Language of document : ECLI:EU:T:2022:603

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Ottubru 2022 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Leave tal-mard – Assenzi mhux iġġustifikati – Xoljiment tal-kuntratt mingħajr preavviż – Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑618/21,

WV, irrappreżentat minn L. Levi u A. Champetier, avukati,

rikorrenti

vs

Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT), irrappreżentat minn M. Garnier, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, avocat,

konvenut

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, WV, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) tas‑26 ta’ Novembru 2020 li xxolji mingħajr preavviż l-impjieg tiegħu għal żmien indeterminat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” Anness A.10), kif ukoll, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2021 li tiċħad l-ilment tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment” Anness A.12) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent ġie rreklutat miċ-CdT fl‑1 ta’ Novembru 1997. Fis‑16 ta’ Diċembru 2004, huwa ffirma kuntratt għal żmien indeterminat. Mit‑23 ta’ Lulju 2019 sal‑15 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent tqiegħed fuq leave tal-mard imħallas. L-assenza tiegħu mit‑18 ta’ Novembru 2019 sas‑7 ta’ Frar 2020 tqieset miċ-CdT bħala mhux iġġustifikata. Min-naħa tagħhom, l-assenzi tiegħu mit‑8 ta’ Frar sal‑10 ta’ April 2020 u mid‑29 ta’ April sal‑4 ta’ Mejju 2020 ġew aċċettati miċ-CdT bħala ġġustifikati. Mill‑5 ta’ Mejju 2020, l-assenzi tar-rikorrent tqiesu li ma kinux iġġustifikati.

3        Wara telekonsultazzjoni li saret, fl‑4 ta’ Mejju 2020, bejn ir-rikorrent u s-servizz mediku tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi f’isem iċ-CdT, dan is-servizz mediku kkonkluda li r-rikorrent kien kapaċi jerġa’ jibda jaħdem part-time għal xahar mill‑5 ta’ Mejju 2020. L-imsemmi servizz mediku informa lir-rikorrent li seta’ jressaq talba għal arbitraġġ. L-għada, dan tal-aħħar ippreżenta l-imsemmija talba, skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

4        Filwaqt li kkonstata li r-rikorrent ma kienx preżenti għad-diversi intervisti organizzati għall-finijiet tal-proċedura ta’ arbitraġġ, it-tabib indipendenti kkonferma d-deċiżjoni tas-servizz mediku tal-Kummissjoni. Iċ-CdT qies, konsegwentement, li l-assenza tar-rikorrent matul il-perijodu li beda fil‑5 ta’ Mejju 2020 ma kinitx iġġustifikata. Ir-rikorrent ġie informat b’dan permezz ta’ ittra tad-Direttur taċ-CdT tal‑31 ta’ Lulju 2020.

5        Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Awwissu 2020, l-avukata tar-rikorrent talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu. Hija indikat li, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrent, ma kienx previst ritorn lejn sitwazzjoni normali fil-futur qarib.

6        Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Settembru 2020, id-direttur taċ-CdT ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrent. Ir-rikorrent ġie wkoll informat li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza mhux iġġustifikata tiegħu mill‑5 ta’ Mejju 2020, tad-dikjarazzjoni tiegħu li tipprovdi li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ risposta għat-tliet ittri taċ-CdT mibgħuta bejn is‑7 ta’ Mejju u s‑7 ta’ Awwissu 2020, u tal-interess tas-servizz, iċ-CdT kellu l-intenzjoni li japplika l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) għall-finijiet tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu. Iċ-CdT talbu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

7        Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2020, l-avukata tar-rikorrent, filwaqt li rreferiet għall-ittra tal‑14 ta’ Settembru 2020 tad-Direttur taċ-CdT, ikkomunikat liċ-CdT l-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

8        Fis‑26 ta’ Novembru 2020, ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, id-deċiżjoni kkontestata, li ttemm l-impjieg tar-rikorrent mingħajr preavviż mill‑31 ta’ Diċembru 2020.

9        Fis‑26 ta’ Frar 2021, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

10      Fis‑17 ta’ Ġunju 2021, id-direttur taċ-CdT ċaħad l-ilment.

 Talbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tikkundanna liċ-CdT għall-kumpens għad-dannu materjali mġarrab u għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab;

–        tikkundanna liċ-CdT għall-ispejjeż.

12      Iċ-CdT jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fiddritt

13      Ir-rikorrent ippreżenta talbiet għal annullament u talbiet għad-danni.

 Fuq ittalba għal annullament

14      Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

15      Preliminarjament, fir-rigward tat-talba tar-rikorrent sabiex tiġi annullata, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontrih ikun sar l-ilment meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma biss id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-impjieg tar-rikorrent ġie tterminat mingħajr preavviż, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifika fir-rigward tagħhom minkejja li, fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni titqies li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-bażi legali żbaljata tad-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tal-impjieg kontenzjuż, it-tieni wieħed, fuq in-nuqqas ta’ riferiment, miċ-CdT, lill-Kumitat tal-Invalidità, tat-terminazzjoni, minnu, tal-impjieg kontenzjuż mingħajr ma ntiżnu l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha mal-interess tar-rikorrent, kif ukoll kontradizzjoni tal-motivi u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ.

18      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistax ikun il-bażi tad-deċiżjoni tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu sa fejn, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ma kienx jinsab fuq leave tal-mard imħallas, iżda, skont iċ-CdT, f’sitwazzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata, b’tali mod li, fid-data tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu, huwa ma kienx jinsab fi tmiem il-leave tal-mard imħallas previst fl-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li għalih jirreferi l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

19      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, fid-data tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu, ir-rikorrent kien fuq leave tal-mard imħallas fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan it-test u mill-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma kinux issodisfatti. Fil-fatt, peress li r-rikorrent ħadem għal 22 sena fi ħdan iċ-CdT, it-tul tal-leave tal-mard imħallas tiegħu kellu jikkorrispondi għat-tul tas-servizz tiegħu mingħajr ma jkun jista’ jiġi tterminat l-impjieg tiegħu, skont l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

20      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iżid li, jekk iċ-CdT xtaq jissanzjonah, huwa kellu jiftaħ proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu minflok ma japplika l-Artikolu 16 u l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

21      Iċ-CdT ifakkar li huwa qies li l-assenza tar-rikorrent ma kinitx iġġustifikata mill‑5 ta’ Mejju 2020 u li r-rikorrent sostna b’mod kontinwu li l-istat ta’ saħħa tiegħu ma kienx jippermettilu li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

22      Skont iċ-CdT, ir-rikorrent kien għamel użu mid-drittijiet tiegħu ta’ leave tal-mard minħabba l-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalih jirreferi l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huma biss il-perijodi ta’ assenza ġġustifikata li jistgħu jagħtu dritt għal dan il-leave. B’hekk, ir-rikorrent sab ruħu fi tmiem it-terminu stabbilit għal-leave tal-mard imħallas.

23      Fil-fatt, minkejja t-termini tat-tmiem tad-dritt għal-leave tal-mard previsti fl-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rikorrent eżawrixxa, bl-aġir tiegħu stess, id-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, peress li huwa ma kienx għadu jinsab f’sitwazzjoni ta’ assenza ġġustifikata. Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jippretendi li t-tmiem tad-dritt tiegħu kellu jseħħ fi tmiem il-perijodu ta’ 22 sena ekwivalenti għat-tul tas-servizz tiegħu, minkejja li l-assenza tiegħu ma kinitx għadha tagħti dritt għal leave tal-mard.

24      Iċ-CdT isostni wkoll li, sa fejn ir-rikorrent kien fit-tmiem ta’ leave tal-mard imħallas, li jirrifletti kundizzjoni tat-tmiem tad-dritt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma setgħetx tiġi eskluża minħabba l-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent ma kienx jibbenefika minn tali leave. Barra minn hekk, il-perijodu twil li għadda bejn il-bidu tal-assenza mhux iġġustifikata tar-rikorrent sal‑5 ta’ Mejju 2020 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa ġġustifikat mill-istadji differenti tal-proċedura ta’ arbitraġġ u mir-rieda taċ-CdT li jagħti iktar żmien lir-rikorrent sabiex ikun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

25      Fl-aħħar nett, iċ-CdT jenfasizza li, skont id-dmir ta’ premura, huwa ripetutament informa lir-rikorrent bir-rieda tal-amministrazzjoni li timplimenta miżuri kompatibbli kemm mal-benesseri tiegħu kif ukoll mal-interess tas-servizz. Madankollu, it-tentattivi taċ-CdT baqgħu mingħajr risposta min-naħa tar-rikorrent, li b’hekk ma kkonformax ruħu mad-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni fir-rigward taċ-CdT.

26      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi ddeterminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, iċ-CdT setax jibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sabiex itemm l-impjieg tar-rikorrent.

27      Skont l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg: “[i]mpieg, kemm jekk għal perjodu stabbilit jew indefinit, jista’ jitwaqqaf mill-istituzzjoni mingħajr notifika: jekk il-ħaddiem mhux kapaċi jerġa’ jibda jaqdi d-dmirijiet tiegħu fit-tmiem ta’ perjodu ta’ leave mħallsin ta’ mard ipprovduti fl-Artikolu 16. [tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg]”.

28      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprovdi li “[i]l-leave imħallas tal-mard previst fl-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal m’għandux, madankollu, jaqbeż tliet xhur jew it-tul ta’ żmien maħdum mill-membru tal-persunal temporanju, fejn dan tal-aħħar ikun itwal [; dan i]l-leave m’għandux jestendi lil hinn mit-terminu tal-kuntratt tiegħu.”

29      B’hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 u mill-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-impjieg kuntrattwali ta’ membru tal-persunal jista’ jiġi tterminat meta jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal-leave tal-mard imħallas u l-impossibbiltà għall-membru tal-persunal li jkompli bil-funzjonijiet tiegħu fi tmiem l-imsemmi terminu (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2019, TO vs AEE, T‑462/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:397, punt 56).

30      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal-leave tal-mard imħallas, għandu jitfakkar li l-leave tal-mard imħallas imsemmi fl-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li fi tmiemu għandha tiġi evalwata l-possibbiltà għall-membru tal-persunal li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, li fl-assenza tagħha l-impjieg jista’ jiġi xolt mingħajr preavviż, huwa dak previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

31      Mill-qari flimkien tal-Artikolu 48(b) u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-impjieg ta’ membru tal-persunal jista’ jiġi tterminat mingħajr preavviż wara l-leave tal-mard imħallas tiegħu fil-każ fejn dan il-leave jeċċedi jew perijodu ta’ tliet xhur jew it-tul ta’ żmien maħdum mill-membru tal-persunal ikkonċernat meta dan ikun itwal.

32      Għaldaqstant, sabiex itemm l-impjieg tar-rikorrent abbażi tal-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, iċ-CdT kellu jivverifika li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta.

33      Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, iċ-CdT, wara li rrileva li r-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu wara l-leave tal-mard imħallas tiegħu, ikkonstata li r-rikorrent kien eżawrixxa d-drittijiet tiegħu għal leave tal-mard imħallas li jirriżulta mill-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, minħabba l-fatt li huma biss il-perijodi ta’ assenza ġġustifikata li jistgħu jagħtu dritt għal tali leave, kif jirriżulta mill-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalih jirreferi l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, peress li ma kienx għadu f’sitwazzjoni ta’ assenza ġġustifikata. Minn dan iċ-CdT iddeduċa li r-rikorrent kien, bl-aġir tiegħu, ikkawża “tmiem ta’ dritt a fortiori”. Huwa żied li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma setax jippretendi li t-tmiem tad-dritt kellu jseħħ fi tmiem il-perijodu ekwivalenti għat-tul tas-servizz tiegħu, jiġifieri perijodu ta’ 22 sena, minkejja li l-assenza tiegħu ma kinitx għadha tagħti dritt għal leave tal-mard.

34      Mid-deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet addizzjonali pprovduti fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, jirriżulta li ċ-CdT qies li n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-assenzi tar-rikorrent fil-mument li jiddeċiedi dwar it-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu kien jawtorizzah iwettaq din it-terminazzjoni minħabba li dawn l-assenzi mhux iġġustifikati, billi eżawrixxew id-drittijiet għal leave tal-mard imħallas tar-rikorrent, kienu kkawżaw it-tmiem ta’ dawn id-drittijiet. B’hekk jidher li ċ-CdT ikkunsidra li l-assenzi mhux iġġustifikati tar-rikorrent, billi temmew id-drittijiet tiegħu għal leave tal-mard imħallas kienu jeżentawh milli jivverifika jekk il-kundizzjoni dwar l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal-leave tal-mard imħallas mogħti lir-rikorrent kinitx issodisfatta.

35      Issa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, jirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jistabbilixxi din l-aħħar kundizzjoni, u għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minn dawn it-testi ma jipprevedi li deċiżjoni ta’ terminazzjoni mingħajr preavviż tista’ tiġi adottata mingħajr il-verifika minn qabel tal-iskadenza tat-terminu stabbilit għal-leave tal-mard imħallas mogħti lill-membru tal-persunal ikkonċernat skont il-modalitajiet stabbiliti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Barra minn hekk, ma jirriżulta minn ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, u lanqas mill-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi, b’mod partikolari, is-sistema legali applikabbli għal-leave tal-mard u għall-assenzi mhux iġġustifikati, li l-verifika tal-kundizzjoni dwar l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal-leave tal-mard imħallas previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tista’ tiġi ssostitwita, fil-każ ta’ assenza mhux iġġustifikata fid-data tat-terminazzjoni kontenzjuża kif ukoll qabel din id-data, bil-konstatazzjoni ta’ dawn l-assenzi. Minn dan jirriżulta li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-CdT applika kundizzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata li ma hijiex prevista fl-Artikolu 48(b) u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

36      Minn dan isegwi li ċ-CdT temm l-impjieg tar-rikorrent għal żmien indeterminat mingħajr ma vverifika li l-ewwel kundizzjoni stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet kienet issodisfatta.

37      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-impossibbiltà għall-membru tal-persunal li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu fi tmiem it-terminu stabbilit għal-leave tal-mard, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tal‑10 ta’ Awwissu 2020 tal-avukata tar-rikorrent, indirizzata liċ-ĊdT, tispeċifika li “it-tobba kkonsultati [mir-rikorrent] – kemm it-tabib personali tiegħu, kif ukoll il-psikjatra tiegħu – ma [kinux] jipprevedu ritorn għal sitwazzjoni normali fil-futur qrib”. Permezz tal-istess ittra, l-avukata tar-rikorrent talbet ukoll li dan tal-aħħar jiġi ddikjarat invalidu.

38      Għandu jingħad ukoll li, fl-ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2020 tal-avukata tar-rikorrent, indirizzata liċ-CdT, ġie indikat li t-tabib speċjalizzat ikkonsultat mir-rikorrent “ikkonferma wkoll permezz ta’ diversi ċertifikati li l-istat [tar-rikorrent] ma kienx jippermettilu li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu”.

39      Minn dawn l-ittri jirriżulta li r-rikorrent irrikonoxxa li kien impossibbli għalih li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, fatt li ċ-CdT ħa inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata billi rriproduċa l-kontenut tal-imsemmija ittri.

40      Madankollu, peress li d-data li fiha din l-impossibbiltà kellha tiġi kkonstatata kienet, skont l-Artikolu 48(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, wara t-terminu stabbilit għal-leave tal-mard imħallas, li ġie rrilevat preċedentement, fil-punt 36 iktar ’il fuq, li ma kienx ġie evalwat miċ-CdT, it-tieni kundizzjoni ma tistax titqies li hija ssodisfatta.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-CdT kiser l-Artikolu 48(b) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv.

 Fuq ittalbiet għaddanni

43      Ir-rikorrent jitlob kumpens, minn naħa, għad-dannu materjali u, min-naħa l-oħra, għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab.

44      Għandu jitfakkar li, fil-qasam tas-servizz pubbliku, l-Unjoni Ewropea hija obbligata tikkumpensa d-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet li kollha jridu jiġu ssodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li, meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-aġir illegali li biha hija kkritikata l-amministrazzjoni, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta hija taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà ikbar li hija manifestata mill-obbligu li tiġi kkumpensata l-ħsara kkawżata lill-persunal tagħha minn kwalunkwe illegalità mwettqa fil-kapaċità tagħha ta’ persuna li timpjega (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu, l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament ġarrab dannu reali u ċert. Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza u l-portata ta’ tali dannu (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni, huwa neċessarju li relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett tiġi stabbilita bejn l-illegalità mwettqa mill-istituzzjoni tal-Unjoni u d-dannu invokat. L-aġir ikkritikat għandu għalhekk ikun il-kawża determinanti tad-dannu allegat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrent insostenn tat-talbiet għad-danni tiegħu.

 Fuq iddannu materjali

49      Insostenn tat-talbiet għad-danni tiegħu, ir-rikorrent jitlob il-ħlas tar-remunerazzjoni tiegħu sa mid-dħul fis-seħħ tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu, fil‑31 ta’ Diċembru 2020, sad-data tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

50      Huwa jżid li huwa ma jitlobx li jerġa’ jibda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tiegħu, iżda jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ invalidità.

51      Iċ-CdT isostni, minn naħa, li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma humiex issodisfatti u, min-naħa l-oħra, li t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ invalidità twassal sabiex il-Qorti Ġenerali tintalab tagħti ordni, ħaġa li din tal-aħħar ma tistax tagħmel.

52      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, bit-terminazzjoni illegali tal-impjieg tar-rikorrent, iċ-CdT ikkawżax, għad-detriment tiegħu, lucrum cessans li jikkorrispondi għall-ammont tar-remunerazzjoni li huwa ġie mċaħħad minnu sa mill‑31 ta’ Diċembru 2020, data tad-dħul fis-seħħ tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, mill‑5 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrent kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata, fatt li ma huwiex ikkontestat minnu. Minn dik id-data, huwa għalhekk ma kienx jirċievi remunerazzjoni. Minn dan jirriżulta li r-realtà tad-dannu allegat mir-rikorrent ma ġietx stabbilita.

54      Konsegwentement, fid-dawl tal-assenza mhux iġġustifikata tiegħu li wasslitlu sabiex jitlef il-benefiċċju tar-remunerazzjoni tiegħu mill‑5 ta’ Mejju 2020, it-talba għal kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab mir-rikorrent mill‑31 ta’ Diċembru 2020, id-data li fiha daħlet fis-seħħ it-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu, għandha tiġi miċħuda.

55      Fir-rigward tat-talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ invalidità, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrent tammonta għal talba lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti ordni liċ-ĊdT. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2022, LU vs BEI, T‑536/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:40, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

 Fuq iddannu morali

57      Ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mit-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu permezz tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’ invalidità u li huwa jevalwa fis-somma ta’ EUR 15 000. Huwa jsostni li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-CdT, li kien jaf bl-istat ta’ saħħa tiegħu, aggrava l-istat depressiv tiegħu u l-ansjetà tiegħu.

58      Iċ-CdT jikkontesta dan l-argument.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li jista’ jikkawża dan l-att, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali li ma jistax jiġi kollu kemm hu kkumpensat b’dan l-annullament (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrent ma jurix li d-dannu morali allegat ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li minnha oriġina. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-dannu morali kkawżat mid-deċiżjoni kkontestata huwa kkumpensat b’mod adegwat permezz tal-annullament tagħha.

61      Għaldaqstant, it-talbiet għad-danni relatati mad-dannu morali invokat għandhom jiġu miċħuda mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata r-rabta kawżali bejn l-illegalità u l-imsemmi dannu.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

63      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

64      Peress li ċ-CdT tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tas26 ta’ Novembru 2020, li permezz tagħha d-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) ittermina l-impjieg ta’ WV bħala membru tal-persunal temporanju, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Iċ-CdT huwa kkundannat għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Truchot

Sampol Pucurull

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ottubru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.