Language of document : ECLI:EU:C:2014:217

Kawża C‑559/12 P

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna fil-forma ta’ garanzija impliċita illimitata favur La Poste li tirriżulta mill-istatus tagħha ta’ entità pubblika — Eżistenza tal-garanzija — Preżenza ta’ riżorsi tal-Istat — Vantaġġ — Oneru u livell tal-prova”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ April 2014

1.        Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Formulazzjoni mhux ekwivoka tat-talbiet tar-rikorrent

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2.        Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv li jirriżulta b’mod koerenti u li jinftiehem mill-kliem tar-rikors — Assenza ta’ motiv ġdid — Effetti ta’ klassifikazzjoni żbaljata ta’ motiv ġdid

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Eżami diliġenti u imparzjali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli — Portata tal-obbligu

(Artikolu 108(2) TFUE)

4.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern — Oneru tal-prova — Użu mill-Kummissjoni ta’ sensiela ta’ indizji serji, preċiżi u konkordanti sabiex tivverifika riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ spejjeż imposti fuq il-baġit tal-Istat — Ammissibbiltà

(Artikolu 107(1) TFUE)

5.        Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

6.        Appell — Aggravji — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

7.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji — Garanzija tal-Istat favur impriża li ma ġietx suġġetta għall-proċeduri normali ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ — Prova tal-eżistenza ta’ din il-garanzija permezz ta’ preżunzjoni ta’ titjib tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ din l-impriża

(Artikolu 107(1) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 155/02, punti 1.2, 2.1 u 2.2)

8.        Appell — Aggravji — Motivazzjoni kontradittorja — Motiv li ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata fil-preżenza ta’ dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 38, 39)

2.        Argument li l-elementi essenzjali tiegħu kif ukoll is-sunt tiegħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mill-kliem stess tar-rikors promotur ma jikkostitwixxix motiv ġdid invokat fl-Istadju tar-replika, anki jekk ir-rikors promotur ma jinkludix motiv formali f’dan ir-rigward.

Madankollu, il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ motiv ġdid ma tistax twassal għall-annullament ta’ sentenza ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ipproċediet bi stħarriġ sħiħ u komplet tal-fondatezza tal-argument li joħroġ mir-rikors promotur.

(ara l-punti 40, 45, 46)

3.        Skont il-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli biex tagħmel dan.

(ara l-punt 63)

4.        Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat — li ma tirriżulta b’mod espress mill-ebda test leġiżlattiv jew kuntrattwali — favur stabbiliment pubbliku u biex b’hekk tistabbilixxi li l-kundizzjoni dwar il-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat ġiet issodisfatta, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-metodu ta’ sensiela ta’ indizji serji, preċiżi u konkordanti, sabiex tivverifika jekk hemmx, fid-dritt nazzjonali, obbligu għall-Istat li jimpenja r-riżorsi tiegħu sabiex ikopri t-telf ta’ tali stabbiliment li jkun sejjer ħażin u għalhekk, riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ spejjeż imposti fuq il-baġit tal-Istat.

(ara l-punti 64, 65)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 78-80)

6.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 85, 86)

7.        Hemm preżunzjoni sempliċi li tipprovdi li l-għoti ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur impriża li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri normali ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ iwassal għal titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma imposti fuq il-baġit tagħha. Konsegwentement, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, sabiex jiġi pprovat vantaġġ mogħti permezz ta’ tali garanzija lill-impriża benefiċjarja, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza stess ta’ din il-garanzija, mingħajr ma jkollha bżonn turi l-effetti reali prodotti minnha mill-mument tal-għoti tagħha.

(ara l-punti 98, 99)

8.        Ladarba l-Qorti Ġenerali tikkonkludi korrettament li l-Kummissjoni osservat, fi proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, l-oneru u l-livell tal-prova imposti fuqha sabiex tistabbilixxi jekk garanzija impliċita u illimitata tal-Istat tikkostitwixxix vantaġġ, il-fatt li l-Qorti Ġenerali tkun adottat, barra minn hekk, motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti ma jistax jinvalida s-sentenza appellata.

(ara l-punti 103, 104)