Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fit-2 ta’ Novembru 2023 – Inteligo Media SA vs Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP)

(Kawża C-654/23, Inteligo Media)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Inteligo Media SA

Konvenut: Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP)

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni fejn editur ta’ pubblikazzjoni tal-istampa online li tinforma lill-pubbliku ġenerali, mhux speċjalizzat fis-settur, dwar il-bidliet leġiżlattivi li jseħħu kuljum fir-Rumanija, jikseb l-indirizz tal-posta elettronika ta’ utent fil-mument li fih dan tal-aħħar joħloq, bla ħlas, kont bħala utent li jagħtih id-dritt (i) ta’ aċċess, bla ħlas, għal numru addizzjonali ta’ artikli dwar il-pubblikazzjoni kkonċernata, (ii) li jirċievi, permezz tal-posta elettronika, informazzjoni ta’ kuljum inkluż sommarju tal-leġiżlazzjonijiet l-ġodda koperti f’artikli fi ħdan il-pubblikazzjoni u hyperlinks għal dawn l-artikoli u (iii) ta’ aċċess, bi ħlas, għal artikli u analiżi addizzjonali u/jew iktar estensivi tal-pubblikazzjoni meta mqabbla mal-informazzjoni pprovduta ta’ kuljum bla ħlas:

a)    tali indirizz tal-posta elettronika jinkiseb mill-editur tal-pubblikazzjoni tal-istampa online “fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) 1 ?

b)    it-trażmissjoni mill-editur tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni tat-tip deskritt fil-punt (ii) tirrappreżenta “marketing dirett tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58?

Fil-każ li l-punt (a) u l-punt (b) tal-ewwel domanda jingħataw risposta fl-affermattiv, liema mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) sa (f) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data1 , għandhom jiġu interpretati bħala applikabbli meta l-editur juża l-indirizz tal-posta elettronika tal-utent bil-għan li tintbagħat informazzjoni ta’ kuljum tat-tip deskritt fil-punt (ii) tal-ewwel domanda, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2002/58?

L-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tuża l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” previst fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) 1 , flok il-kunċett ta’ “marketing dirett” previst fid-Direttiva 2002/58? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, informazzjoni tat-tip deskritt fil-punt (ii) tal-ewwel domanda tikkostitwixxi “komunikazzjoni kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31?

Fil-każ li l-punt (a) u l-punt (b) tal-ewwel domanda jingħataw risposta fin-negattiv:

a)    it-trażmissjoni permezz tal-posta elettronika ta’ informazzjoni ta’ kuljum tat-tip deskritt fil-punt (ii) tal-ewwel domanda, tikkostitwixxi “użu ta’ […] posta elettronika għall-iskopijiet ta’ marketing dirett” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58? B’mod partikolari,

b)    l-Artikolu 95 tar-Regolament 2016/679 flimkien mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb kunsens validu tal-utent fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi ssanzjonat skont l-Artikolu 83 tar-Regolament 2016/679 jew skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-att ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/58, li min-naħa tiegħu fih sanzjonijiet speċifiċi applikabbli?

L-Artikolu 83(2) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità superviżorja li tieħu d-deċiżjoni jekk timponix multa amministrattiva, kif ukoll id-deċiżjoni dwar l-ammont tal-multa amministrattiva f’kull każ għandha l-obbligu li tanalizza u tispjega fl-att amministrattiv li jimponi s-sanzjoni l-impatt ta’ kull wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-ittri (a) sa (k) ta’ dan l-artikolu fuq id-deċiżjoni li tiġi imposta multa amministrattiva, u rispettivament fuq id-deċiżjoni dwar l-ammont tal-multa amministrattiva imposta?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514.

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.