konkret kien jippermetti li jiġi stabbilit li l-ispejjeż soċjali relatati mal-uffiċjali ta’ Deutsche Post ma kinux jagħmlu parti mill-infiq li normalment ikun ta’ piż fuq il-baġit tal-impriżi.

136    Fil-fehma tagħha dan l-infiq jikkorrispondi għal żvantaġġ strutturali fis-sens tas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus (T‑157/01, EU:T:2004:76), li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat.

137    Finalment ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li s-sussidji relatati mal-iskemi tal-irtirar ma ħelsux lil Deutsche Post mill-ħlas, qabel kollox tas-somma fissa annwali b’ammont ekwivalenti għal EUR 2 045 000 000, sussegwentement ta’ dik li tirrappreżenta 33 % mit-total gross tas-salarji tal-uffiċjali ta’ Deutsche Post li jkunu għadhom qed jaħdmu, peress li Deutsche Post qatt ma kellha dan l-obbligu, li kien jaqa’ biss fuq Deutsche Bundespost.

138    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni sostniet, inkluż waqt is-seduta, li hija effettivament kienet wettqet l-eżami konkret mill-perspettiva dwar jekk l-infiq li Deutsche Post kienet ħelset permezz tal-Artikolu 16 tal-liġi dwar l-istatus tal-impjegati tal-posta kienx infiq li normalment jaqa’ fuq impriża. Hija fakkret li, skont il-ġurisprudenza, l-ispiża tax-xogħol kienet taqa’ taħt l-infiq normali ta’ impriża, li kienet tinkludi wkoll il-ħlas tal-pensjonijiet tal-irtirar.

139    Skont il-Kummissjoni, il-fatt li seħħ reklutaġġ taħt kundizzjonijiet differenti, matul is-snin preċedenti għall-1995, minn dawk permessi sa minn din id-data għall-impjegati l-ġodda ta’ Deutsche Post huwa mingħajr effett fuq l-obbligu magħmul fuq din tal-aħħar li tosserva, għall-persunal ikkonċernat, jiġifieri l-uffiċjali, il-kundizzjonijiet li kienu ngħatawlhom. Għall-istess raġunijiet, il-forma li għandha l-ispiża tal-pensjonijiet tal-irtirar ma tagħmilx differenza f’dan il-każ, peress li jkun meħtieġ sempliċement li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija spiża tagħmilx parti mill-infiq li impriża normalment ikollha tassumi.

140    Hija toġġezzjona lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-metodi proposti minn din tal-aħħar sabiex tiddetermina l-ispejjeż inkwistjoni ma humiex konformi mal-ġurisprudenza u tallega li s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Combus (T‑157/01, EU:T:2004:76), ma ġiet ikkonfermata la bil-ġurisprudenza u lanqas bil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

141    Hija tikkonkludi billi tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ għajnuna għandha tiġi evalwata skont l-effetti tal-interventi tal-Istat u mhux skont il-kawżi jew l-għanijiet tagħhom.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħalma kkonfermat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha kif ukoll fil-kuntest tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet li sarulha matul is-seduta, din l-istituzzjoni, fil-premessi 262 u 263 tad-deċiżjoni kkontestata, sempliċement qieset li kien jeżisti vantaġġ għas-sempliċi fatt li l-Istat Federali Ġermaniż ħallas parzjalment l-ispiża tal-irtirar tal-ex uffiċjali, meta dan il-ħlas tal-ispejjeż ma kienx jeżisti preċedentement, fil-fehma tagħha. Madankollu, li kieku kellu jitqies li dan l-argument huwa minnu, liema fatt jista’ jiġi ddubitat, ġaladarba, għalkemm ma kienx hemm, fil-fatt, sussidji diretti tal-Istat Federali Ġermaniż, madankollu kienu jeżistu kumpensi indiretti, jiġifieri kumpensi min-naħa ta’ Postbank u ta’ Telekom li minnhom kienet tibbenefika Postdienst, predeċessur legali ta’ Deutsche Post, sabiex tillimita t-telf tagħha, liema fatt, ukoll, ġie stabbilit waqt is-seduta, l-imsemmi argument ma setax kien biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Deutsche Post kienet ivvantaġġjata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

143    Fil-fatt, huwa perfettament possibbli li minn dan l-iżvilupp jiġi dedott li, wara l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, Deutsche Post hija inqas żvantaġġjata milli kienet qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżura iżda li hija tkompli tkun żvantaġġjata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, jew inkella li hija tinsab fl-istess pożizzjoni tagħhom, mingħajr ma, konsegwentement, ibbenefikat minn vantaġġ. Fil-fatt, hekk kif tesponi l-Kummissjoni fil-premessi 294 u 297 tad-deċiżjoni kkontestata, il-piż ikkawżat min-nefqa sħiħa tal-iskemi ta’ rtirar imposta fuq Deutsche Post qabel l-1995, f’dan il-każ f’ambjent monopolistiku, huwa tali li l-impriża inkwistjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tikkompeti mal-kompetituri tagħha u għaldaqstant kien ikollha tħalli s-suq fl-assenza ta’ miżuri li jeħilsuha parzjalment minnu.

144    F’dan il-kuntest, minn dak li ġie espost fil-punti 108, 109 u 132 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ “imposti li normalment jiġu inklużi fil-baġit ta’ impriża” ma jinkludix il-piżijiet imposti fuq impriża waħda biss skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jidderogaw mir-regoli ġeneralment applikabbli għal-impriżi kompetituri u li għandhom bħala effett li jimponu fuqu obbligi li ma jkunux ta’ piż fuq dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-“ imposti li normalment jiġu inklużi fil-baġit ta’ impriża” huma dawk li jirriżultaw mis-sistema ġenerali.

145    Il-pożizzjoni esposta fil-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-uniku element determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ huwa li “b’mod jew ieħor, l-impriżi jġarrbu l-ispejjeż kollha tal-pensjonijiet” u li, f’dan ir-rigward, il-piż li għandha Deutsche Post kien moderat, hija għaldaqstant ivvizzjata bi żball ta’ liġi. Barra minn hekk, jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “imposti li normalment jiġu inklużi fil-baġit ta’ impriża” kellu jiġi ddefinit b’riferiment għar-regoli partikolari li jirrigwardaw l-impriża allegatament benefiċjarja, xejn ma jipprekludi li jitqies li l-miżura inkwistjoni li timmodera l-piżijiet fuq Deutsche Post tagħmel parti minn dawn ir-regoli, liema fatt jeskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ.

146    L-istess jgħodd, konsegwentement, għall-pożizzjoni esposta fil-premessi 267 u 268 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li Deutsche Post kienet suġġetta għal obbligi legali fil-qasam tal-finanzjament tal-irtirar tal-persunal tagħha iktar importanti minn dak fuq il-kompetituri tagħha huwa ineffettiv fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, iżda huwa rilevanti biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern.

147    Għaldaqstant il-Kummissjoni missha, sa mill-evalwazzjoni tan-notifika ta’ vantaġġ, ivverifikat jekk, billi ħallset id-differenza bejn, minn naħa, is-somma fissa bejn l-1995 u l-1999 u l-ammont totali tal-ispiża tal-irtirar tal-ex uffiċjali ta’ Deutsche Post u, min-naħa l-oħra, is-somma li tirrappreżenta 33 % tas-salarju gross ta-uffiċjali li għadhom qed jaħdmu ta’ Deutsche Post u dan l-istess ammont totali, l-Istat Federali kienx ta lil din tal-aħħar vantaġġ ekonomiku fil-konfront tal-kompetituri tagħha.

148    Fil-fatt mill-ġurisprudenza, b’konformità ma dak li huwa espost fil-punti 108, 109 u 132 iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa effettivament f’dan l-istadju tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri dak tal-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, li l-Kummissjoni għandha turi, pereżempju, li eżenzjoni parzjali mill-obbligu li ssir kontribuzzjoni fil-fond ta’ protezzjoni ta’ rtirar jikkostitwixxi, għal ex operatur storiku, vantaġġ ekonomiku selettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑Kummissjoni, T‑226/09 u T‑230/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:466, punt 46).

149    Fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw il-piżijiet imposti fuq impriża waħda skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jidderogaw mir-regoli ġeneralment applikabbli għall-impriżi kompetituri u li għandhom bħala effett li jimponulha obbligi li ma jkunux onerużi fuq dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha, evidentement, waqt l-eżami ta’ waħda minn dawn il-miżuri mill-perspettiva tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti prodotti mill-miżuri preċedenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aħħar miżura mressqa quddiemha, fid-dawl tal-miżuri li hija diġà kienet analizzat, tikkostitwixxix kumpens żejjed jew le, liema fatt jippermetti, konsegwentement, li dan il-kumpens żejjed jitqies, jekk jiġi kkonstatat, li jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku, fejn għandu jitfakkar li l-Istat Membru dejjem jista’, fil-kuntest tal-eżami ta’ miżura ġdida, juri li dan tal-aħħar ma jwassalx sabiex jinqabeż il-limitu li minnu l-impriża li tibbenefika minnu hija vvantaġġjata meta mqabbla mal-impriżi kompetituri. Madankollu għandu jitfakkar li l-ipoteżi ta’ suċċessjoni ta’ dispożizzjonijiet, eżaminati mill-Kummissjoni progressivament għan-notifika tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat, ma jikkorrispondux għall-każ inkwistjoni, fejn, f’din il-kawża, din l-istituzzjoni wettqet l-analiżi tal-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet biss wara l-ilmenti ta’ impriżi kompetituri.

150    F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni pprovat tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv, u mhux li tikkonstatah permezz ta’ sempliċi evalwazzjoni, kif tirrikonoxxi hija nnifisha fir-risposta tagħha u hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta, hija tagħmel dan biss fl-istadju tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, fil-premessi 288 sa 410 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, mill-argumenti preċedenti jirriżulta li huma biss l-ammonti eventwali li jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex tiġi llivellata l-ispiża tal-irtirar imposta fuq Deutsche Post qabel l-1995 ma’ dik sostnuta mill-kompetituri tagħha li kieku din kienet ta’ natura li tagħti tali vantaġġ lil din tal-aħħar u, għalhekk, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

151    Kif tfakkar fil-punt 133 iktar ’il fuq, billi enfasizzat li l-Kummissjoni wettqet “bidu ta’ paragun mal-piżijiet li impriża għandha ‘normalment’ tħallas fir-rigward tal-impjegati privati konformement mad-dritt soċjali Ġermaniż biss fil-kuntest tal-eżami dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaldaqstant uriet suffiċjentement skont kif meħtieġ mil-liġi li l-Kummissjoni kienet marret kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq. Jeħtieġ li jiġi osservat li filwaqt li l-imsemmija ġurisprudenza ma tiħux il-ħsieb li tfakkar rekwiżit ta’ natura formali, hija tenfasizza ż-żewġ partijiet li għandha tikkomporta l-analiżi ta’ miżura fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, li miegħu huma marbuta konsegwenzi ta’ importanza kbira.

152    Inizjalment, fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 104 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni għandha kontroll sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111, u tas‑16 ta’ Settembru 2013, , British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑Kummissjoni, T‑226/09 u T‑230/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:466, punt 39). Minn dan jirriżulta li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk il-fatti invokati mill-Kummissjoni humiex sostantivament eżatti u jekk humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu l-kwalifika bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE humiex issodisfatti (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 142). Barra minn hekk ġie deċiż numru ta’ drabi li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:293, punt 138, u tas‑27 ta’ Settembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑257/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:504, punt 133), li minnha jirriżulta li l-kontroll li hija teżerċita fuq tali evalwazzjonijiet tirrigwarda l-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti u tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il‑Kummissjoni, T‑244/93 u T‑486/93, EU:T:1995:160, punt 82).

153    Sussegwentement, l-għoti ta’ għajnuna illegali jista’ jagħti lok, minbarra għall-obbligu għall-benefiċjarju tagħha li jħallas lura l-imsemmija għajnuna, dak li jħallas l-interessi għall-perijodu tal-illegalità jew li jikkumpensa lill-kompetituri tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 55).

154    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha raġun issostni li s-sempliċi affermazzjoni li l-ispejjeż ta’ rtirar jagħmlu parti mill-infiq li normalment ikun ta’ piż fuq il-baġit ta’ impriża ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali favur Deutsche Post. Il-Kummissjoni, li kellha l-obbligu li tipprova l-imsemmi vantaġġ, ma għamlitx dan u għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi.

155    Konsegwentement, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv, b’eċċezzjoni tal-argumenti magħmula fih relatati mal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara l-punt 66 iktar ’il fuq).

156    Din is-sempliċi konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġu annullati l-Artikolu 1 u l-Artikoli 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex jintlaqa’ r-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-tmien sal-għaxar motivi u lanqas fuq il-kumplament tat-tielet, is-sitt u s-seba’ motivi.

 Fuq l-ispejjeż

157    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet f’dan is-sens mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 1 u 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/636/UE, tal‑25 ta’ Jannar 2012, dwar il-miżura C 36/07 (ex NN 25/07) implimentata mill-Ġermanja għal Deutsche Post AG huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.