Language of document : ECLI:EU:C:2021:104

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fl‑10 ta’ Frar 2021 (1)

KAWŻA C719/19

FS

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 15 – Deċiżjoni li tillimita l-moviment liberu għal raġunijiet oħrajn għajr l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika – Residenza irregolari ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Tluq fiżiku taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti – Effetti ratione temporis tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija – Artikoli 5, 6 u 7 – Possibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn dritt ta’ dħul jew ta’ residenza ġdid meta jirritorna fl-Istat Membru ospitanti”






I.      Introduzzjoni

1.        Ċittadin tal-Unjoni, li tilef id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru li tiegħu ma għandux nazzjonalità u li, għal din ir-raġuni kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38/KE (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-residenza”), jista’, f’każ ta’ ritorn immedjat lejn dak l-Istat Membru wara li jkun telaq mit-territorju tiegħu sabiex tiġi eżegwita din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, jinvoka dritt ġdid ta’ residenza skont din id-direttiva? F’każ ta’ risposta negattiva, għal kemm żmien dan iċ-ċittadin għandu jirrisjedi barra mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru qabel ma jkun jista’ jikseb dritt ta’ residenza ġdid f’dan l-istess Stat Membru?

2.        Dawn huma d-domandi magħmula f’din il-kawża, li se jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina meta deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda “għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza, teżawrixxi l-effetti legali tagħha kif ukoll taħt liema kundizzjonijiet ċittadin tal-Unjoni jista’, għalhekk, jikseb mill-ġdid dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti.

3.        Dawn id-domandi jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, għall-ewwel darba, kemm fuq l-effetti ratione temporis ta’ tali deċiżjoni ta’ tkeċċija, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, fuq ir-rabta tal-Artikolu 15 mal-Artikolu 5 (Dritt ta’ dħul), imbagħad mal-Artikolu 6 (Dritt ta’ residenza sa tliet xhur), u fl-aħħar nett mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva (Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur) (3).

4.        Ir-risposti għal dawn id-domandi ma humiex evidenti. Minn naħa, dawn id-domandi jenfasizzaw il-bilanċ delikat li għandu jinstab bejn żewġ drittijiet li ma huwiex faċli li jiġu rrikonċiljati: id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Unjoni u d-dritt tal-Istati Membri li jkeċċu mit-territorju tagħhom lil dawk il-persuni li ma għandhomx id-dritt li jirrisjedu hemmhekk. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess domandi jaqgħu fil-kuntest regolatorju speċifiku tal-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni tal-Unjoni (4), ħaġa li diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-kunċett innifsu tat-“tkeċċija” ta’ ċittadin tal-Unjoni minn Stat Membru għal ieħor.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li jsostnu l-proposti tiegħi, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

–        l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza ma jistgħux jintemmu minħabba s-sempliċi fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, għaliex dan jippreġudika l-effettività ta’ din id-direttiva;

–        il-proposta li l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija jinżammu, b’mod sistematiku, għal perijodu determinat wara t-tluq fiżiku tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari għal mill-inqas tliet xhur, timponi limitazzjoni mhux iġġustifikata għad-dritt ta’ residenza, kif stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE u kkonkretizzat mill-imsemmija direttiva, u

–        huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li għandhom jevalwaw l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija meħuda skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza, u a fortiori l-possibbiltà li jinvokaw dritt ġdid ta’ residenza, abbażi ta’ eżami fil-fond tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ tmiem reali u effettiv tar-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru u tar-riskju li din il-persuna tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-imsemmi Stat Membru.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-premessa 16 tad-Direttiva dwar ir-residenza tiddikjara li “[s]akemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. […] Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika”.

7.        L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jagħti, b’mod partikolari, liċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu karta tal-identità valida jew passaport validu, dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri.

8.        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jagħti liċ-ċittadin tal-Unjoni dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur “mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr” dik li jkollu fil-pussess tiegħu karta tal-identità valida jew passaport validu.

9.        L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jagħti liċ-ċittadin tal-Unjoni dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn tliet xhur, meta jkun (a) ħaddiem impjegat jew ħaddiem li jaħdem għal rasu fl-Istat Membru ospitanti, jew (b) għandu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru matul ir-residenza tiegħu, u assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-imsemmi Stat Membru, jew, (c) ikun student u jissodisfa, essenzjalment, l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija f’(b).

10.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar ir-residenza jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva sakemm ma jkunux ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 tal-imsemmija direttiva sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-artikoli. Bħala deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 14(4) tal-istess direttiva jipprovdi li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħu fl-ebda każ ikunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija meta (a) ikunu impjegati jew jaħdmu għal rashom, jew (b) ikunu daħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sabiex ifittxu impjieg hemmhekk.

11.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[i]l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[l]-iskadenza tal-karta ta’ l-identità jew tal-passaport b’liema l-persuna kkonċernata daħlet fl-Istat Membru ospitanti […] m’għandhiex tikkostitiwixxi raġuni għal tkeċċija mill-Istat Membru ospitanti”. Finalment, il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li “[l]-Istat Membru ospitanti m’għandux jimponi projbizzoni fuq id-dħul fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li għaliha japplika l-paragrafu 1”.

12.      L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li “[i]n-notifika [ta’ kull deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza] għandha tispeċifika […], fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika”.

B.      Id-dritt Olandiż

13.      Il-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000) tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), tipprevedi, fl-Artikoli 61 u 62 tagħha, li persuna barranija li ma tkunx, jew li ma tibqax, f’sitwazzjoni ta’ residenza legali għandha titlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fuq inizjattiva tagħha stess fi żmien erba’ ġimgħat mit-tmiem tar-residenza legali. L-Artikolu 63(1) ta’ din il-liġi jiddikjara li barrani li ma jkunx resident legali u li ma jkunx telaq fuq inizjattiva tiegħu stess mill-Pajjiżi l-Baxxi f’dan it-terminu jista’ jitkeċċa.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      FS, appellant fil-kawża prinċipali, huwa ċittadin Pollakk li, fid‑9 ta’ Novembru 2017, irreġistra fir-Reġistru tal-persuni mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi (5).

15.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2018, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) ikkonstata li FS ma kienx residenti legalment, peress li ma baqax jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza, li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur (6), u ordnalu jitlaq mit-territorju Olandiż. F’dan ir-rigward, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pulizija kienet regolarment arrestat lil FS fuq suspetti ta’ serq minn ħwienet u pickpocketing.

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Settembru 2018, is-Segretarju tal-Istat iddikjara infondat l-ilment li FS kien ressaq kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2018. Is-Segretarju tal-Istat, minn naħa, irrikonoxxa li l-aġir ta’ FS ma kienx jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-residenza, iżda, min-naħa l-oħra, stabbilixxa terminu ta’ erba’ ġimgħat għal tluq volontarju, li warajh FS seta’ jitkeċċa minħabba li kien qed jirrisjedi irregolarment. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tikkostitwixxi “deċiżjoni li tillimita l-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. Peress li FS ma appellax mill-imsemmija deċiżjoni, din saret definittiva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”).

17.      Fit‑23 ta’ Ottubru 2018, FS ġie arrestat mill-pulizija Ġermaniża fuq suspetti ta’ serq minn ħwienet. Huwa stabbilit bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li FS wera li telaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-terminu ta’ tluq ta’ erba’ ġimgħat li kien ġie impost fuqu, jiġifieri qabel id-data tal‑24 ta’ Ottubru 2018. F’dan ir-rigward, FS iddikjara wkoll li, mit-tluq tiegħu, li d-data preċiża tiegħu ma tirriżultax mill-proċess tal-kawża, huwa kien jirrisjedi għand xi ħbieb f’Kaldenkirchen (il-Ġermanja), ftit lil hinn mill-fruntiera bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja. FS indika wkoll li, minħabba d-dipendenza tiegħu fuq il-marijuana, huwa kien imur fil-Pajjiżi l-Baxxi kuljum sabiex jixtriha. Fl-aħħar nett, huwa ddikjara li daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi fil‑21 ta’ Novembru 2018 peress li kien intalab sabiex jidher quddiem qorti għall-kontravenzjonijiet fit‑23 ta’ Novembru 2018.

18.      Fit‑22 ta’ Novembru 2018, il-persunal ta’ supermarket fil-Pajjiżi l-Baxxi żamm lil FS fuq suspett ta’ serq. Meta ssejħet fuq il-post, il-pulizija arrestatu minħabba li ma kellux dokument ta’ identità fuqu. Wara dan l-arrest, il-pulizija żammet lil FS għas-smigħ previst mil-liġi nazzjonali f’dawn il-każijiet.

19.      B’deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2018, is-Segretarju tal-Istat poġġa lil FS f’detenzjoni amministrattiva bil-għan li jitkeċċa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, il-Polonja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ detenzjoni amministrattiva”). Din id-deċiżjoni kienet motivata mir-riskju li FS jaħrab mill-kontroll tal-barranin u jevita jew jostakola l-preparazzjoni tat-tluq jew tal-proċedura ta’ tkeċċija. Dan ir-riskju jirriżulta mill-fatt li FS, l-ewwel nett, kien ħarab għal ċertu żmien mill-kontroll tal-barranin, it-tieni nett, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li tobbligah jitlaq mit-territorju Olandiż u ma kienx ħa azzjoni kontriha fit-terminu mogħti fiha (7), it-tielet nett, la kellu domiċilju u lanqas residenza fissa, ir-raba’ nett, ma kellux riżorsi suffiċjenti u, il-ħames nett, kien issuspettat li wettaq reat jew kien ġie kkundannat f’dan ir-rigward.

20.      Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2018, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Groningen (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Groningen, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem ir-“rechtbank”) iddikjarat infondat ir-rikors ippreżentat minn FS kontra d-deċiżjoni ta’ detenzjoni amministrattiva u ċaħdet it-talba għal kumpens tiegħu. FS appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).

21.      Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, FS ressaq ilment kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija lejn il-Polonja, bit-tkeċċija prevista fil‑21 ta’ Diċembru 2018. Huwa talab ukoll lill-voorzieningenrechter van de rechtbank Den Haag (l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“voorzieningenrechter”) jadotta miżura provviżorja intiża sabiex tipprojbixxi din it-tkeċċija.

22.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2018, il-voorzieningenrechter, minn naħa, laqa’ t-talba għal miżura provviżorja, billi qies li ma kienx ġie stabbilit li FS kien qed jirrisjedi f’dak il-mument, b’mod irregolari fil-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, ipprojbixxa lis-Segretarju tal-Istat milli jkeċċi lil FS qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ ġimgħat mid-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat dwar l-ilment.

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum u abbażi ta’ din id-deċiżjoni tal-voorzieningenrechter, is-Segretarju tal-Istat neħħa d-detenzjoni amministrattiva ta’ FS.

24.      Skont il-qorti tar-rinviju, minkejja t-tneħħija tad-detenzjoni amministrattiva ta’ FS, dan għandu interess fl-appell quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), minħabba l-fatt li huwa jkollu dritt għal kumpens jekk din id-detenzjoni tiġi kkunsidrata illegali. Madankollu, dan ikun il-każ kieku, fit‑23 ta’ Novembru 2018 (il-jum li fih tqiegħed f’detenzjoni amministrattiva), FS kellu dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

25.      F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-appell quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), il-partijiet fil-kawża prinċipali sostnew żewġ pożizzjonijiet opposti.

26.      Minn naħa, FS jakkuża lir-rechtbank li ma mmotivatx debitament is-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Diċembru 2018, sa fejn huwa kien effettivament telaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-terminu stabbilit mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija u li, għalhekk, fil-jum tad-detenzjoni amministrattiva tiegħu, huwa kien jibbenefika mill-ġdid mid-dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-residenza.

27.      Min-naħa l-oħra, is-Segretarju tal-Istat jirrikonoxxi li FS wera li telaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-terminu ffissat mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, iżda jsostni li l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni ma kinux eżawriti u li, għaldaqstant, FS ma setax ikollu mill-ġdid dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, dawn l-effetti legali kienu jkunu eżawriti biss kieku, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (8), FS kien stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza u seta’ juri “residenza effettiva” f’dan l-Istat Membru l-ieħor għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur. Issa, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta’ FS dwar ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, dan ma huwiex il-każ. Skont is-Segretarju tal-Istat, hija biss din l-interpretazzjoni li tippermetti li jiġu evitati l-abbużi ta’ dritt; kieku ma kienx hekk, kien ikun biżżejjed għal FS li joqgħod fil-Ġermanja jum wieħed biss sabiex iġib fix-xejn l-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u, b’dan il-mod, jirritorna u jirrisjedi mill-ġdid legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi.

28.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa fejn illum huwa stabbilit li FS telaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-terminu previst mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-kwistjoni dwar jekk huwiex ġust li tqiegħed f’detenzjoni amministrattiva tiddependi fuq jekk huwa kienx jibbenefika mill-ġdid minn dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi f’din id-data, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-residenza. Dan l-aħħar punt jiddependi, min-naħa tiegħu, fuq l-effetti legali prodotti mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fis-sens tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva li la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, u lanqas mill-istruttura tagħha, ma jirriżulta jekk deċiżjoni ta’ tkeċċija tibqax tipproduċi effetti legali għal żmien determinat wara t-tluq tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti jew jekk tali deċiżjoni għandhiex titqies li ġiet eżegwita b’mod sħiħ fil-mument ta’ dan it-tluq.

29.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [dwar ir-residenza] għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ ċittadin tal-Unjoni mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li tkun ġiet adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tiġi eżegwita b’mod sħiħ u ma tipproduċix effetti ġuridiċi b’effett minn meta dan iċ-ċittadin ikun ipproduċa prova li telaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ospitanti fit-terminu li l-imsemmija deċiżjoni tistabbilixxi għat-tluq volontarju tiegħu?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jibbenefika, f’każ ta’ ritorn immedjat fl-Istat Membru ospitanti, mid-dritt ta’ residenza ta’ mhux iktar minn tliet xhur, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [dwar ir-residenza], jew l-Istat Membru ospitanti jista’ jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija ġdida sabiex jipprekludi d-dħul ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tiegħu kull darba għal perijodu qasir?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu, f’dan il-każ, jirrisjedi matul perijodu determinat barra mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, u dan il-perijodu kemm huwa twil?”

30.      FS, il-Gvern Olandiż, Ċek u Daniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, dawn il-partijiet kollha esprimew ruħhom waqt is-seduta li nżammet fis‑16 ta’ Novembru 2020. Il-Gvern Belġjan, li ma kienx ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, ukoll espona l-argumenti tiegħu waqt din is-seduta.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

31.      Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu bħala sfond tilwima dwar ċittadin Pollakk, FS, li, peress li tilef id-dritt ta’ residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. Wara li telaq b’mod volontarju minn dan l-Istat Membru fit-terminu previst minn din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, dan iċ-ċittadin isostni li għex ma’ xi ħbieb fil-Ġermanja viċin il-fruntiera tal-Pajjiżi l-Baxxi, fejn kien imur kuljum sabiex jixtri l-marijuana. Xahar wara t-tluq tiegħu, huwa ġie arrestat mill-pulizija Olandiża, peress li ma setax jippreżenta dokument tal-identità, u tqiegħed f’detenzjoni amministrattiva sabiex jiġi mkeċċi lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minħabba li kien hemm ir-riskju li jaħrab mill-kontroll tal-barranin u li jevita jew jostakola t-tħejjija tat-tkeċċija tiegħu. Dan ir-riskju jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-imsemmi ċittadin, essenzjalment, ma eżegwixxiex kompletament l-imsemmija deċiżjoni ta’ tkeċċija, għaliex huwa ma weriex li rrisjeda effettivament fi Stat Membru ieħor.

32.      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza tkunx eżegwita kompletament minħabba s-sempliċi fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, f’liema każ dan iċ-ċittadin jibbenefika, f’każ ta’ ritorn, minn dritt ta’ residenza ġdid sa tliet xhur skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jew inkella jekk din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tibqax tipproduċi effetti għal ċertu żmien wara t-tluq fiżiku ta’ dan iċ-ċittadin. F’dan il-każ tal-aħħar, hija tixtieq tkun taf kemm żmien idumu jseħħu tali effetti.

33.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li r-risposta għal dawn id-domandi hija indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni amministrattiva. Jekk l-effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kellhom jiġu eżawriti minħabba s-sempliċi fatt li FS mar il-Ġermanja, anki jekk għal jum wieħed, allura, mar-ritorn tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa jibbenefika minn dritt ġdid ta’ residenza skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-residenza. Fl-assenza ta’ deċiżjoni ġdida ta’ tkeċċija, id-deċiżjoni ta’ detenzjoni amministrattiva tkun illegali u FS ikollu għalhekk dritt għal kumpens.

34.      Issa, l-interess tad-domandi jmur lil hinn mill-kuntest fattwali kemxejn mhux tas-soltu ta’ din il-kawża. Fil-fatt, id-domandi preliminari jagħmlu parti minn kwistjoni ikbar, li tirrigwarda l-mod kif Stat Membru jista’ effettivament ikeċċi mit-territorju tiegħu (għal raġunijiet li ma humiex ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika) ċittadin tal-Unjoni li, wara perijodu ta’ residenza regolari, ikompli jirrisjedi hemmhekk mingħajr madankollu ma jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva dwar ir-residenza, bir-riskju li jsir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru. Din il-problema hija iktar u iktar rilevanti sa fejn, fiż-żona Schengen (9), il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-persuni. Għaldaqstant, il-mezzi sabiex Stat Membru jivverifika li t-tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinsab f’residenza irregolari effettivament seħħet huma limitati ħafna.

35.      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-analiżi tal-effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza tidher intrinsikament marbuta mar-rabta ta’ din id-dispożizzjoni mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw id-dritt ta’ residenza. Għalhekk jidhirli li huwa utli, qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, li nippreżenta ħarsa ġenerali tal-qafas leġiżlattiv applikabbli (1.), li tippermetti wkoll li tiġi ċċarata l-portata tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju (2.).

1.      Fuq il-qafas regolatorju rilevanti

36.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, kif introdotta mit-Trattat ta’ Maastricht (10), tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom. Dan id-dritt huwa attwalment mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE kif affermat mill-ġdid fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva dwar ir-residenza, li tirregola b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, hija intiża sabiex tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt (11).

37.      Id-Direttiva dwar ir-residenza tipprevedi żewġ sistemi ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni: id-“dritt ta’ residenza”, irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III u li jinkludi d-drittijiet ta’ residenza “sa tliet xhur” u “ta’ iktar minn tliet xhur” (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“residenza temporanja”), u d-“dritt ta’ residenza permanenti”, irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV u li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tiegħu jinsabu fl-Artikoli 16 sa 18 ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, għandna quddiemna biss ir-residenza temporanja, li se tiġi ttrattata iktar ’il quddiem, u dan ser jippermetti li jiġu identifikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw deċiżjoni ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva.

a)      Id-dritt ta’ residenza temporanja previst mid-Direttiva dwar ir-residenza

1)      Id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur

38.      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sa tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kundizzjoni jew għal xi formalità oħra għajr l-obbligu li jkollhom karta tal-identità valida jew passaport validu. Għalkemm l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma jimponi ebda kundizzjoni marbuta mar-riżorsi finanzjarji taċ-ċittadin tal-Unjoni, l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jżomm dan id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur sakemm dan iċ-ċittadin ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru (12). Din ir-regola hija konsistenti mal-Artikolu 24(2) tal-istess direttiva, li jippermetti lill-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari, li ma jagħtix id-dritt għal benefiċċju ta’ għajnuna soċjali għall-ewwel tliet xhur ta’ residenza.

39.      Fir-rigward tal-verifika ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ residenza, għalkemm dan l-Istat Membru ma jistax jobbliga liċ-ċittadini tal-Unjoni jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti (13), huwa madankollu intitolat li jimponi fuq dawn iċ-ċittadini l-obbligu li jagħtu prova tal-identità u tan-nazzjonalità tagħhom, sakemm dan l-obbligu jiġi impost fuq iċ-ċittadini tiegħu stess f’dak li jirrigwarda l-karta tal-identità tagħhom (14). Madankollu, dak l-Istat Membru ma jistax jikkontesta d-dritt ta’ residenza għar-raġuni biss li ċittadin ma ppreżentax wieħed jew l-ieħor mid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata tista’ madankollu tistabbilixxi, b’mod inekwivokabbli, in-nazzjonalità tagħha b’mezzi oħrajn (15).

2)      Id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur

40.      Ċittadin tal-Unjoni għandu wkoll dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn tliet xhur meta jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (ċ) tad-Direttiva dwar ir-residenza, jiġifieri, essenzjalment: (a) huwa ħaddiem impjegat jew ħaddiem li jaħdem għal rasu f’dan l-Istat Membru, jew (b) għadu riżorsi suffiċjenti kif ukoll assigurazzjoni għall-mard komprensiva għalih u għall-membri tal-familja tiegħu fl-imsemmi Stat Membru, jew (c) huwa student u għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva.

41.      L-Istati Membri jistgħu jobbligaw liċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti, iżda t-terminu mogħti għar-reġistrazzjoni ma jistax ikun inqas minn tliet xhur mid-data tal-wasla (16). Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar ir-residenza, fejn ikun hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin jew il-membri tal-familja tiegħu jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Madankollu, din il-verifika ma tistax tkun sistematika. Fl-aħħar nett, l-Istat Membru jista’ jobbliga lill-persuna kkonċernata li tirrapporta l-preżenza tagħha fit-territorju tiegħu fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju wara d-dħul tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (17).

3)      Id-dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja

42.      Il-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni jistgħu jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(2) (għal residenza sa tliet xhur) jew fl-Artikolu 7(1)(d) u (2) tad-Direttiva dwar ir-residenza (għal residenza ta’ iktar minn tliet xhur), jiġifieri jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mid-dritt ta’ residenza (18).

b)      Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza

43.      Id-Direttiva dwar ir-residenza ma tinkludix biss regoli li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tipi differenti ta’ drittijiet ta’ residenza li hija tipprevedi, iżda tistabbilixxi wkoll numru ta’ dispożizzjonijiet intiżi li jirregolaw is-sitwazzjoni li tirriżulta mit-telf tal-benefiċċju ta’ wieħed minn dawn id-drittijiet.

44.      F’dan ir-rigward, id-Direttiva dwar ir-residenza tipprevedi żewġ xenarji li fihom l-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjonijiet ta’ tkeċċija: meta deċiżjoni bħal din tittieħed “għal raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika” (Artikolu 27 ta’ din id-direttiva) jew meta din id-deċiżjoni tittieħed “għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika” (Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva) (19).

45.      Fir-rigward tat-tieni xenarju, li taħtu taqa’ l-kawża prinċipali, għandu jiġi nnotat l-ewwel nett li l-Artikolu 15, li jidher fil-Kapitolu III tal-istess direttiva, jirrigwarda biss lill-benefiċjarji ta’ residenza temporanja, u mhux lil dawk ta’ residenza permanenti (20). Madankollu, għall-kuntrarju tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar ir-residenza (21), is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri ospitanti jistgħu jadottaw deċiżjonijiet li jillimitaw il-moviment liberu, b’mod partikolari deċiżjonijiet ta’ tkeċċija, ma joħorġux espressament mill-kliem tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni ma tippreċiżax liema huma r-“raġunijiet għajr [dawk stabbiliti fl-Artikolu 27 ta’ dik id-Direttiva]”.

46.      Minkejja s-silenzju tat-testi, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza bħala li jipprevedi s-sistema li hija applikabbli meta jintemm dritt ta’ residenza temporanju skont din id-direttiva, b’mod partikolari meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu li, fil-passat, ikun ibbenefika minn dritt ta’ residenza temporanja ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza inkwistjoni u għalhekk jista’, bħala prinċipju, jitkeċċa mill-Istat Membru ospitanti (22).

47.      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jista’ jiġi dedott li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza jistgħu jiġu stabbiliti biss abbażi ta’ qari flimkien tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu III tal-istess direttiva dwar il-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza temporanja.

48.      F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jillimitaw il-moviment liberu jirrigwardaw kemm iċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom (23). Fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ għalhekk tittieħed minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) (residenza sa tliet xhur) jew fl-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) (residenza ta’ iktar minn tliet xhur), ta’ din id-direttiva, kif esposti fil-punti 38 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fir-rigward tal-membri tal-familja, tali deċiżjoni tista’ wkoll tittieħed minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza dderivat jew taż-żamma tiegħu, kif ippreżentati fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

49.      Madankollu, l-imsemmija direttiva tinkludi żewġ eċċezzjonijiet għar-regola li deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun iġġustifikata meta l-kundizzjonijiet ta’ residenza temporanja ma jibqgħux issodisfatti.

50.      Minn naħa, id-Direttiva dwar ir-residenza tippreċiża, fil-premessa 16 tagħha, li sakemm iċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom ma “jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew” (24). Dan ir-rekwiżit huwa fil-fatt koerenti, l-ewwel nett, mal-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi, essenzjalment, li l-iskadenza tal-karta tal-identità jew tal-passaport li jkun ippermetta d-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma tikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex dan l-Istat Membru jieħu miżura ta’ tkeċċija, it-tieni nett, mal-Artikolu 14(3) tal-istess direttiva, li jipprevedi li meta ċittadin tal-Unjoni jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali dan ma jwassalx awtomatikament għal miżura ta’ tkeċċija, u t-tielet nett, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) u tal-Artikolu 24(2) tal-imsemmija direttiva li jirrigwardaw l-użu tas-sistema ta’ għajnuna soċjali (ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

51.      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ residenza skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza, deċiżjoni ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva kontra ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu tista’ tkun iġġustifikata biss jekk il-kundizzjoni ta’ residenza nieqsa tkun torbot mal-kriterju tal-piż mhux raġonevoli fuq is-sistema soċjali tal-Istat Membru ospitanti, peress li l-kundizzjonijiet relatati mal-pussess ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport validu ma humiex evidentement suffiċjenti, waħedhom, sabiex jiġġustifikaw tali miżura ta’ tkeċċija (25).

52.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(4) u l-aħħar sentenza tal-premessa 16 tal-istess direttiva jipprovdu, essenzjalment, li miżura ta’ tkeċċija ma għandha, fl-ebda każ, tiġi adottata kontra ħaddiema impjegati, ħaddiema li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol, ħlief għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jistgħux jitkeċċew sakemm dawn iċ-ċittadini jkunu f’pożizzjoni li jipproduċu l-prova li għadhom qegħdin ifittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jiġu impjegati (26).

53.      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ residenza skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza, deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tistax tittieħed kontra ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu, li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ residenza previsti fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-ħaddiema (impjegati jew li jaħdmu għal rashom) u dan, indipendentement mill-fatt li dan iċ-ċittadin jew dan il-membru tal-familja tiegħu jista’ jikkostitwixxi piż, anki mhux raġonevoli, fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

2.      Fuq il-portata tad-domandi preliminari

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li huwa utli li nagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin dwar il-portata tad-domandi preliminari.

55.      Fl-ewwel lok, jidhirli li huwa utli li jitfakkar li l-qorti tar-rinviju tispjega li, minkejja l-aġir kriminali ta’ FS, is-Segretarju tal-Istat ma bbażax id-deċiżjoni ta’ tkeċċija fuq l-Artikolu 27, iżda esklużivament fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk dan l-aġir kriminali setax jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 27, u jiġġustifika miżura ta’ tkeċċija f’dan ir-rigward (27).

56.      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li, għalkemm id-deċiżjoni ta’ tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttieħdet minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza, id-domandi preliminari, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju, jirreferu, b’mod iktar ġenerali, għad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija kollha li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. Issa, kif tfakkar iktar ’il fuq, l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva japplika meta dritt ta’ residenza temporanja skont din l-istess direttiva jintemm minħabba li l-persuna kkonċernata tirriskja li ssir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, ir-risposta mitluba mill-qorti tar-rinviju ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tkun limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni jitkeċċa biss għal raġunijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza anki jekk, fir-realtà, dawn ir-raġunijiet jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-motivi ta’ tkeċċija.

57.      Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-punti 45 u 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-analiżi titlaq mill-preżuppost li huwa eskluż li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati jkunu ċittadini li għandhom dritt għal residenza permanenti jew ħaddiema impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol li jibbenefikaw mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva dwar ir-residenza.

58.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi ppreċiżat li, fl-assenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni tal-Unjoni, l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija jiġu evalwati biss meta ċittadin imkeċċi jinvoka mill-ġdid dritt ta’ residenza quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li din l-evalwazzjoni tvarja skont l-Istat Membru li jittratta din l-applikazzjoni l-ġdida għad-dritt ta’ residenza. Fil-fatt, jekk, wara li jkun telaq mill-Istat Membru ospitanti, dan iċ-ċittadin jinvoka dritt ġdid ta’ residenza fi Stat Membru ieħor (jew pajjiż terz), dan, ma għandux raġuni, bħala prinċipju, għaliex ma jikkunsidrax li l-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-Istat Membru ospitanti sadanittant intemmu. L-eżami li ġej għalhekk jikkonċerna biss il-konfigurazzjoni ta’ din il-kawża, li fiha ċ-ċittadin inkwistjoni telaq mill-Istat Membru ospitanti u qed jinvoka dritt ġdid ta’ residenza mal-istess Stat Membru, mingħajr ma sadanittant ingħata formalment dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor (28).

B.      Eżami tad-domandi preliminari

1.      Fuq it-tluq fiżiku ta’ ċittadin tal-Unjoni bħala ċirkustanza suffiċjenti għall-eżekuzzjoni sħiħa ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza

59.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza titqies li ġiet eżegwita b’mod sħiħ, b’tali mod li din ma tibqax tipproduċi l-effetti legali tagħha ratione temporis.

60.      Il-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentaw pożizzjonijiet diverġenti. Minn naħa, FS jipproponi li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, b’tali mod li, essenzjalment, tali deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi eżegwita kompletament minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata tkun telqet, qabel l-iskadenza tat-terminu previst, anki jekk għal żmien limitat, mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, u fil-mument meta hija għamlet dan. Din il-persuna għandha għalhekk tkun tista’ tinvoka dritt ġdid ta’ residenza għal perijodu ta’ tliet xhur, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-residenza. Min-naħa l-oħra, il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu l-pożizzjoni tas-Segretarju tal-Istat li, essenzjalment, is-sempliċi tluq fiżiku taċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jeżawrixxi l-effetti legali ta’ tali deċiżjoni, billi jsostnu li tali interpretazzjoni tmur kontra l-effett utli ta’ din id-direttiva (29).

61.      Għar-raġunijiet li ġejjin, jiena naqbel ma’ din it-tieni pożizzjoni.

62.      Infakkar, qabelxejn, li interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tiegħu, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv u ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha (30).

63.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza, nikkonstata li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma tipprovdi ebda element li jista’ jippermetti li jiġu evalwati l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement jindika li “[i]l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu […] għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”, il-paragrafu 2, li “[l]-iskadenza tal-karta ta’ l-identità jew tal-passaport […] m’għandhiex tikkostitwixxi raġuni għal tkeċċija […]”, u l-paragrafu 3, li “[l-]Istat Membru m’għandux jimponi projbizzoni fuq id-dħul fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija […]”.

64.      Barra minn hekk, l-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva dwar ir-residenza, li għalihom jirreferi l-Artikolu 15(1) tagħha u li japplikaw b’analoġija (31), għalkemm fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija, ma jagħmlux dan b’rabta mar-ratione temporis (32). Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 30(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-partijiet ikkonċernati d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija bil-miktub, filwaqt li jindikaw iż-żmien mogħti sabiex wieħed jitlaq mit-territorju tagħhom, u jispeċifika li “[ħ]lief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess […] m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika”.

65.      Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk bħala effett, essenzjalment, li jtawlu r-residenza ta’ persuna mkeċċija b’perijodu massimu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Għaldaqstant, jista’ jiġi sostnut li din l-estensjoni tkun mingħajr ebda utilità jekk ikun suffiċjenti li l-persuna kkonċernata tmur fiżikament fi Stat Membru ġar, sabiex tiġi eżegwita kompletament deċiżjoni ta’ tkeċċija. Madankollu, moqri fil-kuntest iktar ġenerali tiegħu, l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva dwar ir-residenza ma huwiex intiż sabiex jirregola l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija iżda pjuttost, minn naħa, sabiex jiggarantixxi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħmel użu effettiv mir-rimedji ġudizzjarji stabbiliti mill-Istati Membri (33) u, min-naħa l-oħra, li jagħtiha terminu raġonevoli li jippermettilha torganizza t-tluq tagħha.

66.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li la l-Artikolu 15 u lanqas l-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva dwar ir-residenza ma jippermettu li tingħata risposta definittiva fir-rigward tal-mod kif deċiżjoni ta’ tkeċċija teżawrixxi l-effetti legali tagħha.

67.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza, għandu jitfakkar li din tippermetti r-restrizzjoni tal-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni “għal raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika” u għal “raġunijiet għajr dawk” (ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għalkemm l-imsemmija direttiva ma tipprevedix il-miżuri li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-moviment liberu, hija tinkludi, madankollu, dispożizzjoni li tirregola l-effetti ratione temporis ta’ waħda minn dawn il-miżuri, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju.

68.      Fil-fatt, l-Artikolu 32 tad-Direttiva dwar ir-residenza jippermetti t-tressiq ta’ applikazzjoni għat-tneħħija ta’ din il-projbizzjoni wara “perjodu raġonevoli, skond iċ-ċirkostanzi, u fi kwalunkwe każ wara tliet snin mill-infurzar ta’ l-aħħar ordni ta’ tkeċċija […], billi jiġu ppreżentati argumenti biex jiġi stabbilit li kien hemm tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw id-deċiżjoni li tordna l-esklużjoni tagħhom”.

69.      Issa, fil-fehma tiegħi, il-fatt li din id-direttiva tirregola l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju u ma tinkludi ebda dispożizzjoni ekwivalenti fl-Artikolu 32 tagħha li jiffissa l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet l-oħra li jillimitaw il-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’mod partikolari deċiżjonijiet ta’ tkeċċija meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, ma jistax juri la, permezz ta’ interpretazzjoni b’analoġija, li l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija jkomplu jippersistu matul terminu raġonevoli, u lanqas, permezz ta’ interpretazzjoni, a contrario, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija jispiċċaw għas-sempliċi fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq fiżikament mill-Istat Membru ospitanti (34).

70.      Minn dan isegwi li ma tista’ tinsilet ebda preċiżazzjoni dwar il-mod kif deċiżjoni ta’ tkeċċija teżawrixxi l-effetti tagħha ratione temporis minn interpretazzjoni kuntestwali tad-Direttiva dwar ir-residenza.

71.      Peress li l-interpretazzjonijiet letterali u kuntestwali ma humiex konklużivi, huwa għalhekk biss fid-dawl tal-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva dwar ir-residenza u tal-effett utli tagħha li jistgħu eventwalment jinstabu elementi ta’ risposta għal din l-ewwel domanda.

72.      Għalhekk, fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza, ninnota qabelxejn li din id-dispożizzjoni għandha għan doppju. Minn naħa, għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ta’ garanziji proċedurali għad-deċiżjonijiet adottati abbażi ta’ dan l-artikolu, simili għal dik applikabbli għad-deċiżjonijiet li jillimitaw il-moviment liberu adottati abbażi tal-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva (35). Min-naħa l-oħra, sa fejn jippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jillimitaw il-moviment liberu meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu ma jibqax jissodisfa wħud mill-kundizzjonijiet ta’ residenza temporanja, l-imsemmi Artikolu 15 għandu għan inqas evidenti imma daqstant importanti. Fil-fatt, dan l-artikolu jikkostitwixxi l-unika dispożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-residenza li jistgħu jinvokaw l-Istati Membri sabiex jiżguraw, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, li l-persuni li ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza temporanja u li jirrappreżentaw piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tagħhom ta’ għajnuna soċjali, jistgħu jitkeċċew mit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-effett utli tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza, filwaqt li tipproteġi r-riżorsi finanzjarji pubbliċi ta’ Stat Membru (36).

73.      Huwa fir-rigward ta’ dan it-tieni għan tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza li għandu jiġi evalwat, fil-fehma tiegħi, jekk it-tluq fiżiku ta’ ċittadin tal-Unjoni huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi eżegwita b’mod sħiħ.

74.      F’dan ir-rigward, inqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva li deċiżjoni ta’ tkeċċija tieqaf, b’mod kważi mekkaniku, milli tipproduċi effetti legali mill-mument li ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti twassal, essenzjalment, sabiex iċċaħħad mill-effett utli mhux biss lil dan l-artikolu, iżda wkoll, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet kollha li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza temporanja.

75.      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punti 43 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza jistgħu jvarjaw skont it-tip ta’ residenza li jibbenefika minnha ċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu qabel it-tkeċċija tiegħu. Madankollu, għandhom punt komuni bejniethom, din il-persuna ma għandhiex tkun suġġetta għal miżuri ta’ tkeċċija sakemm ma ssirx piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

76.      Issa, jidhirli li huwa evidenti li ma huwiex billi jaqsam il-fruntieri tal-Istat Membru ospitanti li ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jista’, minn jum għal ieħor, jibdel l-istatus tiegħu, b’mod li ma jibqax jirrappreżenta tali piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru. Kieku dan kien il-każ, id-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza ma jkollhom, fir-realtà, ebda saħħa vinkolanti. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “tkeċċija” jiġi mċaħħad minn kull effett utli kieku, pereżempju, ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jippretendi li jkun ikkonforma mad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mis-sempliċi fatt tal-preżenza fiżika momentanja tiegħu fi Stat Membru konfinanti.

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi eżegwita b’mod sħiħ, b’tali mod li ma jkollhiex iktar effetti legali, minħabba s-sempliċi fatt li ċittadin tal-Unjoni jkun telaq fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

78.      Għaldaqstant, għalkemm ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, jonqos madankollu li jiġi ddeterminat it-tul ratione temporis tal-effetti legali ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

2.      Fuq l-effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza

79.      Jekk huwa inkunsiderazzjoni tal-effett utli tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza li ġiet miċħuda l-proposta li l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija jispiċċaw għall-fatt li l-persuna kkonċernata qasmet il-fruntiera tal-Istat Membru ospitanti, inqis, għal finijiet ta’ koerenza, li huma dawn l-istess rekwiżiti marbuta maż-żamma tal-effettività tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva li għandhom jiggwidaw l-analiżi tiegħi dwar l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija.

a)      Fuq il-kriterju tat-“tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi” li ġġustifika d-deċiżjoni ta’ tkeċċija

80.      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li miżura ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza titlef neċessarjament l-iskop tagħha, u għalhekk tiskadi, jekk il-persuna mkeċċija jirnexxielha turi li, wara t-tkeċċija tagħha, anki l-għada tal-ġurnata li fiha hija telqet mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, “tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi” (37) jippermettilha, minn issa ’l quddiem, li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza li kienu nieqsa u kienu ġġustifikaw din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

81.      Fil-fatt, f’dan il-każ, ċittadin tal-Unjoni għandu jkun jista’ juri lill-amministrazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija skadiet sabiex jinvoka dritt ta’ residenza ġdid, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-residenza. Huwa ovvju li tali tibdil materjali fiċ-ċirkustanzi jseħħ mill-mument meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ mill-ġdid jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem (impjegat jew persuna li taħdem għal rasha) jew bħala persuna li qed tfittex xogħol fl-Istat Membru ospitanti ta’ qabel, sa fejn tali status jeskludi t-telf tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva għalhekk ikun inkompatibbli mal-eżistenza konkomitanti ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija (38).

82.      Anki jekk tali sitwazzjonijiet huma possibbli, fir-realtà, huwa rari li tali tibdil materjali fiċ-ċirkustanzi jseħħ ftit żmien wara t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, tali tibdil iseħħ biss, ħafna drabi, wara residenza f’pajjiż ieħor. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-uniku mod għal din il-persuna li tkun tista’ tirrisjedi mill-ġdid fl-Istat Membru ospitanti huwiex li tagħti prova ta’ tali tibdil materjali fiċ-ċirkustanzi.

83.      Għal din id-domanda, inqis li r-risposta hija evidentement negattiva. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-ispirtu stess tad-Direttiva dwar ir-residenza, li hija intiża sabiex tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, li jiġi deċiż li deċiżjoni ta’ tkeċċija tkompli tipproduċi l-effetti tagħha sakemm ma jkunx hemm tibdil materjali tal-istatus tal-persuna kkonċernata. Tali approċċ jista’ jkollu bħala riżultat li jipperpetwa l-effetti ta’ din id-deċiżjoni ratione temporis, jekk ikun il-każ b’mod illimitat, u b’hekk jagħti lok għal ostakolu sproporzjonat għal-libertà ta’ residenza.

84.      Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni bħal din, jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ soluzzjonijiet: l-ewwel waħda hija li t-tul tal-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija jiġi ddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien preċiż ta’ residenza barra mill-Istat Membru ospitanti wara t-tkeċċija, punt ta’ riferiment li japplika b’mod sistematiku, filwaqt li t-tieni hija li t-tul tal-effetti tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, jiġi ddeterminat mhux esklużivament abbażi tat-tul ta’ żmien tar-residenza barra minn dan l-Istat Membru, iżda abbażi ta’ elementi oħra.

85.      Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il quddiem, nipproponi li l-ewwel soluzzjoni tiġi miċħuda u li tiġi adottata t-tieni waħda.

b)      Fuq il-kriterju ta’ residenza “matul perijodu determinat” barra mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti

86.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ċittadin tal-Unjoni li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza għandux jirrisjedi għal żmien determinat barra mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, sabiex din id-deċiżjoni titqies li ġiet eżegwita b’mod sħiħ. Fl-affermattiv, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina dan it-tul.

87.      Għalkemm il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni jaqblu li jikkunsidraw li s-sempliċi tluq fiżiku mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jeżawrixxi l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, huwa biss il-Gvern Olandiż li jikkunsidra li tali eżawriment iseħħ meta ċittadin ikun telaq minn dan l-Istat Membru b’mod reali u effettiv matul perijodu determinat, jiġifieri tal-inqas għal tliet xhur. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, dan il-gvern ippreċiża, b’mod partikolari waqt is-seduta, li, matul dawn it-tliet xhur, persuna mkeċċija mill-Istat Membru ospitanti ma tkunx tista’ tinvoka dritt ġdid ta’ residenza (ħlief fil-każ ta’ “tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi”), iżda tista’ tkompli tidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-residenza. Madankollu, dan id-dritt ta’ dħul jingħata biss jekk jintwera li teżisti raġuni speċifika u konkreta li tiġġustifika l-preżenza tiegħu f’dan it-territorju (pereżempju, eżami mediku jew xirja ta’ darba, eċċ.). Fl-assenza ta’ tali ġustifikazzjoni, il-persuna inkwistjoni tkun preżunta li tinsab f’dan it-territorju fil-kontinwità tad-dritt ta’ residenza preċedenti tagħha, u għalhekk, bi ksur tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

88.      Il-proposta tal-Gvern Olandiż tippreżenta inkontestabbilment vantaġġi mill-perspettiva tal-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija. Fil-fatt, il-fatt li jintalab fil-każijiet kollha l-istess perijodu minimu ta’ residenza barra mill-Istat Membru ospitanti fil-livell tal-Unjoni jiggarantixxi ċerta prevedibbiltà u għalhekk iċ-ċertezza legali, sa fejn dan jippermetti kemm liċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri li jkunu jafu, minn qabel, għal kemm żmien id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ titqies li tipproduċi effetti legali. Din il-prevedibbiltà hija iktar u iktar żgurata peress li, skont l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva dwar ir-residenza, dan il-perijodu jista’ jibda jiddekorri f’data preċiża, jiġifieri xahar wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, mingħajr ma tkun meħtieġa prova ta’ tkeċċija effettiva li, fl-assenza ta’ fruntieri interni, tkun diffiċli li tiġi pprovduta.

89.      Madankollu, l-affermazzjoni li l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija għandhom dejjem idumu għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur tobbliga, fir-realtà, liċ-ċittadin tal-Unjoni jistabbilixxi residenza ta’ tliet xhur barra mill-Istat Membru ospitanti qabel ma jkun jista’ jinvoka dritt ta’ residenza ġdid skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva ta’ residenza. Approċċ bħal dan, fil-fehma tiegħi, ikun kuntrarju mhux biss għall-kliem, iżda wkoll għall-ispirtu ta’ din id-direttiva.

90.      Fil-fatt, minn naħa, tali approċċ jistabbilixxi r-residenza ta’ perijodu ta’ tliet xhur barra mill-Istat Membru ospitanti bħala kundizzjoni sine qua non tad-dritt fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Issa, fid-dawl tan-natura fundamentali ta’ dan id-dritt (39), mhux biss dan ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (40), iżda, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, jista’ jiġi limitat biss meta tali limitazzjoni tkun prevista mit-Trattat FUE jew mid-dritt sekondarju (41).

91.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda regola tad-dritt sekondarju, b’mod partikolari fost dawk tad-Direttiva dwar ir-residenza, ma tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari ta’ dawk li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, għall-prova ta’ residenza barra mill-Istat Membru ospitanti għal perijodu determinat, kemm jekk għal tliet xhur kif ukoll għal perijodu iqsar. Għaldaqstant, l-approvazzjoni tal-proposta tal-Gvern Olandiż tikkostitwixxi kreazzjoni ġudizzjarja, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu post il-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex timponi regola speċifika dwar it-tul tal-effetti legali tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija. Tali approvazzjoni tippreġudika mhux biss il-kliem tal-Artikolu 21(1) TFUE, iżda wkoll il-prinċipji tal-ekwilibriju istituzzjonali u tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi, kif stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jipprevedi, fid-Direttiva dwar ir-residenza, perijodu preċiż għall-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija meħuda skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, kif għamel fir-rigward tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni mit-territorju (42).

92.      Min-naħa l-oħra, din il-proposta tal-Gvern Olandiż tmur ukoll kontra l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu, kif iggarantit mill-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-residenza, sa fejn timponi ex officio kundizzjoni addizzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ dħul, il-ġustifikazzjoni “speċifika u konkreta” taż-żjara taċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti. Issa, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ dħul, li jikkostitwixxi espressjoni tal-libertà ta’ moviment liberu fl-Unjoni, huwa diffiċilment konċiljabbli ma’ tali obbligu ta’ ġustifikazzjoni, b’mod partikolari għaliex, fid-dawl tan-natura suġġettiva u potenzjalment arbitrarju tiegħu, jista’ jiddiswadi lill-persuni kkonċernati milli jeżerċitaw effettivament dan id-dritt. Ċertament, fil-kuntest taż-żona Schengen, fl-assenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, tali ġustifikazzjoni hija meħtieġa biss f’każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari waqt il-kontrolli tal-pulizija. Madankollu, tali prassi ta’ kontroll fuq skala kbira hija mingħajr dubju pperċepita mill-persuni kkonċernati bħala l-istabbiliment indirett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, sa fejn ir-raġunijiet ippreżentati jistgħu jiġu sistematikament ipperċepiti bħala insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Prattika bħal din tmur kontra l-ispirtu stess tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar ir-residenza, li jipprojbixxi lil dan l-Istat Membru milli jissuġġetta deċiżjoni ta’ tkeċċija għal projbizzjoni ta’ dħul.

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li nikkonkludi li hemm lok li tiġi miċħuda l-proposta tal-Gvern Olandiż li l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija għandhom b’mod sistematiku (43) jippersistu matul perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur.

94.      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti li dan il-gvern jislet, bil-qari a contrario, tad-dispożizzjonijiet dwar l-“abbuż” tal-Linji gwida tal-Kummissjoni (44) u tas-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (45), sabiex jipprova li dritt ġdid ta’ residenza skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-residenza jista’ jinfetaħ biss mill-mument li fih kien hemm “residenza ġenwina u effettiva” barra mill-Istat Membru ospitanti.

95.      Qabelxejn, l-aġir tal-persuni li, wara li jkunu tkeċċew mit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti, jixtiequ jirritornaw hemmhekk sabiex jirrisjedu fih, ma jistax jiġi deskritt bħala “abbużiv”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Linji gwida tal-Kummissjoni, sa fejn dan ma huwiex aġir artifiċjali adottat bl-għan uniku li jinkiseb id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera skont id-dritt tal-Unjoni u li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma jilħaqx l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni (46). Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat sempliċement jekk din il-persuna tistax tingħata dritt ġdid ta’ residenza jekk tosserva b’mod formali l-kundizzjonijiet previsti minn din il-leġiżlazzjoni.

96.      Sussegwentement, fuq il-mertu, il-fattur ta’ konnessjoni bejn is-sentenza O. u B. u l-każ ta’ persuna li tixtieq tirrisjedi mill-ġdid fl-Istat Membru ospitanti huwa dgħajjef, sa fejn dawn il-kawżi ma humiex paragunabbli. Fil-fatt, f’din is-sentenza O. u B., il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li kellu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, fil-mument tar-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin fl-imsemmi Stat Membru, meta dan, qabel ir-ritorn tiegħu, kien irrisjeda fi Stat Membru ieħor mal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, unikament fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni. Il-kwistjoni kienet tirrigwarda, għalhekk, il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza sekondarju liċ-ċittadin ta’ Stat terz u huwa f’dan il-kuntest partikolari li l-kriterju ta’ “residenza effettiva” fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membru tal-familja tiegħu tqies bħala li jagħti lok għal dritt sekondarju, mar-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu kellu n-nazzjonalità (47). Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata ma hijiex qed tinvoka dritt ta’ residenza sekondarju li hija kisbet billi stabbilixxiet ruħha fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ospitanti, sabiex tibbenefika minn dak id-dritt fl-Istat Membru ospitanti meta tirritorna fih.

97.      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal din is-sentenza O. u B., wara deċiżjoni ta’ tkeċċija, ma hemm l-ebda raġuni sabiex tintalab “residenza permanenti” jew “residenza effettiva” fi Stat Membru differenti minn dak li adotta din id-deċiżjoni. Dak li huwa importanti huwa li l-persuna kkonċernata temmet ir-residenza tagħha fit-territorju tal-Istat Membru li adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Fil-fatt, l-obbligu ta’ tluq mit-territorju wara deċiżjoni ta’ tkeċċija ma jistax jagħti lok għal obbligu li wieħed jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor u li jinkiseb “residenza effettiva” ġdida, peress li tali obbligu jmur kontra l-libertà fundamentali taċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fejn huwa jixtieq fit-territorju tal-Unjoni.

c)      Fuq l-elementi l-oħra rilevanti

98.      Mill-analiżi tiegħi jirriżulta, minn naħa, li l-effetti legali tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza ma jiġux eżawriti mill-fatt li ċ-ċittadin ikkonċernat jitlaq fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, li dawn l-effetti ma jistgħux jippersistu sakemm iċ-ċittadin ma jissodisfax mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ residenza jew ta’ żmien speċifiku ta’ residenza barra minn dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti jkollhom iqisu, każ b’każ, l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija.

99.      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-residenza li għandu jiggwida fil-preparazzjoni tal-elementi rilevanti, inqis li mill-inqas tliet tipi ta’ elementi għandhom ikunu parti mis-sensiela ta’ indizji meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.

100. Fl-ewwel lok, inqis li, sabiex l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija jiġu eżawriti fir-rigward ta’ persuna u sabiex din tkun tista’ tikseb mill-ġdid id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, huwa neċessarju li hija tkun telqet mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, u għaldaqstant tkun effettivament temmet ir-residenza tagħha f’dan il-pajjiż. F’dan il-każ, l-amministrazzjoni jkollha tivverifika jekk persuna effettivament ħaditx il-passi kollha neċessarji sabiex turi li hija waqfet tirrisjedi fl-imsemmi Stat Membru. L-elementi segwenti, li jvarjaw skont it-tip ta’ residenza inkwistjoni, jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi ddeterminata n-natura ġenwina u effettiva tat-tmiem tar-residenza fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, meta l-persuna kkonċernata kienet tirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-residenza u tkeċċiet peress li ma baqgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta’ dan id-dritt skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, il-prova li din il-persuna għandha tipproduċi sabiex turi t-tluq effettiv tagħha minn dan it-territorju hija, min-natura tagħha u mill-fatt li l-persuna inkwistjoni ma kellhiex iż-żmien li tintegra ruħha fl-Istat Membru ospitanti, iktar faċli li tiġi prodotta. Fil-fatt, kif diġà stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-drittijiet li jikkonferilu l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza ma għandux l-għan li joqgħod fl-Istat Membru ospitanti b’mod li huwa propizju għall-iżvilupp jew għall-konsolidazzjoni ta’ ħajja tal-familja f’dan l-aħħar Stat Membru (48). Għall-kuntrarju, meta l-persuna kkonċernata kienet tirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-evidenza għall-persuna kkonċernata tista’ tkun iktar eżiġenti. Pereżempju, dan iċ-ċittadin għandu jkun jista’ juri li huwa talab il-qtugħ mir-reġistru tal-popolazzjoni, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri jew ta’ provvista tal-ilma, tal-elettriku, ġarr, it-tneħħija minn servizz ta’ impjiegi jew it-terminazzjoni ta’ relazzjonijiet oħra li jippreżupponu preżenza permanenti. F’dan ir-rigward, nikkonstata li, għalkemm it-tul ta’ assenza mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma jistax ikun, fih innifsu, determinanti, u lanqas ikkunsidrat waħdu, dan jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-elementi importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa ovvju li żmien twil ta’ assenza jimmilita favur tmiem reali u effettiv tar-residenza f’dan l-Istat Membru ospitanti, u għaldaqstant, eżawriment tal-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija.

101. Fit-tieni lok, kif diġà ġie stabbilit, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma għandhomx ikunu suġġetti għal miżuri ta’ tkeċċija sakemm ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju jikkostitwixxix tali piż mhux raġonevoli u titkompla l-proċedura, jekk ikun il-każ, għat-tkeċċija tiegħu, skont il-premessa 16 tad-Direttiva dwar ir-residenza, l-imsemmi Stat Membru huwa obbligat li jeżamina “jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u [li] jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat”. Filwaqt li jispiraw ruħhom minn dawn il-kriterji, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom għalhekk ikunu jistgħu jivverifikaw, abbażi ta’ eżami individwali, jekk il-persuna mkeċċija, minkejja li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza, ma tibqax tirrappreżenta piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali, u tistax għalhekk tinvoka dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Din l-evalwazzjoni tista’ tikkonsisti fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali u tal-aġir tal-persuna kkonċernata wara t-tkeċċija tagħha. F’dan ir-rigward, ninnota li l-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” huwa wiesa’ u jkopri l-benefiċċji kollha li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx ikkontribwixxa għalihom u li huma ffinanzjati mill-fondi pubbliċi (49). Bħala eżempju, meta persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, turi aġir kriminali ripetut wara t-tkeċċija tagħha (50), dan l-aġir jista’ jkun rilevanti peress li jista’ jirrifletti r-riskju li jirrappreżenta piż mhux raġonevoli minħabba l-mobilizzazzjoni, minħabba l-aġir tal-persuna inkwistjoni, ta’ parti kunsiderevoli tar-riżorsi tal-pulizija. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa n-natura mhux raġonevoli ta’ tali użu tal-għajnuna soċjali.

102. Fit-tielet u l-aħħar lok, element ieħor li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-intenzjoni tal-persuna inkwistjoni li tikkonforma mad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u li taqta’ r-rabtiet eżistenti mal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dan l-element tinvolvi sensiela ta’ diffikultajiet prattiċi, b’mod partikolari, għaliex jidher li huwa diffiċli li titqies, b’mod oġġettiv, l-intenzjoni reali ta’ xi ħadd li jtemm ir-residenza tiegħu. Fil-fatt, tali neċessità timponi fuq l-amministrazzjoni nazzjonali l-obbligu li twettaq “proċess purament ta’ intenzjoni”, li diffiċilment jiġi ssostanzjat minn indizji oġġettivi, speċjalment jekk ikun għadda ftit żmien biss bejn id-data tat-tluq u l-verifika mill-amministrazzjoni jew jekk ikun hemm prossimità ġeografika bejn il-post fejn din il-persuna tirrisjedi u l-Istat Membru ospitanti.

V.      Konklużjoni

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi):

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ tkeċċija minn Stat Membru ospitanti, adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax titqies li ġiet eżegwita b’mod sħiħ u li ma għadhiex tipproduċi effetti legali minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata minn din id-deċiżjoni tkun telqet fiżikament minn dan l-Istat Membru. Huma l-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru li għandhom jevalwaw l-effetti ratione temporis ta’ tali deċiżjonijiet abbażi ta’ eżami individwali tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tibdil materjali eventwali fiċ-ċirkustanzi li jippermettu lil din il-persuna tissodisfa mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ residenza li kienu nieqsa u li kienu ġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ tkeċċija jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ tmiem reali u effettiv tar-residenza f’dan l-Istat Membru ospitanti, it-tul ta’ residenza barra t-territorju ta’ dan tal-aħħar huwa, f’dan ir-rigward, kriterju indikattiv iżda mhux determinanti fih innifsu, kif ukoll ir-riskju li l-imsemmija persuna tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 (ĠU 2011, L 141, p. 1).


3      Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta ċerti aspetti oħra tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-residenza, b’mod partikolari l-portata tal-garanziji proċedurali previsti minn dan l-artikolu, fis-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punti 42 sa 52), u tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punti 71 sa 88). Dawn il-garanziji proċedurali ġew interpretati wkoll fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża G. M. A. (Persuna li qiegħda tfittex xogħol) (C‑710/19, EU:C:2020:739, punti 86 sa 99).


4      Ara r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1).


5      Dan ir-Reġistru jagħmel parti integrali mir-Reġistru tal-popolazzjoni u jinkludi, fost l-oħrajn, id-data tal-persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal inqas minn erba’ xhur.


6      Fil-fatt, ġie kkonstatat li FS kien ħadem ħames xhur fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda ma baqax jeżerċita attività ekonomika, ma kienx wera li kien involontarjament qiegħed jew li kien qed ifittex xogħol u ma kellux riżorsi suffiċjenti sabiex ikun jista’ jmantni lilu nnifsu.


7      Sadanittant, is-Segretarju tal-Istat irrettifika din l-evalwazzjoni, billi rrikonoxxa li FS kien ħa azzjoni kontra din id-deċiżjoni fit-terminu stabbilit (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


8      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punti 53 u 56).


9      Ara l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom[, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid‑19 ta’ Ġunju 1990] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9) u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995.


10      Ara l-Artikolu 8 KE (ĠU 1992, C 191, p. 1).


11      Bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-residenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jikkodifika f’test wieħed id-dritt sekondarju preċedenti li kien jirrigwarda b’mod separat lill-ħaddiema impjegati, lill-persuni li jaħdmu għal rashom, lill-istudenti u lil persuni oħra mingħajr impjieg, sabiex jissemplifika u jsaħħaħ id-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara l-premessi 3 u 4). Peress li marret lil hinn minn dan l-approċċ frammentarju, din id-direttiva emendat jew ħassret dan id-dritt sekondarju, u b’hekk tat dimensjoni ġdida lil-libertà ta’ moviment abbażi taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata)).


12      Ara l-premessa 10 tad-Direttiva dwar ir-residenza, kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva dwar ir-residenza.


14      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punti 21 u 35).


15      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punti 24 u 25).


16      Ara l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva dwar ir-residenza.


17      Ara l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar ir-residenza.


18      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, id-direttiva dwar ir-residenza tipprevedi sitwazzjonijiet ta’ żamma tad-dritt ta’ residenza dderivat meta r-rekwiżit li wieħed jakkumpanja u jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx għadu possibbli, jiġifieri f’każ ta’ mewt jew tluq minn dan iċ-ċittadin (Artikolu 12) jew fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ tmiem ta’ unjoni rreġistrata (Artikolu 13). F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-membri tal-familja li jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, sabiex ikunu jistgħu jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom, ikunu jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva (Artikolu 12(1) u Artikolu 13(1)), filwaqt li l-membri tal-familja li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz, iridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi previsti f’dan ir-rigward, fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 13(2) tal-istess direttiva (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 66)).


19      Għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 27(1) u lanqas l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza ma jużaw it-termini “deċiżjonijiet ta’ tkeċċija”, iżda jirreferu, rispettivament, b’mod iktar ġenerali, għal “[restrizzjoni] ta’ moviment liberu u residenza” jew għal “deċiżjonijiet […] li jillimitaw il-moviment liberu”. Madankollu, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ din id-direttiva li d-“deċiżjonijiet ta’ tkeċċija” huma b’mod ċar parti minn dawn il-miżuri (ara, rispettivament, l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 15(2) u (3) tal-imsemmija direttiva).


20      Fil-fatt, skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva dwar ir-residenza, Stat Membru ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni jew kontra membri tal-familja tiegħu li kisbu dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief għal raġunijiet serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.


21      Ara l-Kapitolu VI tad-Direttiva dwar ir-residenza, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”.


22      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 74).


23      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza, il-membri tal-familja, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jakkumpanjaw liċ-ċittadin tal-Unjoni jew jingħaqdu miegħu, ukoll jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija minnha (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


24      Il-premessa 16 tad-Direttiva dwar ir-residenza tippreċiża barra minn hekk li “[l]-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu”.


25      L-applikazzjoni tal-kriterju tal-piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tista’ tikkonċerna wkoll il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar ir-residenza, li jirrigwarda ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ jew ta’ tmiem ta’ unjoni rreġistrata, kundizzjonijiet li ma humiex marbutin mas-sistema ta’ għajnuna soċjali.


26      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑344/95, EU:C:1997:81, punti 12 sa 18), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, G. M. A. (Persuna li qiegħda tfittex xogħol) (C‑710/19, EU:C:2020:1037, punti 22 sa 27).


27      Għal kull fini utli, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tagħna, kif ikkodifikata fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar ir-residenza, miżuri ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jkunu ġġustifikati biss jekk l-aġir inkwistjoni jirrappreżenta “theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li f’ċerti każijiet, atti rikorrenti ta’ reati żgħar jistgħu, meħuda flimkien, jikkostitwixxu att uniku li jirrappreżenta theddida suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku. Ara l-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-[Direttiva dwar ir-residenza] (COM(2009) 313 final, p. 12, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Kummissjoni”). Madankollu, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tagħna, l-eżistenza ta’ diversi kundanni ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex tistabbilixxi tali theddida u li, għalhekk, din il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi applikata biss b’mod eċċezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Polat, C‑349/06, EU:C:2007:581, punti 28 sa 39).


28      Fil-fatt, jekk Stat Membru differenti minn dak ospitanti jagħti dritt ta’ residenza ġdid, dan id-dritt ta’ residenza jtemm b’mod effettiv erga omnes d-deċiżjoni ta’ tkeċċija inkluż fir-rigward tal-Istat Membru ospitanti.


29      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont il-Gvern Olandiż, jekk terminu ġdid ta’ tliet xhur jibda jiddekorri ma’ kull qsim tal-fruntiera, dan joħloq, de facto, dritt ta’ residenza illimitat u awtomatiku, għal perijodi ta’ tliet xhur suċċessivi għall-benefiċċju ta’ ċittadini tal-Unjoni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-residenza.


30      Sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


31      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-frażi “b’analoġija” għandha tinftiehem fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva dwar ir-residenza japplikaw biss, fil-kuntest tal-Artikolu 15 tagħha, jekk dawn jistgħu effettivament jiġu applikati, jekk ikun il-każ permezz tal-aġġustamenti neċessarji, għal deċiżjonijiet meħuda għal raġunijiet li ma humiex ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 81)).


32      Ara wkoll l-Artikolu 31(4) tad-Direttiva dwar ir-residenza.


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 48).


34      Barra minn hekk, nosserva li deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju hija miżura li t-tul tagħha jista’, potenzjalment, ikun illimitat ratione temporis (“ordnijiet permanenti li jeskludu mit-territorju”), li jagħmel ħsara b’mod sproporzjonat lill-benefiċjarji tad-Direttiva dwar ir-residenza (ara l-premessa 27). Għall-kuntrarju, deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tiġi eżegwita b’mod istantanju u, anki jekk l-effetti legali ta’ tali deċiżjoni jistgħu jibqgħu fis-seħħ wara t-tkeċċija, fil-forma ta’ projbizzjoni ta’ dritt ġdid ta’ residenza, din il-projbizzjoni ma tistax iddum b’mod indefinit, għax imbagħad tiġi deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ residenza għall-ħajja.


35      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 74).


36      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Brey (C‑140/12, EU:C:2013:337, punt 44).


37      Kliem ispirat mill-Artikolu 32(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza, li jirrigwarda l-projbizzjonijiet mit-territorju, iżda li jistgħu japplikaw, b’analoġija, għad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija. Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, EU:C:1982:183, punt 12).


38      Barra minn hekk, il-membri tal-familja li kellhom, qabel it-tkeċċija tagħhom, dritt ta’ residenza dderivat għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-istess possibbiltà meta huma jissodisfaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) jew fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-residenza. Is-sitwazzjoni hija, madankollu, inqas evidenti għall-membri tal-familja li jinvokaw “iż-żamma” ta’ tali dritt, fis-sens tal-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva, sa fejn tali żamma tippreżupponi li d-dritt ta’ residenza inkwistjoni ma ġiex interrott. Issa, tali interruzzjoni sseħħ b’mod ċar meta d-dritt ta’ residenza jintemm u tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija. Għaldaqstant, meta tali membru tal-familja jkun tkeċċa, fil-fehma tiegħi, ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet li japplikaw għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza. Għaldaqstant huwa biss meta dan il-membru tal-familja jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 jew 7 tal-imsemmija direttiva li tibdil materjali fiċ-ċirkustanzi jiġġustifika mill-ġdid dritt ta’ residenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-residenza ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, peress li d-drittijiet eventwalment mogħtija lilhom jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment minn ċittadin tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 36).


39      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84), kif ukoll tal‑11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 38).


41      Fl-istess sens, peress li dan id-dritt huwa ggarantit mill-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, konformement mal-Artikolu 52 tagħha, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju ta’ dan l-istess dritt għandha “tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza [tiegħu]”.


42      Ara l-punti 68 u 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Dan ma jfissirx li, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali, l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ma jistgħux jibqgħu fis-seħħ għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur.


44      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, Linji gwida tal-Kummissjoni, punt 4.3. “Forom oħrajn ta’ abbuż”, p. 18.


45      C‑456/12, EU:C:2014:135.


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 et seq), u tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 58).


47      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punti 56 u 57).


48      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 52).


49      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Brey (C‑140/12, EU:C:2013:337, punt 41), ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 61).


50      Il-qorti tar-rinviju tindika li “[w]ara t-tneħħija tad-detenzjoni, il-pulizija reġgħet irreġistrat żewġ dikjarazzjonijiet dwar il-barrani”.