Language of document : ECLI:EU:T:2005:328

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (ir-Raba' Awla)

19 ta' Settembru 2005 (*)

" Għajnuna mill-Istat - Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta' rikors – Pubblikazzjoni ta' avviż qasir – Inammissibbiltà"

Fil-kawża T-321/04

Air Bourbon SAS, stabbilita f'Sainte-Marie, il-Gżira ta' La Rèunion (Franza), irrappreżentata minn S. Vaisse, avocat,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito u J. Buendía Sierra, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru [C (2003) 4708 finali], tas-16 ta' Diċembru 2003 li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-għajnuna N 427/2003 mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil Air Austral,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur : H. Jung,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-28 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni awtorizzat, b'rigward għad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar l-għajnuna għal skopijiet reġonali, sistema ta' għajnuna Franċiża li tikkonsisti fl-għotja ta' tnaqqis fit-taxxa lil min jagħmel investimenti produttivi f'dipartimenti extra ewropej.

2       L-għan ta' din is-sistema kien li tinkoraġġixxi l-investiment f'reġjuni li għandhom nuqqasijiet strutturali bħal l-insularità, suq lokali limitat u produttività baxxa ta' l-impriżi.

3       B'ittra tat-28 ta' Lulju 2003, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna fiskali għall-investiment extra ewropej li huma kienu qed jipproponu li jagħtu lill-kumpannija ta' l-Ajru Air Austral.

4       Permezz tad-deċiżjoni C (2003) 4708 finali, tas-16 ta' Diċembru 2003 (iktar il-quddiem id-"Deċiżjoni"), meħuda fit-tmiem tal-fażi ta' eżami preliminari previst mill-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kompatibbiltà ta' din il-miżura mas-suq komuni ma kinitx tqajjem dubji, u għaldaqstant li ma kienx hemm lok li jitqajjmu oġġezzjonijiet fuq dan is-suġġett.

5       Id-Deċiżjoni ġiet nnotifikata lill-Gvern Franċiż fis-17 ta' Diċembru 2003.

6       Fit-12 ta' Frar 2004, il-Kummissjoni ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Europea, avviż qasir li jinforma lil terzi, taħt forma ta' sunt ta' l-informazzjoni essenzjali tal-miżura ta' għajnuna nnotifikata, li hija ma kienet qeda tqajjem ebda oġġezzjoni fir-rigward ta' din l-għajnuna (ĠU C 38, p. 4). F'dan l-avviż l-Kummissjoni ppreċiżat:

"It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentiċi mingħajr dettalji kunfidenzjali, huwa disponibbli fuq is-sit:

http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/sgb/state_aids."

7       B'ittra tas-7 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni t-test komplut tad-Deċiżjoni.

8       B' ittra tad-9 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-11 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kopja tat-test komplut tad-Deċiżjoni

 Il-proċedura

9       B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fid-29 ta' Lulju 2004, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

10     B'att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fit-12 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni qajjmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 (1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim' Istanza.

11     Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-eċċezzjoni fit-12 ta' Novembru 2004.

12     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Qorti tal-Prim' Istanza fl-14 ta' Diċembru, Air Austral talbet li tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

13     Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba għal intervent fit-12 ta' Jannar 2005.

 It-talbiet tal-partijiet

14     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza:

–       tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–       tannulla d-Deċiżjoni;

–       tordna lill-Kummissjoni u lir-Republika Franċiża, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex Air Austral tħallas lura l-għajnuna li ħija ħadet indebitament;

–       tikkundanna lill-Kummisjoni tbati l-ispejjeż.

15     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-Dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

16     Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet titlob dan, il-Qorti tal-Prim' Istanza tieħu deċiżjoni dwar l-inammisibbiltà mingħajr ma tidħol fil-merti tal-kawża. Skond l-Artikolu 1(3) il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim' Istanza ma tiddeċidix mod ieħor. F'dan il-każ il-Qorti tal-Prim' Istanza jidrilha li hija għandha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti ta' l-inkartament u tal-proċess u tiddeċiedi li mhemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

 L-argumenti tal-partijiet

17     Il-Kummissjoni tosserva li r-rikors ġie ppreżentat tard. It-terminu għall-preżentata tar-rikors kien jibda' fit-12 ta' Frar 2004, id-data tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż qasir tad-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Għalhekk id-Deċiżjoni kienet disponibbli l-aktar tard fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fuq l-Internet.

18     Skond il-Kummisjoni, r-rikorrenti kienet taf b'din id-Deċiżjoni anki qabel din id-data. Fil-fatt in-notifika ta' din id-Deċiżjoni lill-Gvern Franċiż biss, ma timpedixxix li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti, bħala l-ikbar kompetitriċi ta' Air Austral, kellha tkun taf bid-Deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 2003, peress li din deheret fl-istampa u kienet is-suġġett ta' komunikat stampa maħruġa mill-Kummissjoni fil-ġurnata li ġiet adottata. Ir-rikorrenti ma setgħatx tinjora l-eżistenza tad-Deċiżjoni sas-7 ta' Ġunju 2004, id-data li fiha hija talbet li tingħatalha l-verżjoni kompluta tad-Deċiżjoni.

19     Il-Kummissjoni tosserva li skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU 1999 L 83, p. 1) it-terminu għall-ppreżentat ta' rikors jibda' jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tas-sentenzi fuq għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant safejn l-avviż qasir jindika b'mod ċar il-possibbiltà li tinkiseb kopja tad-Deċiżjoni fil-lingwa awtentika, it-tqegħid għad-disposizzjoni ta' l-imsemmija Deċiżjoni, l-iktar tard, fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fuq l-internet tammonta għal pubblikazzjoni kompluta. Għaldaqstant,id-dies a quo huwa f'dan il-każ it-12 ta' Frar 2004, id-data tal-pubblikazzjoni u ta' l-avviż qasir u tat-tqegħid għad-diposizzjoni tal-verżjoni kompluta tad-Deċiżjoni fuq l-internet. F'dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rikors ippreżentat fid-29 ta' Lulju 2004, huwa bla dubju ta' xejn tardiv, għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

20     Ir-rikorrenti ma tistax tidderoga mit-terminu għall-preżentata ta' rikors ta' natura pubblika u tippretendi li tibbenefika minn terminu ġdid billi tibbaża ruħa fuq it-talba tagħha tas-7 ta' Ġunju 2004. L-ittra li biha l-Kummissjoni għaddiet lir-rikorrenti t-test tad-Deċiżjoni, ma tiftaħx terminu ġdid għall-preżentata ta' rikors. Il-Kummissjoni ħasbet ukoll biex, f'din l-ittra tfakkar li t-test kien diġà disponibbli fuq l-Internet.

21     Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tista lanqas tibbaża iktar ruħha fuq żball skużabbli, fin-nuqqas ta' imiġiba tali, li waħedha jew f'miżura determinanti toħloq konfużjoni ammissibli, fil-moħħ ta' individwu ta' bona fede u li juri d-diliġenza kollha mitluba minn operatur normalment infurmat. F'dan il-każ, l-imġiba tal-Kummissjoni, li tissodisfa obbligu legali, magħruf minn kulhadd, ma setatx toħloq konfuzjoni u b'hekk tkun il-kawża ta' l-iżball li sar mir-rikorrenti.

22     Ir-rikorrenti tosserva li l-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ġunju 2004 li permezz tagħha hija tagħitha t-test tad-Deċiżjoni ma kienetx tindika li din kienet ser tiġi ppublikata b'mod sommarju la fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u lanqas li b'din il-pubblikazzjoni kien ser jibda' jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta' rikors għal annullament. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma kkunsidratx li din il-pubblikazzjoni sommarja kienet torbot lil terzi.

23     Il-pubbliku ma jistax b'mod raġonevoli, jiġi mitlub jikkonsulta kuljum is-serje C (Avviżi u Informazzjoni) tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea sabiex ikun żgur li l-istituzzjonijiet komunitarji ma jkunux adottaw deċiżjoni li mhijiex indirizzata lilu jew li lanqas ġie infurmat biha, li tista' taffettwa d-drittijiet tiegħu u/jew l-interessi tiegħu.

24     Dan huwa iktar u iktar il-każ minħabba li l-pubblikazzjoni kienet saret taħt forma ta' avviż qasir ħafna li fih kien hemm biss id-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni, l-Istat Membru kkonċernat, it-titolu, l-bażi ġuridika, l-ammont ta' l-għajnuna in kwistjoni, u l-għan tagħha fi ftit kliem ewlieni. Dan l-avviż ma kienx jippermentti li jsir magħruf il-kontenut u l-portata ta' l-att u kien jeħtieġ li jiġi kkonsultat is-sit Internet.

25     Ma kienitx l-intenzjoni tal-Kunsill li jirrendi l-pubblikazzoni ta' sommarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 659/1999 applikabbl għal terzi. Kieku l-Kunsill kien ikkunsidra din il-pubblikazzjoni bħala applikabbli għal terzi huwa ma kienx espressament jirriserva, fl-Artikolu 20(3) ta' l-imsemmi Regolament, id-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jiksbu, fuq talba tagħhom, kopja ta' tali deċiżjonijiet, li huma notifikati biss lill-Istati kkonċernati.

26     Ir-rikorrenti ssostni li, fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni kompluta fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' notifika, t-terminu għall-ppreżentata ta' rikors għandu jibda' mid-data li fiha wieħed isir jaf bil-kontenut jew bil-motivi ta' l-att, inkwestjoni sakemm it-talba tkun saret fi żmien raġonevoli. Issa fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma kienet ġiet infurmata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għaldaqstant ma kellha l-ebda raġuni tikkonsulta l-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u wisq inqas is-serje C.

27     Ir-rikorrenti tressaq il-fatt li kienet ġiet stabbilità reċentement (f'Novembru200), bdiet teżerċità l-attivitajiet tagħha f'Ġunju 2003, in-numri ta' ħaddiema tagħha huma limitati (139) u li m'għandhiex uffiċju legali fi ħdanha sabiex topponi l-argumenti tal-Kummissjoni li hija kien imissha kienet taf bid-Deċiżjoni sa mis-16 ta' Diċembru 2003.

28     Il-Kummissjoni bi ksur ta' l-Artikolu 88 (2) u (3) naqset milli tistieden, lit-tlett kumpanniji ta' l-ajru li joperaw fuq ir-rotta Pariġi San-Denis (Gzira ta' La Réunion), li minnhom kienet tifforma parti r-rikorrenti, jippreżentaw l-oservazzjonijiet tagħhom fuq is-sistema ta' għajnuna favur Air Austral, li tista' kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, teffettwa lill-kompetituri li joperaw fuq ir-rotta in kwistjoni. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti setat leġittimament tinjora l-fatt li d-Deċiżjoni setat teffettwa d-drittijiet u l-interessi tagħha.

29     Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx obbligata bl-ebda mod li tkun taf bl-artikli ta' l-istampa meta ġiet adottata d-Deċiżjoni u lanqas bil-komunikat stampa.

30     Huwa biss wara li ndunat li kienet qeda issofri danni kbar minħabba l-fatt li Air Austral kienet qeda twettaq atti li kienu qegħdin joħolqu distorsjoni kbira tal-kompetizzjoni li r-rikorrenti kienet staqsiet fuq il-legalità ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-kompetitriċi tagħha minn Sematra (kumpannija parastatali li l-maġġoranza ta' l-ishma huma miżmuma mir-Reġjun u mill-Provinċja tal-Gzira ta' La Réunion). Huwa preċiżament fil-kuntest ta' dawn ir-riċerki li r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha tas-7 ta' Ġunju 2004.

31     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li hija tista' xorta waħda tagħmel użu minn żball skużabbli li ma jwassalx għall-preklużjoni billi jċaħħada mid-dritt tagħha ta' rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

32     Fl-ewwel lok mill-kliem tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-kriterju tad-data li fiha wieħed isir jaf bl-att bħala bidu tat-terminu għall-preżentata ta' rikors huwa ta' natura sussidjarja meta mqabbel mal-pubblikazzjoni jew man-notifika ta' l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Marzu 1998, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C‑122/95, Ġabra. p. I‑973, punt 35 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-12 ta' Diċembru 2000, Alitalia vs il-Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 61, u tas-27 ta' Novembru 2003, Regione Siciliana vs il-Kummissjoni, T‑190/00, li għandha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 30).

33     F'dan il-każ, konformement ma' l-obbligu li hija għandha skond l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 26 (1) tar-Regolament 659/1999, il-Kummissjoni ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea avviż qasir li jinforma lill-partijiet ikkonċernati bl-eżistenza tad-Deċiżjoni u li jindika b'mod partikolari, id-data meta ġiet adottata, l-Istat Membru kkonċernat, in-numru ta' l-għajnuna, t-titolu tagħha, l-għan, il-bażi ġuridika tagħha, u l-ammont ta' għajnuna li ngħatatlu. Barra minn hekk, dan l-avviż qasir indika l-possibbiltà li jinkiseb it-test komplut tad-Deċiżjoni fil-verżjoni tal-lingwa awtentika min fuq is-sit ta' l-Internet tal-Kummissjoni u l-link jippermetti l-aċċess għaliha.

34     Il-fatt li l-Kummissjoni tagħti lil terzi aċċess komplut għat-test ta' deċiżjoni mqiegħda fuq l-Internet, flimkien mal-pubblikazzjoni ta' avviż qasir fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li tippermetti lill-partijiet kkonċernati jidentifikaw id-deċiżjoni in kwistjoni u tavżhom b'din il-possibbiltà ta' aċċess permezz ta' l-Internet, għandu jitqies bħala pubblikazzjoni valida skond il-ħames paragrafu, ta' l-Artikolu 230, KE.

35     Il-possibbiltà għall-partijiet ikkonċernati li jiksbu kopja ta' tali deċiżjoni, prevista mill-Artikolu 20(3), tar-Regolament Nru 659/1999 ma tannullax din il-konklużjoni.

36     Fil-fatt din id-dispożizzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiksbu kopja ta' kull deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, jiġifieri mhux biss deċiżjonijiet li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna (il-paragrafu 2) u deċiżjonijet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet (il-paragrafu 3) li huma ppublikati taħt forma ta' avviż qasir imma wkoll deċiżjonijiet li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni (il-paragrafu 4), li huma ppubblikat kollha. Din il-possibilità teżisti għaldaqstant independentement mill-pubblikazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u, t-terminu għall-preżentata ta' ppreżentat rikors previst fil-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 230, KE.

37     F'dan il-każ mhuwiex qed jiġi kkontestat li t-test komplut tad-deċiżjoni kien disponibbili fuq l-Internet fit-12 ta' Frar 2004, il-jum li fih ġie ppubblikat l-avviż qasir. Wara kollox ir-rikorrenti bl-ebda mod ma sostniet li minħabba raġunijiet tekniċi jew oħra ma kienx possibili li tikseb, b'dan il-mezz it-test komplut tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant it-12 ta' Frar 2004 jikkostitwixxi d-data li minnha beda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors mingħajr ma l-Kumissjoni kienet obbligata tindika fl-ittra tagħha tad-9 ta' Ġunju 2004, li d-Deċiżjoni ġiet ippubblikata taħt forma ta' 'avviż qasir u lanqas li min din il-pubblikazzjoni kien jibda' jiddekorri t-terminu għall- preżentata ta' rikors.

38     Fit-tieni lok, il-kunċett ta' żball skużabbli għandhu jiġi interpretat b'mod restrittiv, u għandhu jiġi applikat biss f'ċirkostanzi eċċezjonali, fejn b'mod partikolari, l-istiuzzjoni kkonċernata tkun adottat imġiba li waħedha jew f'miżura determinanti toħloq konfużjoni ammissibli, fil-moħħ ta' individwu ta' bona fede u li juri d-diliġenza kollha mitluba minn operaturi normalment infurmat (sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tad-29 ta' Mejju 1991, Bayer vs il-Kummissjoni, T‑12/90, Ġabra. p. II‑219, punt 29, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1994, Bayer vs il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra. p. I‑5619, punt 26).

39     F'dan il-każ l-argumenti ta' fatt tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li kienet ġiet stabbilità reċentement, in-numru ta' ħaddiema tagħha huma limitati u fuq il-fatt li ma kellhiex uffiċju legali fost il-persunal tagħha waħedhom ma jippermettux li tiġi konkluza l-eżistenza ta' żball skużabbli.

40     Fit-tielet u l-aħħar lok, il-fatt li l-pubblikazzjoni ta' l-avviż qasir torbot lir-rikorrenti huwa konformi mal-ħtiġijiet ta' ċertezza legali li għandha tipprevali fuq kull interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma' l-appell (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1987, Misset vs il-Kunsill, 152/85, Ġabra. p. 223, punt 11 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-18 ta' Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs il-Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra. p. II‑1355, punt 38). Fil-fatt it-teħid in konsiderazzjoni tad-data tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż qasir b'referenza għas-sit Internet bħala d-data tal-pubblikazzjoni ta' l-att ikkontestat, jippermetti li tiġi stabbilit b'mod ċert id-data eżatta minn meta jibda' jiddekorri t-terminu ta' xahrejn għall-preżentata ta' rikors previst mill-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 230, KE.

41     It-teħid in konsiderazzjoni tad-data ta' pubblikazzjoni ta' l-avviż qasir b'referenza għas-sit Internet bħala d-data ta' pubblikazzjoni ta' l-att ikkontestat jiggarantixxi barra minn hekk trattament indaqs fost it-terzi persuni kollha billi jiżgura li t-terminu biex jiġu ppreżentat ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet li jittrattaw ma għajnuna mill-Istat, huwa kkalkulat bl-istess mod kemm jekk id-Deċiżjoni tkun kompletament ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk din tkun ippubblikata fil-qosor b'referenza għas-sit Internet tal-Kummissjoni.

42     Għaldaqstant, peress li d-Deċiżjoni kienet ġiet ippubblikata fit-12 ta' Frar 2004, it-terminu għall-preżentata ta' rikors, b'applikazzjoni tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE u ta' l-Artikolu 102 (1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura skada fis-6 ta' Mejju 2004. B'konsegwenza, ir-rikors ippreżentat fid-29 ta' Lulju 2004, huwa bla dubju ta' xejn manifestament tardiv. 

43     B'rigward għal dak kollu li ntqal iktar 'il fuq ir-rikors għandu jiġi miċhud bħala inammissibbli.

 Fuq talba għal intervent

44     Peress illi r-rikors huwa inammissibli mhemmx lok li tittieħed Deċiżjoni fuq it-talba ppreżentata minn Air Austral sabiex titħalla tintervjeni fil-kawża biex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

45     Skond l-Artikolu 87 (2), tar-Regoli tal-Proċedura, l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż subiti mill-Kummissjoni konformement mat-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (ir-Raba' Awla)

tordna li :

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibli.

2)      Mhemmx lok li tittieħed Deċiżjoni fuq it-talba għal intervent ppreżentata minn Air Austral.

3)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Il-Lussemburgu, id-19 ta' Settembru 2005.


E. Coulon

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.