Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fit-23 ta’ Marzu 2021 – K.D. vs Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A.

(Kawża C-208/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: K.D.

Konvenut: Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A.

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonċentra t-tifsira tal-kunċett ta’ prattiki kummerċjali żleali biss madwar ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni ta’ kuntratt u mal-preżentazzjoni tal-prodott lill-konsumatur, jew il-formulazzjoni mill-imprenditur, li huwa l-kreatur tal-prodott, ta’ kuntratt standard li huwa qarrieqi, li fuqu huwa bbażat il-funzjonament tal-offerta ta’ bejgħ imfassla minn imprenditur ieħor, u li għalhekk ma huwiex konness b’mod dirett mat-tqegħid tal-prodott fis-suq, għandha wkoll tinftiehem li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kif ukoll taħt il-kunċett ta’ prattiki żleali tas-suq?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għandu jitqies li l-imprenditur li huwa responsabbli taħt id-Direttiva 2005/2 għall-użu ta’ prattiki żleali tas-suq huwa l-imprenditur responsabbli mill-formulazzjoni ta’ kuntratt standard li huwa qarrieqi, jew ukoll l-imprenditur, li fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt standard jippreżenta prodott lill-konsumatur u li huwa direttament responsabbli għat-tqegħid tal-prodott fis-suq, jew għandu jitqies ukoll li fuq il-bażi tad-Direttiva 2005/29 r-responsabbiltà taqa’ fuq iż-żewġ imprendituri?

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali), li tagħti lill-konsumatur id-dritt li jitlob lill-qorti nazzjonali tannulla kuntratt konkluż ma’ imprenditur flimkien mar-rimbors reċiproku tal-provvisti, jekk id-dikjarazzjoni tar-rieda tal-konsumatur li jikkonkludi l-kuntratt saret taħt l-influwenza ta’ prattika kummerċjali żleali tal-imprenditur?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, għandu jitqies li d-Direttiva 93/13 2 hija l-bażi legali xierqa għall-evalwazzjoni tal-aġir tal-imprenditur li jikkonsisti fl-użu ta’ kuntratt standard li ma jinftihemx u li ma huwiex ċar fir-relazzjoni tiegħu mal-konsumatur, u, għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ abbozzar sempliċi u ċar stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’kuntratti ta’ assigurazzjoni b’fond kapitali ta’ assigurazzjoni konklużi mal-konsumaturi, kundizzjoni kuntrattwali mhux individwalment innegozjata li ma tiddeterminax espliċitament il-livell tar-riskju tal-investiment matul it-terminu tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, u li tinforma biss dwar il-possibbiltà ta’ telf ta’ parti mill-ewwel premium imħallas u mill-premiums fis-seħħ fil-każ ta’ xoljiment tal-assigurazzjoni qabel ma jintemm it-terminu ta’ responsabbiltà, tissodisfa dan ir-rekwiżit?

____________

1 Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

2 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).