Language of document : ECLI:EU:T:2016:406

Kawża T‑143/12

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Qasam postali – Finanzjament tal-ispiża addizzjonali ta’ salarji u tal-ispiża ta’ natura soċjali li tirrigwarda parti mill-persunal ta’ Deutsche Post permezz ta’ sussidji u tal-allokazzjoni ta’ dħul mir-remunerazzjoni tas-servizzi b’tariffi rregolati – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ vantaġġ – Sentenza ‘Combus’ – Turija tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku u selettiv – Assenza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikolu 107(1) TFUE u 296 TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Intervent li għandu bħala effett li jnaqqas il-piż tal-ispejjeż ta’ impriża – Dħul li jirriżulta minn attività ta’ impriża legalment issussidjata – Sussidju trażversali favur attivitajiet kompetittivi tal-istess impriża – Inklużjoni

(Artikolu 107 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett – Deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq intern

(Artikolu 107 TFUE)

4.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta' obbligu – Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni – Eżerċizzju diskrezzjonali – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 258 TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw il-piżijiet imposti fuq impriża skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jidderogaw mir-regoli ġeneralment applikabbli għall-impriżi kompetituri – Esklużjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 107(1) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi preċedenti – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Klassifikazzjoni bħala miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura mas-suq intern – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Artikolu 107 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 59-66)

2.      L-Artikolu 107 TFUE għandu bħala għan li jipprevjeni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġu affettwati minn vantaġġi permessi mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom differenti, joħolqu distorsjoni, jew jheddu li joħolqu distorsjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom diversi, itaffu l-piżijiet li normalment jinsabu fil-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi.

Iktar preċiżament, l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi li jiġi vverifikat jekk id-dħul li jirriżulta minn attività legalment issussidjata sservix sabiex tiffinanzja attivitajiet oħra tal-istess impriża, fejn il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-iktar metodu xieraq sabiex tiġi żgurata l-assenza ta’ sussidju trażversali favur attivitajiet kompetittivi.

B’hekk, mhux biss l-Artikolu 107(1) TFUE ma jipprekludix il-verifika tal-eżistenza ta’ sussidji trażversali eventwali, iżda, bil-kontra, din id-dispożizzjoni timplika li għandha ssir verifika ta’ dan it-tip.

(ara l-punti 73-75)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 78-85)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 79)

5.      Il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippresupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kriterji, jiġifieri li għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent għandu jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li għandu joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fir-rigward tat-tielet kriterju, il-Kummissjoni għandha l-oneru li turi, sa mill-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ vantaġġ, li l-miżura eżaminata tikkostitwixxi vantaġġ ta’ natura ekonomika u selettiva.

Fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala elementi tal-kuntest rilevanti, l-aspetti speċifiċi tas-sistema ġuridika li minnha tagħmel parti l-miżura nazzjonali eżaminata. F’dan ir-rigward, intervent li ma għandux bħala effett li jqiegħed lill-impriżi li fir-rigward tagħhom għandu japplika f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu magħhom ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, li ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istati, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom.

Peress li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu bħala sempliċi għan li jipprojbixxi vantaġġi li jiffavorixxu ċerti impriżi, il-kunċett ta’ għajnuna jkopri biss interventi li jħaffu l-piżijiet li normalment ikun hemm fuq il-baġit ta’ impriża u li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb fiċ-ċirkustanzi normali tas-suq.

Dan il-kunċett ta’ “imposti li normalment jiġu inklużi fil-baġit ta’ impriża” ma jinkludix il-piżijiet imposti fuq impriża waħda biss skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jidderogaw mir-regoli ġeneralment applikabbli għall-impriżi kompetituri u li għandhom bħala effett li jimponu fuqu obbligi li ma jkunux ta’ piż fuq dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut li tagħmel parti mill-piżijiet normali ta’ impriża n-nefqa ta’ skema ta’ rtirar eżorbitanti tad-dritt komuni imposta mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.

B’hekk, l-impożizzjoni fuq impriża, l-impożizzjoni, bis-saħħa ta’ att ta’ awtorità pubblika, ta’ obbligu li tiġi sostnuta n-nefqa integrali tal-iskemi ta’ rtirar tal-persunal li għandu l-istatus ta’ uffiċjal minflok ma ssir kontribuzzjoni għall-assigurazzjoni tal-irtirar teskludi li l-finanzjament ta’ din in-nefqa mill-Istat Membru jiġi kkwalifikat bħala vantaġġ, bil-kundizzjoni li dan il-finanzjament ma jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex l-obbligi tal-imsemmija impriża jitqiegħdu fuq livell ugwali mal-obbligi tal-impriżi li jikkompetu magħha. L-eżistenza ta’ vantaġġ tista’ għalhekk tiġi aċċettata biss jekk il-finanzjament inkwistjoni jeċċedi dan il-limitu. Fil-fatt, huwa perfettament possibbli li, wara l-imsemmi finanzjament, l-impriża hija inqas żvantaġġjata milli kienet qabel, iżda li hija tkompli tkun żvantaġġjata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, jew inkella li hija tinsab fl-istess pożizzjoni tagħhom, mingħajr ma, konsegwentement, ibbenefikat minn vantaġġ.

(ara l-punti 88, 106, 108, 110, 130, 132, 143, 144, 147)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 126)

7.      Fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni għandha kontroll sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Minn dan jirriżulta li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk il-fatti invokati mill-Kummissjoni humiex sostantivament eżatti u jekk humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu l-kwalifika bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE humiex issodisfatti.

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali, il-kontroll li l-qorti tal-Unjoni teżerċita fuq tali evalwazzjonijiet tirrigwarda l-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti u tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punt 152)