Language of document : ECLI:EU:C:2014:2072

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2014 (1)

Kawża C‑212/13

František Ryneš

vs

Úřad pro ochranu osobních údajů

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka)]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Derogi — Artikolu 3(2) — Kunċett ta’ ‘eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklużivament personali jew domestiċi’ — Reġistrazzjoni, minn kamera ta’ sorveljanza, tad-daħla tad-dar tal-persuna li tuża s-sistema ta’ reġistrazzjoni, taż-żona pubblika kif ukoll l-aċċess ta’ dar viċin tagħha”





I –    Introduzzjoni

1.        Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2), tirregola dan il-qasam b’mod estensiv. Madankollu, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tagħha, l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali “minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika” (3).

2.        Il-Nejvyšší správní soud (Qorti amministrattiva suprema, ir‑Repubblika Ċeka) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni fil-kuntest ta’ kawża bejn František Ryneš u Úřad pro ochranu osobních údajů (Uffiċċju għall-protezzjoni tad-data personali, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkonstata li F. Ryneš kien ikkommetta diversi ksur fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali billi nstalla taħt il-bordura tad-dar tiegħu kamera ta’ sorveljanza li tiffilmja mhux biss id-dar tiegħu, iżda wkoll it-triq pubblika u d-dar li tinsab faċċata tiegħu.

3.        Jekk minix sejjer żball, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha kawża fejn hija kellha tikkonstata li r-rekwiżiti tal-applikazzjoni tat‑tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 huma ssodisfatti, għalkemm l-applikabbiltà tiegħu ġiet invokata b’mod partikolari fil‑kawża Lindqvist (4). Fid-dawl tal-approċċ meħud fil-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenzi reċenti Digital Rights Ireland u Seitlinger et (5) kif ukoll Google Spain u Google (6), li jinvokaw id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali, f’dawn il-konklużjonijiet ser nipproponi li jiġi ritenut li l-imsemmija eċċezzjoni ma tkoprix sitwazzjonijiet bħal dawk previsti fil-kawża prinċipali u li, għalhekk, id-Direttiva 95/46 hija applikabbli.

4.        Għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet imwettqa minn F. Ryneš “għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal‑proprjetarji tad-dar” taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46 ma taffettwax f’termini assoluti l-possibbiltà li ssir tali sorveljanza. Din il-kawża għandha biss l-għan li tippreċiża liema huwa l-kuntest legali applikabbli f’dan ir-rigward.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

6.        L-Artikolu 8(1) tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”. Il-paragrafi (2) u (3) tiegħu jippreċiżaw dan li ġej:

“2. [Id-data personali] għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

3. L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.” (7)

7.        Il-premessi 12 u 16 tad-Direttiva 95/46 jistipulaw:

“12.      [...] m’għandux ikun magħdud l-ipproċessar ta’ data magħmul minn persuna naturali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklussivament personali jew domestiċi, bħal ma hija korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi;

16.      [...] l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali, bħal ma jiġri f’każi ta’ sorveljanza bil-video, ma jaqgħax taħt din id-Direttiva jekk isir għal għanijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sigurtà nazzjonali jew meta jsiru attivitajiet ta’ l-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali jew attivitajiet oħra li ma jaqgħux taħt il-liġi tal-Komunità.”

8.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Skop [kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal‑Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà tal-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku tal-Istat meta l-operazzjoni tal-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà tal-Istat) u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

B –    Il-leġiżlazzjoni Ċeka

9.        L-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 101/2000 Sb., dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-emendi ta’ ċerti liġijiet (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 101/2000”) jipprovdi:

“Din il-liġi ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali minn persuna fiżika għal użu purament personali.”

10.      Skont l-Artikolu 5(2)(e) tal-imsemmija liġi, bħala prinċipju, l‑ipproċessar ta’ data personali ma huwiex possibbli ħlief bil-kunsens tal-persuna kkonċernata. Fin-nuqqas ta’ tali kunsens l-imsemmi pproċessar jista’ jseħħ jekk ikun neċessarju għall-protezzjoni tad‑drittijiet u tal-interessi protetti mil-liġi tal-kontrollur, tad-destinatarju jew ta’ persuna oħra kkonċernata. Dan l-ipproċessar ma għandux madankollu jikser id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal‑privatezza u tal-ħajja familjari tagħha.

11.      L-Artikolu 44(2) ta’ din il-liġi jirregola r-responsabbiltà tal‑kontrollur tad-data personali, li jikkommetti ksur meta jipproċessa data personali mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, meta ma jipprovdix lill-persuna kkonċernata l-informazzjoni rilevanti u meta ma jissodisfax l-obbligu ta’ notifika lill-awtorità kompetenti.

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Matul il-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Ottubru 2007 u l-11 ta’ April 2008, F. Ryneš uża kamera installata taħt il-bordura tal-bejt tad-dar tiegħu. Din kienet installata, mingħajr possibbiltà li ddur, u kienet tirreġistra d‑daħla tad-dar tiegħu, it-triq pubblika u d-daħla tad-dar tal-faċċata. Is‑sistema kienet tippermetti biss reġistrazzjoni vidjo, li kien jinżamm f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwu, jiġifieri f’hard disk. Meta tintlaħaq il-kapaċità massima tagħha, ir-reġistrazzjoni eżistenti kienet titħassar permezz ta’ reġistrazzjoni ġdida. L-apparat ta’ reġistrazzjoni ma kienx jinkludi screen, b’tali mod li ma tistax tara l-immaġni live. F. Ryneš biss kellu aċċess dirett għas-sistema u għad-data rreġistrata.

13.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-unika raġuni tal-użu ta’ din il‑kamera minn F. Ryneš kienet sabiex jipproteġi l-beni, is-saħħa u l‑ħajja tiegħu u tal-familja tiegħu. Fil-fatt, kemm huwa stess kif ukoll il‑familja tiegħu kienet is-suġġett ta’ attakki matul diversi snin minn naħa ta’ persuna mhux magħrufa li ma setgħetx tinqabad. Barra minn hekk, it‑twieqi tad-dar tal-konjuġi tiegħu tkissru diversi drabi bejn l-2005 u l‑2007.

14.      Matul il-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Ottubru 2007, tieqa tad-dar ta’ F. Ryneš tkissret b’tir ta’ projettili permezz ta’ żbandola. Grazzi għas‑sistema ta’ sorveljanza bil-video inkwistjoni, żewġ persuni suspetti setgħu jiġu identifikati. Ir-reġistrazzjonijiet intbagħtu lill-pulizija u, sussegwentement, kienu invokati bħala mezz ta’ prova fil-kuntest tal‑proċedura kriminali.

15.      Wieħed mis-suspettati talab il-verifika tas-sistema ta’ sorveljanza ta’ F. Ryneš u permezz ta’ deċiżjoni, tal-4 ta’ Awwissu 2008, l-Uffiċċju kkonstata li F. Ryneš kien ikkommetta ksur fir-rigward tal-Liġi Nru 101/2000 minħabba l-fatt li:

–        bħala kontrollur, ġabar permezz ta’ sistema ta’ kamera, data personali mingħajr il-kunsens tal-persuni mexjin fit-triq jew deħlin fid-dar li tinsab in-naħa l-oħra tat-triq,

–        il-persuni kkonċernati ma kinux infurmati bl-ipproċessar ta’ din id-data personali, bl-iskop u l-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar, tal‑persuna li wettqet l-ipproċessar u bil-mod li bih jopera l‑imsemmi pproċessar, u lanqas bil-persuni li seta’ jkollhom aċċess għad-data inkwistjoni,

–        bħala kontrollur, F. Ryneš ma kienx issodisfa r-rekwiżit ta’ notifika tal-ipproċessar inkwistjoni lill-Uffiċċju.

16.      Adita b’rikors ippreżentat minn F. Ryneš kontra din id‑deċiżjoni, il-Městský soud ta’ Praga ċaħditu permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ April 2012. F. Ryneš ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2013, il-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-użu ta’ sistema ta’ kameras installata fuq dar privata għall‑protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar jista’ jaqa taħt l-ipproċessar ta’ data personali ‘minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’ fis-sens tal‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 [...], anki jekk tali sistema tissorvelja wkoll żona pubblika?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn F. Ryneš, mill-Uffiċċju, mill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, ta’ Spanja, tal-Italja, tal-Awstrija, tal-Polonja, tal-Portugall u tar-Renju Unit, u kif ukoll mill-Kummissjoni. Fis‑seduta tal-20 ta’ Marzu 2014 kienu rrappreżentati l-Uffiċċju, il‑Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Awstrija, tal-Polonja, u tar-Renju Unit kif ukoll il‑Kummissjoni.

IV – Analiżi

A –    Kummenti preliminari

1.      Fuq il-fatti relatati mal-kawża

19.      Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li f’din il-kawża d-domanda preliminari hija preċiża ħafna u tiffoka fuq l-interpretazzjoni tal‑espressjoni “meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”, li fuqha tiddependi l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 għas‑sorveljanza bil-video mwettqa minn F. Ryneš. Ir-risposta għal din it‑talba ta’ interpretazzjoni ma tistax tiddependi fuq il-fatt li s‑sorveljanza bil-video laħqet l-għan tagħha, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-kriminali. Ir-risposta għandha tkun l-istess fil-każ fejn is-sorveljanza bil-video tibqa’ mingħajr suċċess u twassal biss għal reġistrazzjonijiet, li fl-aħħar mill-aħħar jitħassru u jibqgħu mhux użati, ta’ persuni li jinsabu fit-triq pubblika quddiem id-dar ta’ F. Ryneš.

20.      Fit-tieni lok, il-kawża tirrigwarda essenzjalment il‑klassifikazzjoni tas-sorveljanza bil-video inkwistjoni għall-finijiet tal‑applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. Għaldaqstant, l-użu ulterjuri tal-immaġni rreġistrati ma huwiex, fl-opinjoni tiegħi, determinanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni tal-applikabbiltà stess tal-imsemmija direttiva (8). Il‑klassifikazzjoni legali tas-sorveljanza bil-video minn F. Ryneš ma tistax tvarja skont jekk l-immaġni kinux ulterjorment imħassra jew miżmuma.

21.      Fit-tielet lok, il-kawża li tat lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija distinta minn sitwazzjonijiet fejn is-sorveljanza bil-video hija eżerċitata minn awtoritajiet pubbliċi jew minn persuni ġuridiċi. Għal dak li jirrigwarda l-awtoritajiet pubbliċi, id-Direttiva 95/46 hija applikabbli, ħlief fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva. Għal dak li jirrigwarda l-persuni ġuridiċi, id-Direttiva 95/46 tapplika mingħajr restrizzjonijiet. Huwa għalhekk li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għalkemm voluminuża ħafna fil-qasam, donnha ma tagħtix indikazzjonijiet direttament trasponibbli (9).

22.      Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, jidher b’mod ċar li l-Karta hija applikabbli, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha. Il-każ inkwistjoni jista’ joħloq kunflitt bejn id-drittijiet fundamentali tal-kontrollur tad‑data (bl-Ingliż “data controller”) u dawk tal-persuna kkonċernata (bl-Ingliż “data subject”). F’dan il-każ, hemm kunflitt bejn F. Ryneš u l‑kriminali identifikati. Madankollu, fil-kuntest tal-applikabbiltà tad‑Direttiva 95/46 b’mod ġenerali, dan huwa kunflitt bejn id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza tal-persuni fiżiċi kollha li jeżerċitaw sorveljanza bil-video ta’ żona pubblika u d-dritt għar-rispett tad-data personali tal-persuni kkonċernati kollha li jinsabu fiha.

23.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-Direttiva 95/46 hija applikabbli f’dan il-każ, ikun hemm lok li jiġu mwieżna d-diversi drittijiet u interessi affettwati fil-kuntest tad‑dispożizzjonijiet ratione materiae tal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari tal-Artikolu 7(f) (10). Irrid nippreċiża li jekk ikun il-każ, hija l‑qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi, iżda dan jeċċedi l-kuntest iddefinit minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (11).

2.      Fuq id-dicta ġurisprudenzjali li tirrigwarda l-protezzjoni tad-data personali

24.      Id‑Direttiva 95/46 hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal‑libertajiet u tad‑drittijiet fundamentali tal‑persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal‑ħajja privata tagħhom, fejn jidħol l‑ipproċessar ta’ data personali (12).

25.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija ispirata mill-Karta fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza rabtet ukoll id-Direttiva 95/46 mal-prinċipji ġenerali tad-dritt u, permezz ta’ dan, mal-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma, fl-4 ta’ Novembru 1950 (13) (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Kien deċiż ukoll li d-Direttiva 95/46 tirrappreżenta punt ta’ bilanċ, iddeterminat mil-leġiżlatur, bejn id-diversi drittijiet fundamentali inkwistjoni (14).

26.      Fis-sentenza Google Spain u Google (15), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk enfasizzat l-importanza tal-effettività tad-Direttiva 95/46 u ta’ protezzjoni effikaċi u kompleta tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi li huwa l-għan ta’ din id-direttiva li tiżgura (16), b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, dritt li fir‑rigward tiegħu din id-direttiva tagħti importanza partikolari kif ikkonfermat b’mod partikolari fl-Artikolu 1(1) tagħha u fil-premessi 2 u 10 tagħha (17).

27.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita, jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom u li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta (18).

28.      B’mod iktar preċiż, fis-sentenza Google Spain u Google, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat dan li ġej: “l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi d‑dritt għar-rispett tal-ħajja privata, filwaqt li l-Artikolu 8 tal-Karta jirrikonoxxi espliċitament id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-Artikolu 8(2) u (3) tal-Karta jispeċifika li din id-data għandha tiġi pproċessata b’mod ġust, għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna li tkun is-suġġett tad-data jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi, li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li tikkonċernaha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha, u li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti. Dawn ir-rekwiżiti huma implementati b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 6, 7, 12, 14 u 28 tad-Direttiva 95/46” (19).

29.      Nirrileva li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal‑Artikolu 28, japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet orizzontali bejn il‑kontrolluri tad-data li ma humiex awtoritajiet pubbliċi u l-persuni kkonċernati.

3.      Fuq is-sorveljanza bil-video fid-dawl tal-għanijiet tad‑Direttiva 95/46

a)      Fuq is-sorveljanza bil-video

30.      Is-sorveljanza bil-video hija kkaratterizzata mill-operazzjoni permanenti u sistematika tagħha, ikun xi jkun it-tul, varjabbli, tal‑konservazzjoni tar-reġistrazzjonijiet eventwali (20). Nenfasizza li din id-domanda preliminari tirrigwarda tip ta’ sistema fissa ta’ sorveljanza li testendi għaż-żona pubblika kif ukoll għall-bieb tad-dar ta’ faċċata u tippermetti għalhekk li jiġi identifikat numru indefinit ta’ persuni li jkunu jinsabu hemm mingħajr ma jkunu avżati minn qabel bl‑imsemmija sorveljanza. Min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet legali marbuta mar-reġistrazzjonijiet mwettqa permezz ta’ telefons ċellulari, camcorders u kameras diġitali huma ta’ natura differenti, b’mod li dawn il-konklużjonijiet ma jindirizzawhomx.

31.      Fil-fatt, il-fatt li s-sorveljanza bil-video b’reġistrazzjoni ta’ immaġni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, sa fejn din tikkostitwixxi fiha nnifisha pproċessar awtomatiku (li huwa l-każ fir-reġistrazzjonijiet diġitali) jew tagħti lok għal tali pproċessar, jirriżulta qabel xejn mill‑premessa 16 tagħha.

32.      F’dan ir-rigward ninnota li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l‑interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. Għalhekk, inqis li l-imsemmija qorti tikkunsidra b’mod impliċitu, għalkemm neċessarjament, li l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva (21).

33.      Il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix deskrizzjoni ddettaljata tal‑kontenut tar-reġistrazzjonijiet video inkwistjoni. Madankollu wieħed jista’ jaħseb li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, reġistrazzjonijiet ta’ dan it-tip “ikkunsidrati flimkien, jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħall-abitudnijiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, iċ-ċaqlieq ta’ kuljum jew ieħor, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali li dawn jiffrekwentaw” (22).

34.      Barra minn hekk, “[i]ż-żamma tad-data għall-finijiet tal-aċċess eventwali tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti”, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali “tikkonċerna b’mod dirett u speċifiku l-ħajja privata u, b’hekk, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, tali żamma tad-data tirriżulta wkoll mill-Artikolu 8 tagħha minħabba l-fatt li tikkostitwixxi pproċessar tad-data ta’ natura personali fis-sens ta’ dan l-artikolu u għandha, b’hekk, neċessarjament tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data li jirriżultaw minn dan l-artikolu” (23).

b)      Fuq l-għanijiet tad-Direttiva 95/46

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, b’mod partikolari, mill‑premessi 3, 7 u 8 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li permezz tal‑armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali li jipproteġu l-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, din id-direttiva hija intiża prinċiparjament sabiex tiżgura l-moviment liberu ta’ tali data bejn l‑Istati Membri, li huwa neċessarju għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 14(2) KE (24).

36.      Skont it-titolu tagħha, id-Direttiva 95/46 għandha wkoll għan ieħor, jiġifieri l-“protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali”. Id-Direttiva b’hekk toħloq kuntest li fi ħdanu l‑protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija żgurata.

37.      Barra minn hekk, huwa minnu li l-moviment liberu tad-data personali jista’ jikser id-dritt għall-ħajja privata kif irrikonoxxut, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8 tal-KEDB (25) kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (26).

38.      Għal din ir-raġuni, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑premessa 10 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46, din hija intiża wkoll sabiex ma tnaqqasx il-protezzjoni mogħtija mir-regoli nazzjonali eżistenti, imma għall-kuntrarju tfittex li tiżgura, fl-Unjoni, grad għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali (27).

39.      Huwa ċar li fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, “il‑protezzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali tirrikjedi, skont il‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, li d-derogi għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u l‑limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti tal-minimu neċessarju” (28) u li, f’dan ir-rigward, “il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, li tirriżulta mill-obbligu espliċitu previst fl-Artikolu 8(1) tal‑Karta, għandha importanza partikolari għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilita fl-Artikolu 7 tagħha” (29).

B –    Fuq l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2)

40.      Il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ F. Ryneš hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, skont l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 dwar l-ipproċessar “minn persuna naturali fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”. L-imsemmija dispożizzjoni ma ssemmix l-iskop tal-ipproċessar ta’ data personali bħal dak deskritt fid-domanda preliminari, jiġifieri l-protezzjoni ta’ “beni, [tas-]saħħa u [tal-]ħajja tal-proprjetarji tad-dar”.

41.      Irrid nippreċiża li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax is-sigurtà tal-Istat, u lanqas l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali, li setgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, anki jekk id-data miġbura f’dan il-każ kienet finalment mibgħuta lill-awtoritajiet (30). Fil-fatt, F. Ryneš aġixxa bħala persuna privata vittma ta’ reat kriminali, u mhux bħala uffiċjal tal-forzi tal-ordni.

42.      F. Ryneš kif ukoll il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Italja u tar-Renju Unit huma tal-opinjoni li l-użu ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-video bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, jitwettaq fil-kuntest ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi fis-sens tat-tieni inċiż tal‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, anki jekk l-imsemmija sistema tissorvelja wkoll żona pubblika. Għall-kuntrarju, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, l-imsemmija sistema tissorvelja wkoll żona pubblika, l‑Uffiċċju, il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Portugall u ta’ Spanja, kif ukoll il‑Kummissjoni jqisu li l-eċċezzjoni msemmija hawn fuq ma tapplikax.

a)      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-iskop tal-ipproċessar bħala kriterju tal‑applikabbiltà tad-Direttiva 95/46

43.      Waqt is-seduta, il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal‑eċċezzjoni tistax tiddependi fuq l-intenzjoni tal-persuni inkwistjoni kienet diskussa fit-tul. B’mod iktar preċiż, il-kwistjoni tirrigwarda jekk in-natura “purament personali jew donestika” tal-ipproċessar tad-data tistax tkun stabbilita fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq mill-kontrollur tal-ipproċessar tad-data.

44.      Skont il-qorti tar-rinviju, F. Ryneš ipproċeda bis-sorveljanza “sabiex jipproteġi l-beni, is-saħħa u l-ħajja tal-proprjetarji tad-dar”. Fl‑opinjoni tiegħi, ma huwiex eskluż li attività kkaretterizzata minn tali għan suġġettiv tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(f) tad‑Direttiva 95/46, li jirrendi l-ipproċessar ta’ data personali leġittimu fil-kuntest tiegħu. Madankollu din ma hijiex il-kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-domanda preliminari tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, li neċessarjament tippreċedi l-kwistjonijiet kollha relatati mal-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet sostantivi tagħha.

45.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar ta’ data personali li wettaq F. Ryneš huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, fid-dawl tal-għan suġġettiv tiegħu, sa fejn dan l-għan jista’ jitqies li jikkostitwixxi natura purament personali jew domestika tal-ipproċessar ta’ data inkwistjoni.

46.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-funzjoni tad-dispożizzjoni fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 hija li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva billi teskludi ċerti sitwazzjonijiet jew attività, li għalkemm jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mid‑Direttiva 95/46, jibqgħu madankollu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strument tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jiddependi fuq l-għan suġġettiv tal-persuna kkonċernata, f’dan il-każ tal-kontrollur tal-ipproċessar, sa fejn tali għan la huwa oġġettivament verifikabbli abbażi ta’ fatturi esterni u lanqas ma huwa rilevanti fir-rigward tal-persuni kkonċernati li d-drittijiet u interessi tagħhom huma affettwati mill-attività inkwistjoni.

47.      Fil-fatt, l-għan tal-ipproċessar tad-data personali ma jistax ikun determinanti fir-rigward ta’ persuna miexja fi triq pubblika u li tkun is-suġġett ta’ sorveljanza bil-video, mill-perspettiva tal-bżonn ta’ protezzjoni tagħha permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi speċifiċi li jiddefinixxu l-pożizzjoni ġuridika tagħha fir-rigward tal-kontrollur tal‑ipproċessar tad-data personali. Min-naħa l-oħra, l-għan tal‑ipproċessar jista’ japplika fl-evalwazzjoni tal-legalità tiegħu. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu għalhekk ikun iddeterminat permezz ta’ kriterji oġġettivi.

b)      Attività purament domestika jew purament personali

48.      Sabiex turi l-kontenut tal-eċċezzjoni inkwistjoni, id‑Direttiva 95/46 issemmi żewġ eżempji: il-korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi (31). Ovvjament, bħala eċċezzjoni, hija titlob interpretazzjoni restrittiva, kif tikkonferma l-ġurisprudenza dwar id‑Direttiva 95/46 (32).

49.      Fil-fatt, id-definizzjoni preċiża ħafna ta’ din l-eċċezzjoni tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-ġbir mhux irregolat ta’ data personali li jista’ jitwettaq barra mill-kuntest irregolat mid-dritt tal‑Unjoni u, għaldaqstant, eżentat mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 8(2) u (3) tal-Karta (33).

50.      Il-kawża Lindqvist, bħal din il-kawża, kienet tirrigwarda l‑ipproċessar ta’ data personali magħmul minn persuna fiżika. L-Avukat Ġenerali Tizzano kien tal-opinjoni li l-kategorija ta’ “‘attività purament personali jew domestika’ tkopri biss attivitajiet bħall-‘korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi’ […], jiġifieri attivitajiet manifestament privati u kunfidenzjali, intiżi li ma joħorġux mill-isfera personali jew domestika tal-persuni kkonċernati” u li, fil-kawża inkwistjoni, l-eċċezzjoni tat-tieni inċiż ma kinitx tapplika (34).

51.      Fl-opinjoni tiegħi, l-“attivitajiet personali” msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, huma attivitajiet li huma marbuta strettament u oġġettivament mal-ħajja privata ta’ persuna li ma jaffettwawx b’mod sinjifikattiv il-ħajja personali ta’ ħaddieħor. Madankollu dawn l‑attivitajiet jistgħu jseħħu barra mid-dar. L-“attivitajiet domestiċi” huma marbuta mal-ħajja familjari u normalment iseħħu fid-dar jew f’postijiet oħra kondiviżi mal-membri tal-familja, bħar-residenza sekondarja, kamra ta’ lukanda jew vettura partikolari. Huma kollha għandhom rabta mal-protezzjoni tal-ħajja privata prevista fl-Artikolu 7 tal-Karta.

52.      Fil-fatt, bħall-Gvern tar-Renju Unit jiena nqis li din l-eċċezzjoni tippermetti fil-kuntest ġuridiku attwali, jiġifieri dak maħluq mid-Direttiva 95/46, li tiżgura l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 7 tal-Karta favur dak li jiddedika ruħu għall-ipproċessar ta’ data personali fil-ħajja privata u tal-familja.

53.      Madankollu, fil-kuntest tad-Direttiva 95/46, sabiex l-imsemmija eċċezzjoni tkun tista’ tapplika, ma huwiex biżżejjed li l-attivitajiet previsti jippreżentaw rabta mal-attivitajiet personali jew domestiċi, iżda huwa wkoll meħtieġ li din ir-rabta tkun esklużiva. F’dan ir-rigward inżid li, fl-opinjoni tiegħi, ma jeżisti ebda dubju dwar il-fatt li l-kundizzjoni ta’ esklużività tapplika kemm għall-attivitajiet personali kif ukoll għall‑attivitajiet domestiċi.

54.      Nikkonstata li s-sorveljanza bil-video ta’ ħaddieħor, jiġifieri sorveljanza sistematika ta’ postijiet permezz ta’ apparat li jipproduċi sinjal video rreġistrat għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-persuni, anki ġewwa dar, ma tistax titqies li hija purament personali, iżda dan ma jeskludix li tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ attività domestika.

55.      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li bħalma jsostni l-Gvern tar‑Renju Unit, il-protezzjoni tal-invjolabbiltà ta’ dar partikolari u l‑protezzjoni tagħha kontra s-serq u kontra kull aċċess illeċitu jikkostitwixxu attivitajiet li huma essenzjali għal kull dar u, għal din ir‑raġuni, jistgħu jitqiesu li huma attivitajiet domestiċi.

56.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, sorveljanza bil-video li testendi għal żona pubblika ma tistax tkun intiża bħala attività purament domestika, għaliex testendi għal persuni li ma għandhom ebda rabta mal-familja inkwistjoni u li jixtiequ jżommu l-anonimità tagħhom. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, “iċ-ċirkustanza li ż-żamma tad-data u l-użu ulterjuri tagħha ssir mingħajr” ma l-persuni kkonċernati f’dan il-każ ma “jiġi informat dwar dan il-fatt jista’ joħloq fil-ħsieb tal-persuni kkonċernati, […] is-sentiment li l-ħajja privata tagħhom hija suġġetta għal sorveljanza kostanti” (35).

57.      Għalhekk is-sorveljanza bil-video sistematika ta’ żona pubblika eżerċitata minn persuni fiżiċi ma hijiex eżentata mir-rekwiżiti mislutin mill-protezzjoni tad-data personali li huma applikabbli għas-sorveljanza bil-video minn persuni ġuridiċi u mill-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti li ma jiġux ipprivileġġati l-persuni li jimplementaw sorveljanza bil-video ta’ żona pubblika li tinsab quddiem dar fejn toqgħod familja waħda, meta mqabbla mas-sorveljanza li tkun imwettqa fil-viċinat ta’ immobbli li fihom jgħixu diversi familji, għaliex kull kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali, persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, huma b’hekk suġġetti għall-istess rekwiżiti (36).

58.      Nikkonkludi li pproċessar ta’ data personali bħal dak magħmul minn F. Ryneš ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ attività purament personali jew domestika” u għalhekk l-imsemmi pproċessar, li ma jibbenefikax mill-eċċezzjoni inkwistjoni, huwa kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

c)      Osservazzjonijiet addizzjonali

59.      Sabiex inkun eżawrjenti, irrid nispeċifika li anki jekk, fil‑ġurisprudenza, il-“pubblikazzjoni” tad-data personali sikwit tissemma fost l-elementi sostnuti sabiex tiġi kkonstata l-inapplikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46 (37), l-assenza ta’ pubblikazzjoni ma tirrendix, għall‑kuntrarju, l-imsemmija eċċezzjoni applikabbli. Fil-fatt, ir‑reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ data personali jikkostitwixxu fihom innifishom interferenza fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal‑Karta (38).

60.      Barra minn hekk, ninnota li d-data personali rreġistrata minn F. Ryneš kienet is-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data jikkostitwixxi inġerenza supplimentari f’dan id-dritt fundamentali” (39).

61.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, kif jiena qed nipproponilha, li d-Direttiva 95/46 hija applikabbli, l-attività eżerċitata minn F. Ryneš għandha tkun analizzata fil-kuntest tal-imsemmija direttiva, li hija intiża li toħloq u tiżgura bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-persuni.

62.      F’dan il-każ, ikun hemm lok li, b’mod partikolari, tiġi vverifikata l-“leġittimitá” tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni (40). Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li, bla ħsara għad-derogi ammessi taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46, b’mod partikolari għall-“protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn”, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar in-natura leġittima tal-każijiet ta’ pproċessar ta’ data elenkati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva (41).

63.      Dwar in-natura leġittima ta’ pproċessar bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, nikkunsidra li l-imsemmi pproċessar jista’ jibbenefika minn leġittimazzjoni prevista fl-Artikolu 7(f) tad‑Direttiva 95/46.

64.      Fil-fatt, l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar tad-data personali jkun leċitu, jiġifieri, minn naħa, li l-ipproċessar ta’ data personali jkun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il‑parti terza jew il-partijiet li lilhom tkun żvelata d-data u, min-naħa l‑oħra li d-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata ma jkunux jipprevalu. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni kundizzjoni teħtieġ ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni li jiddependi, bħala prinċipju, fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal‑każ speċifiku kkonċernat u li fil-kuntest tiegħu l-persuna jew l-istituzzjoni li twettaq l-ibbilanċjar għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal‑Karta (42). L-imsemmi Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 huwa ħafna drabi l-prinċipju ċentrali tal-analiżi tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali (43).

65.      F’dan il-każ, jidhirli li l-attività eżerċitata minn F. Ryneš hija intiża sabiex tipproteġi t-tgawdija ta’ drittijiet fundamentali oħra, bħad‑dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja familjari.

66.      Għalhekk, il-fatt li d-Direttiva 95/46 hija applikabbli ma huwiex neċessarjament sfavorevoli għall-interessi tal-kontrollur tal-ipproċessar tad-data personali, bil-kundizzjoni li dawn ikunu effettivament leġittimi skont l-Artikolu 7(f) tal-imsemmija direttiva. Ma huwiex loġiku li jiġi sostnut li, għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ F. Ryneš, għandha titħalla mhux applikata direttiva Ewropea intiża b’mod speċifiku li tistabbilixxi bilanċ ġust bejn id-drittijiet ta’ dan tal-aħħar u d‑drittijiet tal-persuni fiżiċi l-oħra, jiġifieri dawk li huma affettwati mill‑ipproċessar tad-data personali.

67.      Il-fatt li d-Direttiva 95/46 tapplika għal tali sitwazzjoni ma jimplikax, fih innifsu, l-illegalità tal-attività li wettaq F. Ryneš. Min-naħa l-oħra, huwa fil-kuntest tad-Direttiva 95/46 li għandu jitwettaq l-ibbilanċjar bejn id-drittijiet fundamentali applikabbli fil-kawża prinċipali.

V –    Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari magħmula min‑Nejvyšší správní soud:

“L-użu ta’ sistema ta’ kamera installata fuq dar tal-familja, sabiex tipproteġi l-beni, is-saħħa u l-ħajja tal-proprjetarji tad-dar li tissorvelja wkoll iż-żona pubblika ma taqax taħt ipproċessar ta’ data personali minn persuna fiżika għall-eżerċizzju ta’ attività purament personali jew domestika fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


3 – Enfasi miżjuda minni.


4 – C‑101/01, EU:C:2003:596.


5 – C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238.


6 – C‑131/12, EU:C:2014:317.


7 –      Skont l-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu, dan “kien ibbażat fuq l‑Artikolu 286 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fuq id‑[Direttiva 95/46], kif ukoll fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB u fuq il-Konvenzjoni tal‑Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi dwar l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, tat-28 ta’ Jannar 1981, irratifikata mill-Istati Membri kollha”.


8 – Jekk id-Direttiva 95/46 hija applikabbli, l-imsemmi użu ulterjuri ta’ din id-data personali jista’ jkun ta’ ċerta importanza, pereżempju fid-dawl tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva.


9 – Ara, bħala eżempju ta’ din il-ġurisprudenza, Il-Qorti EDB., sentenza Peck vs Ir‑Renju Unit, Nru 44647/98, § 57, u l‑ġurisprudenza ċċitata, CEDH 2003 I.


10 – L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk: […] f) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”


11 – Fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ara “Opinion 06/2014 on the notion of legitimate interests of the data controller under Article 7 of Directive”, disponibbli bl-Ingliż fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/index_en.htm.


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza IPI (C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 28) u l‑Artikolu 1 u l-premessa 10 tad-Direttiva 95/46.


13 – L-Artikolu 8(1) tal-KEDB huwa fformulat kif ġej: “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal‑kommunikazzjonijiet tagħha.”


14 – Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja tat prevalenza lill-protezzjoni tad-data personali fuq l-aċċess għal dokumenti f’dawn it-termini: “Minn dan isegwi li, meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li fihom data personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru kompletament applikabbli, inklużi l-Artikoli 8 u 18 tiegħu.”


15 – EU:C:2014:317, punt 58.


16 – Ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 62 u 63).


17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 70); Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 47); u IPI (EU:C:2013:715, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Google Spain u Google (EU:C:2014:317, punt 68); Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 37); u Österreichischer Rundfunk et (EU:C:2003:294, punt 68).


19 – Sentenza Google Spain u Google (EU:C:2014:317, punt 69).


20 – L-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46 jistabbilixxi grupp ta’ ħidma konsultattiv indipendenti, magħmul, b’mod partikolari, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-protezzjoni tad-data personali (iktar ’il quddiem “il-Grupp ta’ Ħidma ‘Artikolu 29’”). Ara, fuq din il-kwistjoni, l-Opinjoni 4/2004 tal-imsemmi grupp ta’ ħidma dwar l-ipproċessar ta’ data personali permezz ta’ sorveljanza bil-video, aċċessibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/index_en.htm.


21 – Ara wkoll, il-premessa 15 tad-Direttiva 95/46, li tgħid li “l-ipproċessar ta’ din id-data huwa milqut minn din id-Direttiva biss jekk ikun awtomatizzat jew jekk id-data pproċessata titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f’sistema ta’ skedar skond kriterji speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ individwi, biex l-aċċess għad-data in kwistjoni jkun ħafif”.


22 – Sentenza Digital Rights Ireland u Seitlinger et (EU:C:2014:238, punt 27).


23 – Sentenzi Digital Rights Ireland u Seitlinger et (C‑518/07, EU:C:2014:238, punt 29) u Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 47).


24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (EU:C:2010:125, punti 20 sa 22) u Österreichischer Rundfunk et (EU:C:2003:294, punti 39 u 70).


25 – Ara, f’dan is-sens is-sentenzi, Qorti EDB, Amann vs L-Isvizzera, [GC], Nru 27798/95, § 69 u 80, CEDH 2000-II, u Rotaru vs Ir-Rumanija, [GC], Nru 28341/95, § 43 u 46, CEDH 2000-V.


26 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (EU:C:2010:125, punt 21).


27 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (EU:C:2010:125, punt 22); Österreichischer Rundfunk et (EU:C:2003:294, punt 70); kif ukoll Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 52).


28 – Sentenzi Digital Rights Ireland u Seitlinger et (EU:C:2014:238, punt 52) u IPI (EU:C:2013:715, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Sentenza Digital Rights Ireland u Seitlinger et (EU:C:2014:238, punt 53).


30 – Fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż, ara s-sentenza Lindqvist (EU:C:2003:596, punti 43 et seq).


31 – Premessa 12 tad-Direttiva.


32 – Sentenzi Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (EU:C:2008:727, punti 38 sa 49), Il-Parlement vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punti 54 sa 61) u Lindqvist (EU:C:2003:596, punt 47).


33 – Skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, id-data ta’ natura personali “għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha. L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti”.


34 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Tizzano fil-Kawża Lindqvist (EU:C:2002:513, b’mod partikolari l-punti 34 u 35, enfasi miżjuda minni). Barra minn hekk, kien tal-opinjoni li l-“ipproċessar inkwistjoni huwa implementat bl‑eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din l-interpretazzjoni.


35 – Sentenza Digital Rights Ireland u Seitlinger et (EU:C:2014:238, punt 37).


36 – Ara l-Opinjoni 4/2004 tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” dwar l-ipproċessar ta’ data personali permezz tas-sorveljanza bil-video, aċċessibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/index_en.htm.


37 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Lindqvist (EU:C:2003:596, punt 47).


38 – Sentenza Digital Rights Ireland u Seitlinger et (EU:C:2014:238, punt 34).


39Ibidem (punt 35). Ara, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8 tal-KEDB, is-sentenzi Qorti EDB, Leander vs L-Isvezja, tas-26 ta’ Marzu 1987, serje A Nru 116, § 48; Rotaru vs Ir-Rumanija [GC], Nru 28341/95, § 46, KEDB 2000-V; kif ukoll Weber u Saravia vs Il-Ġermanja (Diċ.), Nru 54934/00, § 79, KEDB 2006-XI.


40 – Dwar il-leġittimazzjoni ara, pereżempju, is-sentenza Worten (C‑342/12, EU:C:2013:355, punti 33 et seq).


41 – Sentenzi Google Spain u Google (EU:C:2014:317, punt 71) Österreichischer Rundfunk et (EU:C:2003:294, punt 65) ASNEF u FECEMD (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 26), kif ukoll Worten (EU:C:2013:355, punt 33).


42 – Sentenza ASNEF u FECEMD (EU:C:2011:777, punti 38 u 40).


43 – Waqt is-seduta, ġiet diskussa kwistjoni oħra, jiġifieri l-evalwazzjoni dwar il‑kameras fuq vetturi li jirreġistraw. Abbażi tal-interpretazzjoni proposta, jidhirli li huwa ċar li dan l-apparat ta’ sorveljanza taż-żona pubblika, inkluż tal-persuni li jinsabu fiha, ma jistax ikun kopert mill-imsemmija eċċezzjoni u li l-użu tagħhom huwa għalhekk suġġett b’mod sħiħ għall-kundizzjonijiet previsti mid‑Direttiva 95/46.